Opinjoni | Il-Parlament jgħaġġel biex jgħin lill-kmamar tan-nar
Il-Parlament Malti jirrispetta ħafna s-saltna tad-dritt. Tant li meta l-“ħbieb” jiksru l-liġi lest li jirranġa l-liġi flok ma jieħu l-passi li din tkun osservata
Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Jannar 2018, il-Qorti tal-Appell f’Malta tat deċiżjoni f’kawża dwar kamra tan-nar. Il-kawża kienet ilha għaddejja tletin sena, sa mill-1989. Il-Qorti tal-Appell laqgħet it-talba tal-komunità rurali u ddikjarat il-permess għal kamra tan-nar fiż-Żebbiegħ bħala null u bla effett.
Il-ġustizzja timxi bil-mod, anzi bil-mod ħafna, jgħidulna. Fil-fatt f’dan il-każ damet tletin sena! Sfortunatament l-inġustizzja tiġri ferm iktar.
F’inqas minn xahrejn wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell, f’Marzu 2018, il-Parlament iddiskuta u approva emendi għall-Ordinanza dwar l-Isplussivi b’mod li issa jista’ jkun possibli li l-permess għall-kamra tan-nar taż-Żebbiegħ ma jkollux iktar ostakli legali!
Il-Parlament Malti ovvjament jirrispetta ħafna s-saltna tad-dritt. Tant li meta l-“ħbieb” jiksru l-liġi lest li jirranġa l-liġi flok ma jieħu l-passi li din tkun osservata! Mhux xorta!
Il-Parlament ċeda quddiem min jidhirlu li hu l-fuq mil-liġi, dawk li joperaw il-kmamar tan-nar. Bl-emendi approvati għall-Ordinanza dwar l-Isplussivi għal darb’oħra rrestawra l-privileġġi ta’ dawk li jippretendu li huma ’l fuq mil-liġi. Bħala riżultat ta’ dan kollu l-Parlament ta bis-sieq lill-komunità rurali taż-Żebbiegħ li ilha tletin sena tissielet biex il-liġi tkun osservata u rispettata.
Bl-emendi approvati għall-Ordinanza dwar l-Isplussivi l-Parlament ta lill-Kummisarju tal-Pulizija d-diskrezzjoni biex dan joħroġ liċenzja għal Kamra tan-Nar meta din tkun iktar viċin ta’ toroq mill-minimu stabbilit mil-liġi, ċioe tkun eqreb minn 183 metru. Din l-awtorità addizzjonali ġiet mogħtija mill-Parlament lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jagħmel użu minnha “wara li jkun qies b’mod xieraq l-esiġenzi tas-sigurtà pubblika”. Fost il-Membri Parlamentari li qablu li jagħtu dan il-poter addizzjonali lill-Kummissarju tal-Pulizija kien hemm dawk li sa ftit ġranet ilu kienu għadhom qed jinsistu li dan kellu jirreżenja immedjatament.
Il-Parlament għaġġel ħafna tant li sal-20 ta’ Marzu 2018 kien prattikament approva l-emendi għall-Ordinanza dwar l-Isplussivi mill-istadji kollha. Il-minuti tas-seduti plenarji tal-Parlament, li jistgħu jinqraw online juru li ma kien hemm l-ebda wieħed mis-67 membru parlamentari li qam jiddefendi d-drittijiet tal-komunità rurali taż-Żebbiegħa. Ilkoll approvaw u appoġġaw li l-operazzjoni tal-kmamar tan-nar tkun waħda privileġjata.
Kien ikun ħafna aħjar kieku l-Parlament beda jikkunsidra u jiddibatti r-rapport Vella li kienet ikkonkludiet il-Kummissjoni ta’ Inkjesta mmexxija mill-Professor Alfred Vella xi snin ilu (Relazzjoni ta’ Kummissjoni ta’ Inkjesta fuq l-Aċċidenti Fil-Kmamar tan-Nar). Dan ir-rapport ta’ 97 paġna li kien ippubblikat nhar il-11 ta’ Novembru 2011 fih list ta’ 24 rakkomandazzjoni li fil-parti l-kbira tagħhom jikkonċernaw il-kwalità tal-materjali użati fil-produzzjoni lokali tal-logħob tan-nar. Ovvjament diskussjoni ta’ din ix-xorta mhix prijorità. Dik tista’ tistenna sa meta jseħħ l-inċident fatali li jmiss. Imbagħad ikun hemm ċans għad-dmugħ tal-kukkudrilli.