Opinjoni | Macron u l-Kattoliċi Franċiżi
Macron jidher li tgħallem il-lezzjoni ta’ żmien Hollande u jrid tiġdid li jkun approvat kemm minn min jemmen kif ukoll min ma jemminx...
Fuq talba tal-isqfijiet Franċiżi, f’April li għadda saret laqgħa bejnhom u l-President ta’ Franza Emmanuel Macron fil-kulleġġ magħruf bħala tal-Bernardin, il-qalba tal-kultura fil-belt ta’ Pariġi. Għaliha kienu preżenti l-isqfijiet u 400 attivisti tal-Knisja Kattolika.
Kienet laqgħa sabiħa. L-isqfijiet taw stampa ċara tas-servizzi speċjali li qed toffri l-Knisja fi Franza għall-membri l-aktar dgħajfa tas-soċjetà Franċiża.
Imbagħad wieġeb il-president u beda billi lill-Kattoliċi Franċiżi nkoraġġihom jieħdu sehem fil-ħajja Franċiża ‘bħala Kattoliċi’. Huwa identifika tliet doni li l-Kattoliċi jistgħu joffru lil Franza.
Id-don tal-għerf
L-ewwel don li jistgħu joffru l-Kattoliċi huwa dak tal-għerf. Il-Knisja ilha sekli sħaħ depożitarja tal-għerf, b’mod partikulari fejn jidħlu kwistjonijiet dwar il-ħajja umana. Żied jgħid li l-Kattoliċi ma għandhomx jibżgħu jesprimu l-ħsibijiet tagħhom dwar ħwejjeġ bħal dawn: “Intom tqisu li d-dmir tagħna huwa li nipproteġu l-ħajja, b’mod partikulari meta dik il-ħajja ma għandhiex min jaqbeż għaliha”.
Id-don tal-impenn
It-tieni don hu l-impenn. Il-Knisja toffri sfida għar-relattiviżmu u n-nikiliżmu li qed itaqqlu s-soċjetà Franċiża. Dan l-impenn jinsab ukoll fis-sehem wiesa’ imma bilkemm apprezzat tal-Knisja b’risq il-foqra, il-morda, u l-persuni b’diżabilità.
Id-don tal-libertà
It-tielet don tal-Knisja ġie msejjaħ mill-President bħala l-libertà tagħkom. F’dinja nieqsa minn punti sodi ta’ riferenza, l-insistenza Kattolika għal ċerti veritjiet universali tagħti lill-Knisja l-libertà li titkellem fuq suġġetti li oħrajn isibuhom irritanti, bħal pereżempju d-dmirijiet li għandhom lejn xulxin, l-isfidi li joffri l-Iżlam u l-persekuzzjoni tal-Insara fil-Lvant Nofsani.
Xi jfisser dan?
Biex wieħed jifhem għaliex il-President Macron qed jitkellem daqshekk għoli dwar il-Kattoliċi Franċiżi, irid jifhem x’irid dan il-mexxej ġdid u żagħżugħ ta’ Franza. Macron ħarbat lill-partiti politiċi tradizzjonali u ħoloq partit ġdid. Hu għamilha ċara li l-għan tiegħu hu li jġedded is-soċjetà Franċiża billi jiffronta problemi li ebda politiku ma affronta minn meta affrontahom b’suċċess il-President De Gualle.
B’dan il-pjan ta’ tiġdid jidher li l-President Macron qed iqis lill-Knisja Kattolika Franċiża bħala alleat addattat biex it-tiġdid tiegħu jseħħ. Sinjal li t-tiġdid li għandu f’moħħu Macron mhux it-tiġdid ta’ natura Neo-Liberali li qed iseħħ f’pajjiżi oħra.
Ħafna kienu l-Kattoliċi li faħħru lill-President Macron għall-apprezzament tiegħu tal-kontribut li jistgħu jagħtu l-Kattoliċi Franċiżi, iżda kien hemm reazzjoni negattiva minn naħiet tax-xellug u tal-lemin li jemmnu li l-lajċità Franċiża tkun mhedda jekk tersaq lejn ir-reliġjon. Il-popolarità tiegħu għadha hemm imma sfat imnaqqsa bil-kritika tal-lajċisti sħan kif ukoll bl-inkwiet industrijali li nqala’ dan l-aħħar.
Premju Charlemagne
Macron huwa wkoll Ewropeista u jemmen fl-Unjoni Ewropea. Dan l-aħħar kien mogħti l-premju prestiġjuż Charlemagne bħala mexxej li offra ‘viżjoni ta’ Ewropa ġdida’. Qablu dan il-premju ngħata lil President ieħor ta’ Franza, Francois Mitterand. Se jirċievi dal-premju fil-belt Ġermaniża ta’ Aachen, li kienet ir-residenza tal-imperatur Charlemagne.
Macron ma kellux għaliex imur ’il bogħod biex iqis il-polz tal-poplu fejn jidħlu kwistjonijiet li jolqtu l-familja. Fi żmien meta hu kien għadu imsieħeb mal-President Soċjalista Francois Hollande ra mill-qrib il-protesti ta’ miljuni ta’ Kattoliċi mseħbin minn eluf ta’ nies bla twemmin li flimkien ipprotestaw kontra proposti Neo-Liberali li jolqtu ż-żwieġ u l-familja.
Macron jidher li tgħallem il-lezzjoni ta’ żmien Hollande u jrid tiġdid li jkun approvat kemm minn min jemmen kif ukoll min ma jemminx.