Opinjoni | €55 miljun moħlija
F'Malta għandna 832 karozza għal kull elf persuna...dan mhux wisq?
It-toroq tagħna ma jesgħux iktar karozzi. Ikoll naqblu li din id-dikjarazzjoni hi waħda korretta. Imma ma naqblux dwar liema hi l-aħjar soluzzjoni biex nindirizzaw din il-problema.
Il-Gvern għażel soluzzjoni li tiffoka fuq titjib fl-infrastruttura tat-toroq. Soluzzjonijiet ta’ dawn it-tip bla dubju jqassru l-ħin tal-ivjaġġar fl-immedjat. Imma bla dubju, bħala konsegwenza ta’ dan jiżdiedu wkoll in-numru ta’ karozzi fit-toroq. Meta meqjusa fuq tul ta’ żmien, l-għażla li qed jagħmel il-Gvern flok tnaqqas il-problemi bla dubju żżidhom. Għax din hi politika li tibgħat messaġġ wieħed ċar u li jinftiehem minn kulħadd: dawk li jfasslu l-politika tat-trasport f’dan il-pajjiż jippreferu l-karozza bħala l-mezz ewlieni tal-mobilità.
Din mhix għażla sostenibbli. Dawk li jfasslu l-politika tat-trasport f’Malta għadhom ma fehmux li l-pedament ta’ din il-politika hu l-għarfien tal-fatt li l-pajjiż hu żgħir u kullimkien hu tefa’ ta’ ġebla ’l bogħod. Sistema effiċjenti ta’ trasport pubbliku ssolvi l-parti l-kbira tal-ħtiġijiet tagħna ta’ mobilità. Imma rridu nifhmu wkoll li biex it-trasport pubbliku nibdew inqisuh bħala parti essenzjali mill-għażliet tagħna s-sussidji mhux biżżejjed.
B’popolazzjoni stmata ta’ 432,000 dan ifisser li għandna 832 karozza għal kull elf persuna, waħda mill-ogħla ċifri fid-dinja.
Wara iktar minn sittin sena ta’ traskuraġni hemm il-ħtieġa li dawk li jfasslu l-politika dwar it-trasport għandhom jibdew jikkunsidraw b’iktar attenzjoni l-alternattivi għas-sewqan ta’ karozzi. Huwa biss minn dak il-ħin ’il quddiem li t-trasport pubbliku jkun jista’ jitqies bħala l-mezz ewlieni ta’ mobilità sostenibbli f’dawn il-gżejjer. Dan jista’ jkun supplimentat mit-trasport bil-baħar, mir-roti kif ukoll mill-mixi. B’inqas karozzi fit-toroq tagħna, bla dubju kemm ir-rota kif ukoll il-mixi, ikunu iktar attraenti.
Minn mistoqsija parlamentari li wieġeb iktar kmieni dan ix-xahar il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, jirriżulta li sa nhar it-30 t’April 2018 kellna 377,305 vettura fit-toroq Maltin. B’popolazzjoni stmata ta’ 432,000 dan ifisser li għandna 832 karozza għal kull elf persuna, waħda mill-ogħla ċifri fid-dinja. Dan mhux sinjal ta’ affluwenza imma l-ikbar prova li dawk li jfasslu l-politika tat-trasport f’pajjiżna ma rnexxielhomx jifhmu l-ħtiġijiet għal mobilità sostenibbli f’pajjiż żgħir.
Skont statistika tal-2014, fit-toroq tal-Lussemburgu hemm 661 vettura għal kull elf ruħ. Għalkemm inqas minn dik ta’ Malta, anke din iċ-ċifra hi waħda għolja. Imma kieku kienet applikabbli għall-pajjiżna kien ikollna 75,000 karozza inqas fit-toroq tagħna: tnaqqis ta’ madwar 20%. Il-popolazzjoni tal-Lussemburgu hi komparabbli għal dik ta’ Malta u d-daqs tal-pajjiż hu wieħed żgħir, avolja l-pajjiż hu ikbar minn Malta.
It-Turkija, min-naħa l-oħra, pajjiż li hu ferm ikbar, kemm fid-daqs kif ukoll fil-popolazzjoni, għandu 134 karozza għal kull elf persuna fit-toroq tiegħu. Ċifra li applikata għal Malta tkun tfisser 302,000 karozza inqas fit-toroq tagħna: tnaqqis ta’ 80%. Flok niżviluppaw jew nibnu iktar toroq, bil-flyovers b’kollox, kieku nkunu nistgħu nittrasformaw numru ta’ toroq eżistenti f’żoni ta’ rikreazzjoni! Ħolma sabiħa kieku!
Wara iktar minn sittin sena ta’ traskuraġni hemm il-ħtieġa li dawk li jfasslu l-politika dwar it-trasport għandhom jibdew jikkunsidraw b’iktar attenzjoni l-alternattivi għas-sewqan ta’ karozzi.
Huwa dwar dan li neħtieġu dibattitu serju. Sfortunatament ma hawn l-ebda interess biex il-politika għat-trasport f’Malta tibda tqis it-tnaqqis tal-karozzi fit-toroq bħala possibilità realistika biex tkun indirizzata b’mod effettiv il-konġestjoni tat-traffiku u bħala riżultat il-mobilità sostenibbli.
Flok titjib fl-infrastruttura tat-toroq neħtieġu politika li tgħin in-nies tibdel l-imġiba tagħha minn waħda ta’ fiduċja assoluta fil-karozza privata għal waħda li tqis it-trasport pubbliku bħala l-mezz ewlieni ta’ mobilità sostenibbli. Dan mhux ser iseħħ mil-lum għal għada. Jinħtieġ iż-żmien biex tirrimedja traskuraġni ta’ sittin sena li bħala riżultat tagħha pajjiżna abdika mir-responsabbiltà li jmexxi ’l quddiem politika ta’ mobilità sostenibbli.
Huwa bħala riżultat ta’ dan li iktar kmieni din il-ġimgħa l- Ministru għat-Trasport Ian Borg ħabbar proġett ta’ żvilupp tal-infrastruttura tat-toroq fiż-żona ċentrali tal-pajjiż: proġett li ser iwassal għall-ħela ta’ €55 miljun.
Nistgħu ntejbu kemm il-mobilità tagħna kif ukoll il-kwalità tal-arja billi ninkoraġixxu iktar l-użu ta’ mezzi sostenibbli bħat-trasport pubbliku.
L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] , http://carmelcacopardo.wordpress.com