Opinjoni | Adrian Delia

Id-Deputat Ivan Bartolo jikteb fuq l-ILLUM u jgħid x'jaħseb dwar Adrian Delia

Kull bniedem għandu l-karattru tiegħu. Mhux għax jien sirt Membru Parlamentari, allura ser ninbidel fil-karattru tiegħi. Dak li titwieled bih, jibqa’ miegħek.   Ngħid is-sew, illum il-ġurnata li jien rappreżentant tal-poplu, ġieli nżomm lura milli nesprimi dak li nħoss. Inżomm dejjem quddiem għajnejja li meta jaraw lili n-nies, ikunu qed jaraw ukoll l-arma tal-Partit li nirrappreżenta. Fost sħabek issib lil xi wħud ftit aktar dinamiċi milli wieħed jistenna. Ma nara xejn ħażin sakemm ma tkunx qed tonqos l-arma tal-Partit.  

Dirett

F’Delia nissaħħar meta narah idur man-nies u għand in-nies b’ mod dirett. Xi drabi nistaqsi lili nniffsi: Kemm se jseħħlu jissokta jagħmel hekk?  Għaliex dan ir-raġel jieħu b’idejn mijiet ta’ bnedmin kuljum jew aktar, u dan jitlob mill-bniedem ħafna saħħa. Mhijiex faċli. Personalment  wara xi serata house visits nibda nara kollox idur bija u ninqafel f’ kamarti. Inkun irrid nara dlam biss.  Iva, veru, ħadd ma jiċħad li għandu kuntatt dirett man-nies. Dan huwa importanti ħafna għal politiċi, jidhirli jien. Mill-ftit li nafu, inħoss li jirriffletti. U jaf ukoll x’inhu għaddej madwaru.  Meta nisimgħu jitkellem narah bħala bniedem li jaħseb u jittratta l-kwistjonijiet taż-żmien mill-qiegħ u b’bażi soda. Mhux kif jipprova jpinġih l-opportunist tal-programm Pjazza fuq is-Super One TV.  Ma qiegħed ngħid xejn ġdid dwar Delia, għax dan ir-raġel sa minn dejjem kien f’kuntatt dirett mal-bnedmin u li sa  minn dejjem kien imdorri jkun fost in-nies. Delia huwa bniedem pożittiv. Inħoss li huwa għotja personali għal Malta, minkejja li qatt ma kelli esperjenza tiegħu, u meta ħa l-kariga ta’ Kap, kienet sorpriża għalija.  Il-kordjalita li biha jsellem lin-nies, u n-nies ħabbitu. Ix-xrara tan-nar ħadet mill-ewwel, anzi ħadet f’daqqa waħda.

Meta nisimgħu jitkellem narah bħala bniedem li jaħseb u jittratta l-kwistjonijiet taż-żmien mill-qiegħ u b’bażi soda. Mhux kif jipprova jpinġih l-opportunist tal-programm Pjazza fuq is-Super One TV

Il-free vote

Il-Partit Nazzjonalista llum huwa flessibbli, dinamiku u miftuħ u fih qed jiġru żviluppi dejjem ġodda.  Trid iż-żmien biex tirrealizza dan, imma ż-żmien għad jasal ukoll. Il-PN għal kuntrarju tal-PL ta’ Muscat mhuwiex iffriżat. Anki jekk forsi mhux kulħadd jeħu gost bil-voti fil-Parlament, minna d-Deputati, xorta waħda nibqa’ nħoss li l-Partit qed ikompli jiġġedded. Dan hu s-sabiħ tal-PN u li jagħmillek kuraġġ, li minkejja li jiġru affarijiet li ħadd ma jistenniehom, iżda l-Partit Nazzjonalista huwa partit ħaj u mimli possibiltajiet ġodda. Tal-faċċata tagħna, b’rashom taħt il-mannara jkollhom ibaxxu rashom quddiem dak li jgħidilhom Muscat. Naf x’jien ngħid!

Hu l-kap

F’partit politiku, wieħed irid ikun lest għal kollox. Kull ilment m’għandux iwarrbu u kliemu dejjem għandu jkun ċar. Wieħed qatt m’għandu jwarrab biex jeħles minn xi ħaġa, lanqas m’għandu jċedi għall-pressjonijiet. Ħadd m’għandu jġiegħlu jitlaq. Issa hu l-kap u tela’ b’demokrazija wiesgħa li l-ebda Kap qablu ta’ ebda Partit Politiku, ma tela’ bil-mod kif tela’ hu.  Allaħares naqblu f’ kollox, inkella nkunu bħal gastra tal-qsari, imma issa hu l-kap. Hu jagħmel minn kollox biex jibni l-pontijiet.  L-id tal-ħbiberija rajtu jtawwalha... issa jmiss lil ħaddieħor jagħmel il-pass tiegħu.   

Fl-opinjoni umli tiegħi, il-Partit għaddej minn proċess, fejn f’xi mumenti l-Partit m’għadux jagħraf lilu nnifsu. Għall-kuntrarju għandu Kap, li għalkemm forsi għad m’ għandux is-saħħa sħiħa ta’ Kap, iżda nammira l-passi għaqlin tiegħu, b’passi sodi u determinati. Jaf minn fejn għandu jgħaddi u jaf fejn irid jasal.

Lagħqiżmu

Jista’ jkun hawn min jinterpreta dan l-artiklu bħala lagħqiżmu sfrenat. Xejn minn dan. Qatt ma lissint l-ebda kelma waqt il-kampanja għal Kap ġdid, dwar l-erba’ kandidati fil-pubbliku. Kelli l-opinjoni personali tiegħi u żammejtha għalija biss. Biex inkun għidt kollox attendejt attività tal-kandidati kollha, barra ta’ Delia. Ma’ Delia kont iltqajt fl-uffiċċju tiegħu il-Belt, u ġie jarani l-isptar, meta kont rikoverat wara l-operazzjoni.  Però issa nappġġġjah b’ħilti kollha. Nagħmel minn kollox u naħdem bla heda, biex  fil-limitazzjonijiet tiegħi, flimkien miegħu u warajh nkun farka għajnuna biex dan il-Partit jerġa’ jikteb il-paġna tan-nofs, bi kliem glorjuż li jixraqlu!   

More in Blogs