Opinjoni | Solidarjetà sħiħa
Il-poplu Malti u Għawdxi jinsab ixxukkjat għaliex l-aġir ta' min fera b'mod daqstant qawwi huwa kattiv f'livelli bla preċedent...
L-inċident kundannabbli għall-aħħar li seħħ ftit tal-jiem ilu fejn kuntistabbli tal-iskwadra tat-traffiku tal-Korp tal-Pulizija safa korrut bl-iktar mod kattiv u dirett ixxokkja lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Jiena lill-membru tal-Korp tal-Pulizija involut - Simon Schembri - ma għandix ix-xorti li nista' ngħid li nafu ħafna, għad li ġieli ltqajt miegħi fil-kors tad–doveri tiegħu. Biss, kull min jafu tajjeb jgħid kliem sabiħ immens dwar il-kuntistabbli Schembri u anke l-mezzi tax-xandir fakkru lill-pubbliku bil-ġesti sbieħ li għamel matul il-karriera tiegħu.
Il-poplu Malti u Għawdxi jinsab ixxukkjat għaliex l-aġir ta' min fera b'mod daqstant qawwi huwa kattiv f'livelli bla preċedent. Il-kariga tiegħi ma tħallinix nesprimi iktar dwar dan il-każ minħabba l-prinċipju kardinali tal-pruzunzjoni tal-innocenza u allura ħa niffoka fuq żewġ punti li nista' nitkellem dwarhom.
Attakk b'mod tant feroċi fuq membru tal-Korp li dmiru hu li jgħin lis-soċjetà tagħna tgħix ħajja aħjar u b'osservanza tal-liġi huwa attakk fuq il-Korp tal-Pulizija u s-soċjetà nnifisha
L-ewwel punt- solidarjetà sħiħa mal-Korp tal-Pulizija kollu kemm hu. Attakk b'mod tant feroċi fuq membru tal-Korp li dmiru hu li jgħin lis-soċjetà tagħna tgħix ħajja aħjar u b'osservanza tal-liġi huwa attakk fuq il-Korp tal-Pulizija u s-soċjetà nnifisha li fil-Korp tara protezzjoni u għajnuna. Jiena ili prattikament 16-il sena naħdem fil-qrib mal-Korp tal-Pulizija u fil-membri tiegħu dejjem rajt nies li jaħdmu, li jagħtu dak kollu li jafu biex iwettqu dmirhom bl-aħjar mod.
Naturalment id-dinja magħmula mill-bnedmin mhux mill-perfetti u kull fejn hemm il-bnedmin hemm fejn ittejjeb u tiżviluppa. Biss b'mod ġenerali il-Korp tal-Pulizija jagħmel xogħol imprezzabbli u f'kull mument li kelli dejjem tkellimt favur il-Korp kemm meta kont fuq il-bankijiet tal-Gvern u anke meta kont fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni.
L-ammont kbir ta' persuni minn kull sfera tal-ħajja li niżlu fit-toroq nhar is-Sibt li għadda f'att ta' solidarjetà kbir mal-Korp tal-Pulziija kontra min jagħmel atti ta' vjolenza jew abbuż fil-konfront tal-Korp tal-Pulizija kien turija ċara li l-poplu Malti u Għawdxi hu magħqud favur ir-rispett li jimmeritahom li jkollhom il-ħaddiema kollha f'pajjiżna li xogħolhom hu li jirregolaw u jaraw li l-liġijiet ta' pajjiżna jkunu osservati.
It-tieni punt – solidarjetà sħiħa mal-familja Schembri. Ħadd ma jista' jifhem l-uġigħ li bħalissa qed issofri l-familja Schembri li bla dubju ta' xejn jinsabu xxokkjati iktar minn kulħadd b'dak li ġara tant għall-għarrieda. Membru ta' familja sabiħa qam filgħodu, mar għax-xogħol u spiċċa ferut bl-iktar mod kattiv waqt li kien qed jaqdi d-doveri tiegħu. Min jaf dik il-familja x'dulur qed tħoss bħalissa! Aħna ninsabu magħqudin f'solidarjetà sħiħa ma' din il-familja u tinsab fi ħsibijietna.
Liġi ġdida dwar l-istampa
Din il-ġimgħa daħlet fis-seħħ il-liġi ġdida dwar l-istampa wara vjaġġ twil li ħadna f'żewġ leġiżlaturi differenti, għadd ta' laqgħat mal-istakeholders u diskussjonijiet twal. Ir-riżultat kien liġi b'saħħitha ħafna, progressiva u liberali li tagħmel ġieħ lil kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
Infakkar li din il-liġi li issa daħlet fis-seħħ qatlet darba għal dejjem il-libelli kriminali u kwalunkwe libell kriminali pendenti awtomatikament ġie mitmum b'effett tal-liġi. Ħaddieħor jitkellem fuq il-libertajiet tal-espressjoni – aħna nwettqu d-differenza.
Titjib fil-liġijiet elettorali
Il-liġi li issa daħlet fis-seħħ qatlet darba għal dejjem il-libelli kriminali u kwalunkwe libell kriminali pendenti awtomatikament ġie mitmum b'effett tal-liġi
Riforma oħra li seħħet din il-ġimgħa tirrigwardja bidliet fil-liġijiet elettorali. Ħafna mill-bidliet huma ta' natura teknika li ma jagħmlux wisq differenza lill-bniedem fit-triq u għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-operat tal-elezzjonijiet.
Biss hemm bidla waħda b'saħħitha li jiena kburi li seħħet taħt dan il-Gvern u li attirat il-kunsens ta' kulħadd – ċioè l-bidla li bis-saħħa tagħha l-għadd tal-voti se jsir b'mod elettroniku u mhux fiżiku.
Fil-kumitat tekniku li janalizza l-abbozzi kelma kelma u virgola virgola, l-esperti tal-Kummissjoni Elettorali taw preżentazzjoni li xxandret live fuq l-istazzjon tal-Parlament u daqs kemm spjegaw l-affarijiet tajjeb huma żgur li mhux se nkun jien li nispjegahom. Biss irrid nenfasizza li bis-saħħa tal-bidla kbira li daħħalna b'seħħ mill-elezzjonijiet li jmiss tal-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropew se tidħol fis-seħħ sistema ġdida fejn l-għadd tal-voti fil-counting hall isir b'mod elettroniku u mhux manwali waqt li tiġi mħarsa t-trasparenza tas-sistema kollha.
Grazzi lill-Kummissjoni Elettorali kollha kemm hi u l-ħaddiema kollha tax-xogħol kruċjali li sar biex inkunu nistgħu naslu s'hawn. B'mod speċjali nirringrazzja lill-Kummissarju Elettorali Joseph Church tal-impenn u d-determinazzjoni tiegħu.
Dan hu pass ieħor fit-tisħiħ tad-demokrazija tagħna.