Opinjoni | Dak li jidher u dak Ii ma jidhirx

Id-demokrazija trid taħdem għaliha kuljum, f'kull mument u fi kwalunkwe ċirkostanza...

Id-demokrazija mhijiex xi ħaġa li tagħfas switch, titlaq 'il barra u tibda tiffunzjona.

Id-demokrazija trid taħdem għaliha kuljum, f'kull mument u fi kwalunkwe ċirkostanza.

Għal ħafna nies, il-metodu demokratiku ma jafux jispjegawh, imma jagħrfu meta jkun hemm xi element jew l-elementi fis-soċjetà tagħna li jkun qed jagħmel ħsara lill-metodu demokratiku.  Il-metodu demokratiku b'ebda mod ma jista' jitqies li hu perfett iżda bla dubju huwa l-aħjar metodu ta' tmexxija ta' pajjiż u regolamentazzjoni ta' poter li taf l-istorja tal-bniedem.

Il-libertà tal-espressjoni hija fundamentali fil-metodu demokratiku.

Dawn il-libertajiet ma jidhrux daqs kemm jidher il-bini tal-Parlament jew daqs kemm tidher il-figura tal-President, tal-Prim Ministru jew il-Kap tal-Oppożizzjoni. Dawn il-libertajiet ma jidhrux imma huma kruċjali.

Tisħiħ tal-libertà tal-espressjoni

Dan il-Gvern, bil-fatti, saħħaħ il-libertà tal-espressjoni.

Infakkar li fl-aħħar leġiżlatura mexxejna 'l quddiem pakkett ta' emendi leġiżlattivi li kellu l-għan li jiftaħ beraħ il-bieb tal-libertà tal-espressjoni artistika.  Mhux biss ftaħna dak kollu li artist jew kittieb jista' jgħid jew ma jgħidx f'soċjetà demokratika iżda armejna barra mit-tieqa għadd ta' liġijiet kriminali antiki li kellhom l-għan li jservu ta' mażżra fuq il-kittieb, l-artist jew min irid jgħid xi ħaġa.

Dan għamilnieh mhux għaliex kellna xi protesti fit-toroq biex nagħmlu hekk, jew bħala reazzjoni għal xi ħaġa li grat matul il-leġiżlatura mmexxija minn Gvern ifformat milll-Partit Laburista.

Għamilnieha b'konvinzjoni, b'rieda soda għaliex nemmnu fil-libertà tal-espressjoni.

Biex b'hekk ma narawx iktar xeni ta' reċti jiġu ċċensurati jew kittieba jitressqu quddiem il-Qrati kriminali minħabba xi ħaġa li kitbu, qawwija kemm tkun qawwija, xokkanti kemm tkun xokkanti. 

Il-limitu tal-libertà tal-espressjoni

Ikun hemm min isaqsi – allura ma hemmx limitu għal-libertà tal-espressjoni?

Iva, bla dubju. L-iktar risposta ċara hija li d-dritt tiegħek għal-libertà tal-espressjoni jieqaf meta tidħol fil-kamp ta' tixrid ta' mibegħda jew vjolenza speċjalment meta din tkun ibbażata fuq xi ħaġa distintiva li wieħed għandu (eżempju sess, reliġjon jew twemmin).  Dik hija ċara kristall u fil-leġiżlatura li għaddiet saħħaħna l-artikli relevanti biex inkunu iktar iebsin fuq min irid jabbuża mil-libertà tal-espressjoni u l-artikli huma b'saħħithom immens tant li jekk wieħed jagħmel hekk ikun qed jilgħab mal-ħabs. U hekk għandu jkun.

L-istorja turina x'jiġri meta wieħed ixerred il-mibegħda jew vjolenza fuq sezzjoni tal-poplu – jinfetħu ġrieħi li jdumu s-snin ma jagħlqu. Meta jiġri hekk l-iktar li tbati tkun id-demokrazija.

Riċentement qam il-fenomenu tal-fake news. Pajjiżna dejjem kellu liġijiet kontra li xxerred informazzjoni jew aħbarijiet foloz. Il-kunċett ta' fake news jirfina fuq dan li kellna diġà fil-liġijiet tagħna, speċjalment meta wieħed iqis kif ix-xenarju nbidel mill-qiegħ bis-saħħa tas-social media.

Għalhekk nemmen li dan hu limitu ieħor fuq il-libertà tal-espressjoni – limitu importanti għax, anke hu, iweġġa' d-demokrazija fl-intier tagħha.

Twessigħ tal-espressjoni ġurnalistika

It-tieni pass hu t-twessigħ tal-libertà tal-espressjoni ġurnalistika u matul l-ewwel sena tat-tieni leġiżlatura tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat għaddejna liġijiet b'saħħithom ħafna li jiftħu l-bibien beraħ u bla preċedent fejn tidħol il-libertà tal-espressjoni ġurnalistika.

Issa li l-abbozz sar liġi, kulma jonqos hu li l-liġi tidħol fis-seħħ.  U dan se jsir fit-12 ta' Mejju li ġej biex b'hekk pajjiżna jerġa' jagħmel pass ieħor importanti 'l quddiem favur iktar ħsieb progressiv u iktar tħaddim tad-demokrazija bil-fatti.

Ħaddieħor ipaċpaċ dwar it-tisħiħ tad-demokrazija u r-rule of law. Aħna nwettqu d-differenza bil-fatti.

Il-kultura tkompli timxi 'l quddiem

Is-settur kulturali qed ikompli jimxi 'l quddiem b'saħħa kbira ħafna.

Din il-ġimgħa biss saru tliet avvenimenti importanti li jagħtu kontribut lis-settur kulturali.

L-ewwel nett nidejna l-edizzjoni tas-sena 2018 tal-infjorità fejn Pjazza San Ġorġ saret tapit ta' fjuri u sbuħija.  Mhux il-pjazza San Ġorġ biss imma anke fuq il-bejt tal-Main Guard sar roof top garden sabiħ li jibgħat messaġġ importanti ta' kemm in-natura tista' tagħmel differenza fil-ħajja ta' kull wieħed u waħda minna.  Dan hu legat importanti ta' Valletta 2018 u ma għandix dubju li fis-snin li ġejjin dan se jitkompla biex jitkattar u jikber f'postijiet oħra madwar pajjiżna , inkluż il-Furjana.

It-tieni nett ħabbarna l-programm kultura għas-sajf ta' Pjazza Teatru Rjal.  Dan se jkun programm kulturali eċċezzjoni fejn se jattira l-aqwa ismijiet kemm lokali u barranin u m'għandix dubju li l-poplu Malti u Għawdxi se jikkonkorri bi ħġaru.  Ħadt l-opportunità li nfakkar fil-wegħda elettorali li għandna biex ikollna diskussjoni f'pajjiżna dwar jekk għandux ikun hemm saqaf fuq is-sit biex jivvalorizza iktar il-possibbilitajiet kulturali waqt li jnaqqas l-inkonvenjenti ta' storbju li jinħolqu għar-residenti u kull min ikun ikun fil-Belt Valletta. 

It-tielet nett żort il-Beland Music Festival li hu l-ikbar festival li jiġi organizzat fin-Nofsinhar tal-pajjiż.  Allaħares il-festivals il-kbar ta' pajjiżna jiġu organizzati biss mill-Gvern u għalhekk il-Kunsill għall-Arti jipprovdi għal Cultural Partnership Agreements ta' tliet snin fejn jgħin diversi organizzazzjonijiet biex itellgħu l-festivals tagħhom. Ngħinuhom fuq tliet snin biex ikunu jistgħu jippjanaw aħjar u jimmassimizzaw fuq il-funding opportunities li ntuhom.  Dan hu mezz ieħor kif insaħħu l-ħidma kulturali fil-komunitajiet tagħna.

Diacono

U ladarba semmejt il-Beland, irrid nirreferi għal talk li ġiet organizzata fil-parti sotterranja ta' Pjazza Teatru Rjal mill-Wirt iż-Żejtun dwar Mro. Carlo Diacono.  Ħadt gost ħafna nisma' lil Catherine Tabone u Mro. Brian Schembri jgħallmu lill-udjenza dwar Carlo Diacono u l-preġji tiegħu.

Bis-saħħa ta' din it-talk fhimt aħjar l-kobor u l-importanza tal-unika opra li kiteb Carlo Diacono – l'Alpino. Aħna daqqejna intermezzo tal-Alpino fil-ftuħ tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea fil-Bożar, il-Belġju.  U dan kien verament intermezz sabiħ ħafna.  Biss għadni qatt ma kelli x-xorti nisma' l’Alpino u naħseb ma nkunx waħdi jekk ngħid li għandi xewqa kbira li fil-ġenerazzjoni tiegħi terġa' tittella' l'Alpino.

Ftit ilu l-Ministeru tiegħi ħa ħsieb itella' San Paolo evangelizza I Maltesi ta' Mro. Diacono b'kollaborazzjoni mal-Orkestra Nazzjonali fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann f'ġieħ dan il-ġenju Żejtun.

Tgħid jirnexxilna naraw l'Alpino?  Intom x'taħsbu

More in Blogs