Opinjoni | Kemm ħasbuna ċwieċ?
Meta fittixt fid-dokumentazzjoni tal-MEPA sibt li mill-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp ma tantx jidher li qabeż xejn biex sar dan ‘l-iżball...’
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għadu kif ikkonkluda investigazzjoni dwar iċ-Ċentru Interpretattiv f’Ħad-Dingli. L-investigazzjoni fittxet li tiddetermina jekk kienx hemm xi ftehim minn wara l-kwinti bejn uffiċjali pubbliċi diversi biex is-sit f’Ħad-Dingli jkun ittrasformat minn ċentru interpretattiv għal stabbiliment tal-ikel.
L-investigazzjoni, kif spjegat f’rapport bl-Ingliż li ppubblika l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ma sab l-ebda prova li tista’ tissostanzja allegazzjonijiet dwar frodi jew korruzzjoni. Hemm imma referenza għal dak li qed jissejjaħ “oversight”, jiġifieri żball. Ċentrali fl-iżvilupp ta’ dan l-iżball insibu l-awtorità li tieħu ħsieb l-ippjanar dwar l-użu tal-art. Dakinhar MEPA, illum PA.
Meta l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli ssottometta l-applikazzjoni bażika (dik li nirreferu għaliha bħala outline development permission) (applikazzjoni PA5314/02) il-kunsill kien qed jitlob li jingħata permess għal żona fejn iservu l-ikel (id-dokumenti jirreferu għal catering area). Ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Verifika jagħmel referenza għal dokumenti tal-MEPA biex juri li l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli kien qed jintalab jirrevedi l-proposta tiegħu, u b’mod partikolari biex ineħħi mill-pjanti kull referenza għal żona fejn iservu l-ikel. Dan it-tibdil, jenfasizza r-rapport “included the elimination of catering services”. Biex l-affarijiet ikunu ċari ħafna, il-MEPA insistiet biex tkun emendata wkoll il-proposta ta’ żvilupp innifisha.
Il-proposta oriġinali ta’ żvilupp li ppreżenta l-Kunsill Lokali kienet dwar twaqqigħ ta’ żewġ binjiet eżistenti u l-bini minflok ta’ binja ta’ tliet sulari b’disinn modern b’qies ikbar minn dak tal-bini eżistenti. Il-pjanti jipprovdu għal kċina żgħira u żona mdaqqsa fejn joqogħdu bilqiegħda n-nies.
Il-MEPA insistiet, u l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli aċċetta, li l-proposta ta’ żvilupp kellha tkun emendat biex tikkonċerna r-restawr tal-binjiet eżistenti flmkien ma’ alterazzjonijiet u żidiet għalihom biex ikunu mibdula f’ċentru interpretattiv. Il-bejgħ ta’ ikel u xorb fuq is-sit kellu jkun limitat għal dak li seta’ jsir bil-magni (vending machines).
Id-diskrepanza kienet żball u kellha l-impressjoni li l-permess approvat kien jirrifletti d-diskussjoni li saret fil-bord u allura kien jipprojbixxi li jkun possibli li sservi l-ikel fis-sit
Iktar tard il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli ppreżenta applikazzjoni dettaljata (full development permission) li kienet approvata mill-MEPA. Din l-applikazzjoni approvata (PA0425/08), jgħidilna r-rapport tal-Uffiċċju tal-Verifika, “ippermettiet li ikel u xorb setgħu jinxtraw miċ-ċentru interpretattiv bħala attività anċillari (allowed food and drink to be served at the Interpretation Centre as an ancillary activity). Dan minkejja li dan kollu kien ipprojbit mill-permess bażiku li kien approvat iktar qabel, meta kienu ġew stabiliti l-parametri bażiċi tal-proġett.
Ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Verifika jgħidilna li meta l-investigaturi għarblu liċ-Chairperson tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp fuq il-każ, din qaltilhom li d-diskrepanza kienet żball u li hi kellha l-impressjoni li l-permess approvat kien jirrifletti d-diskussjoni li saret fil-bord u allura kien jipprojbixxi li jkun possibli li sservi l-ikel fis-sit (this variance as an oversight, and that she was under the impression that the permit issued reflected the Board’s discussion, and therefore excluded catering on site.)
Il-kelma li tintuża hi “oversight”, liema kelma tfisser “żball li jsir bi żvista għax tkun qabżitlek xi ħaġa”.
Meta fittixt fid-dokumentazzjoni tal-MEPA sibt li mill-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp ma tantx jidher li qabeż xejn biex sar dan “l-iżball”. Fil-fatt il-minuti tat-18 ta’ Marzu 2009 speċifikament jgħidu li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni minħabba li dak propost dwar il-“catering facilities” (jiġifieri l-użu magħruf bħala Class 6 use) ma kinux approvati fl-ewwel permess.
Fid-dokument tal-MEPA li nirreferu għalih bħala DPAR (Development Permit Application Report) fit-taqsima tiegħu intitolata “Notes to Committee” hemm miktub li l-perit tal-Kunsill Lokali rinfaċċjat b’dan ippreżenta pjanti mibdula li fihom il-faċilitajiet għall-catering tneħħew.
F’laqgħat li saru iktar tard mill-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp, din l-intenzjoni tal-Kummissjoni nbidlet u l-applikazzjoni bil-faċilitajiet tal-catering b’kollox kienet approvata nhar l-20 ta’ Jannar 2010.
Dan tista’ ssejjaħlu kollox minbarra “żball”. Kienu jafu x’inhuma jagħmlu.
Ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jgħidilna li “Din l-investigazzjoni tinnota li bejn it-18 ta’ Marzu 2009 u l-10 ta’ Marzu 2010, il-MEPA bidlet il-pożizzjoni tagħha minn waħda li teskludi l-faċilitajiet li jipprovdu għat-tisjir tal-ikel (Class 6 facilities) għal waħda li tippermettihom bħala faċilità anċillari.” Flok mill-bieb daħlu mit-tieqa.
Il-mistoqsija bażika hi waħda sempliċi ħafna: x’ġara bejn it-18 ta’ Marzu 2009 u l-10 ta’ Marzu 2010 biex wassal lill-Kummissjoni biex tibdel il-fehma tagħha? Din il-mistoqsija tibqa’ bla tweġiba wara li nkunu qrajna r-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
Huma biss iċ-ċwieċ li jistgħu jaċċettaw l-ispjegazzjoni li dan kien żball!
L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] , http://carmelcacopardo.wordpress.com