Editorjal | Il-kirjiet: Pass kbir ’il quddiem
L-aħbar illi €50 miljun mill-IIP (bejgħ ta’ passaporti) se jmorru għal proġett ta’ housing hija verament pożittiva
Nhar l-1 ta’ Mejju l-Prim Ministru kkonferma storja li kienet żvelat din il-gazzetta u allura li l-White Paper li titratta l-kirjiet privati kienet approvata mill-Kabinett u se tersaq għal konsultazzjoni pubblika fiż-żmien li ġej.
Dan huwa żvilupp li din il-gazzetta tilqa’ b’ferħ. Dan ifisser illi meta s-soċjetà ċivili b’individwi ta’ rieda tajba bl-għajnuna tad-determinazzjoni tagħhom u bl-għajnuna wkoll tal-midja li tagħti palata, l-affarijiet jibdew jiċċaqalqu.
Ta’ min infakkru permezz ta’ dan l-editorjal illi meta sentejn ilu kienet din il-gazzetta li rrappurtat l-ewwel proposti ta’ Yana Mintoff, bint l-eks PM Laburista Dom Mintoff, dwar il-kirjiet kien hemm min iddieħaq biha u forsi wkoll bina, “għax is-suq isuq u ma tistgħu tagħmlu xejn”. Jidher li l-lingwaġġ illum inbidel, tant li l-Kabinett approva l-White Paper hekk kif imressqa minn grupp kbir ta’ nies li fis-skiet kienu qed jaħdmu biex illum għandna xi ħaġa li se tqarribna lejn regolarizzazjoni, fejn s’issa teżisti ġungla.
Il-bidliet proposti jidher illi mhux se jipprovaw jindaħlu fuq il-valur ta’ kirja u dan minnu nnifsu huwa tajjeb għax gvern ma jistax ikun hu li jiddetermina prezz. Gvern, kwalunkwe Gvern, jaf joħloq preċedent jekk imur fuq xi ħadd u jiddettalu l-prezzijiet hu. Dan ma jsir fl-ebda qasam ieħor u m’għandux isir f’dan lanqas.
Il-White Paper dwar il-kirjiet minnha nnifisha hija pass kbir ’il quddiem u rebħa għal dawk kollha, inkluż din il-gazzetta
L-irwol tal-Gvern f’dan il-każ huwa li jirregola u li jgħin b’mod dirett. Bil-pubblikazzjoni ta’ White Paper iktar tard din is-sena jidher li dan il-Gvern se jkun mexa pass kbir biex jirregola. Dan huwa pass tajjeb ħafna għax settur li mhux regolat u li allura jitħaddem bil-liġi tal-ġungla jikkrolla, xi darba jew oħra. Min-naħa l-oħra, suq regolat huwa wieħed li jissopravivi għal tul ta’ żmien u li bih il-ġid li jinħoloq ma jkunx biss issa u llum, imma ġid li jitqassam fuq perjodu twil ta’ żmien.
L-għajnuna diretta min-naħa tal-Gvern tiġi fil-forma ta’ housing soċjali. L-aħbar illi €50 miljun mill-IIP (bejgħ ta’ passaporti) se jmorru għal proġett ta’ housing hija verament pożittiva. Imma lil hinn mit-tħabbiriet issa wasal iż-żmien li dan il-proġett u ieħor li qed isir madwar il-pajjiż, iħaffu l-pass u nibdew naraw il-frott.
Illum għandna nies f’pajjiżna, uħud li saħansitra qed ikollhom jiġu għandna u jiftħu qalbhom, li qed jingħataw daqqa ta’ sieq ’il barra minn kirja għax meta jasal tmiem il-kuntratt, sid il-kera jgħolli b’mod eżorbitanti għax jaf li f’suq b’saħħtu jista’ jsib lil xi ħadd ieħor. Fl-istess ħin bil-paga tagħhom ma jikkwalifikawx għal self biex jixtru post. Dawn huma ġeneralment nisa, uħud minnhom bit-tfal u f’xogħlijiet li jħallsu pagi ta’ madwar €1,000-€1,200 fix-xahar. Dawn in-nies illum ma jistgħux jixtru u jinsabu mdendlin b’kirja li tista’ togħla fl-aħħar tal-kuntratt b’tali mod li ma jkunux jifilħu jħallsu. Fi kliem ieħor f’dan iż-żmien ta’ tkabbir ekonomiku bla preċedent qed noħolqu klassi ta’ nies u familji li lanqas għandhom garanzija ta’ saqaf fuq rashom.
F’dan iż-żmien ta’ tkabbir ekonomiku bla preċedent qed noħolqu klassi ta’ nies u familji li lanqas għandhom garanzija ta’ saqaf fuq rashom
Huwa ċar li minkejja l-bidliet fil-liġi dwar il-kirjiet privati, dawn il-klassi ta’ nies se jibqgħu mdendlin. Għalhekk huwa importanti ħafna li kemm jista’ jkun malajr il-proġetti ta’ housing soċjali jimmaterjalizzaw. Iktar kemm indumu, aktar se jbatu dawk li huma verament fil-bżonn.
Għalhekk il-White Paper dwar il-kirjiet minnha nnifisha hija pass kbir ’il quddiem u rebħa għal dawk kollha, inkluż din il-gazzetta, li ħassew li għandu bżonn isir xi ħaġa. Imma l-White Paper trid tittieħed fil-kuntest kollu ta’ pajjiż li fih qed jinħoloq ħafna ġid imma sfortunatament qed jinħoloq ukoll faqar ġdid, ħafna minnu moħbi.
Nittamaw li d-diskussjoni dwar il-White Paper u eventwalment l-approvazzjoni tagħha tkun l-ewwel pass minn ħafna biex dan il-pajjiż ikompli jeradika l-faqar.
Meta nkunu qridna ħafna mill-faqar u meta nkunu qed ngħixu f’pajjiż li fih tirrenja l-ekwità ekonomika nkunu tassew bdejna ngħixu l-aqwa żmien!