Opinjoni | Magħqudin, aktar b’saħħitna
Miriam Dalli tisħaq li l-attitudni ta’ bullying li qed jadotta l-gvern Taljan hija għal kollox inaċċettabbli
Ma tistax tgħid li l-attitudni tal-Gvern Taljan fuq l-immigrazzjoni ma kinitx mistennija. Attitudni arroganti għall-aħħar u bi ksur tal-liġijiet internazzjonali li l-pajjiżi dejjem imxew magħhom. Il-ħsibijiet ta’ Matteo Salvini, mexxej tal-Lega Nord u Viċi Prim Ministru, kienu ilhom magħrufa bħala ħsibijiet ta’ min irid imexxi b’ponn tal-ħadid.
Iżda l-attitudni ta’ bullying li qed jadotta l-gvern Taljan hija għal kollox inaċċettabbli.
Sa din il-ġimgħa stess anke l-Viċi Prim Ministru Luigi di Maio, waqt intervista televiżiva, kompla jqarraq. Qal affarijiet li mhux minnhom, fosthom li Malta kienet responsabbli mis-salvataġġ tal-MV Aquarius meta dawk responsabbli kienu t-Taljani. Saħansitra qal li s-salvataġġ sar fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija, meta fil-verità s-salvataġġ sar fiż-żona li l-Libja hi responsabbli minnha. L-operazzjoni kienet ikkordinata minn Ruma.
Huwa inaċċettabbli li Di Maio pprova jiġbor flimkien l-kwistjoni tal-immigrazzjoni mal-interconnector tal-elettriku bejn Malta u Sqallija.
Malta tinsab magħquda mal-kumplament tal-grid tal-elettriku Ewropew permezz taʾ substation fʾRagusa, li jfisser li pajjiżna qed jixtri l-elettriku mis-suq Ewropew b’rati kummerċjali. Din hija parti mit-taħlita ta’ enerġija f’Malta biex nassiguraw sigurtà ta’ provvista tal-elettriku. Malta għandha dan il-ftehim bi dritt u mhux b’xi tip ta’ karità mill-Italja jew minn xi pajjiż ieħor.
Di Maio bħal donnu ried jgħaddi messaġġ ta’ theddida lil Malta. Fil-fehma tiegħi, l-ebda pajjiż m’għandu jagħmel dan it-tip ta’ theddid fuq pajjiż ieħor sovran bħalu u li daqsu huwa membru tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk li nistenna li l-Kummissjoni Ewropea tieħu pożizzjoni u huwa fid-dawl ta’ dan li staqsejt jekk tali stqarrijiet jistgħux qatt ikunu meqjusa bħala aċċettabbli.
L-ebda pajjiż m’għandu jagħmel dan it-tip ta’ theddid fuq pajjiż ieħor sovran bħalu u li daqsu huwa membru tal-Unjoni Ewropea
Dan hu każ ieħor fejn irridu naċċertaw ruħna li flimkien inħarsu l-interess ta’ pajjiżna. Meta nisħaq dwar l-importanza li niddefendu l-interess ta’ pajjiżna, ifisser ukoll li rridu nkunu magħqudin fuq kwistjonijiet li jolqtuna. Ifisser li rridu nuru lil pajjiżi akbar minnha li għalkemm jista’ jkollna d-differenzi tagħna, xorta ninsabu magħqudin meta niffaċċjaw pajjiżi oħra. Sfortunatament f’dan il-pajjiż għad għandna min ma jridx jifhem li meta nuru li m’aħniex magħqudin nagħmluha aktar faċli biex ħaddieħor idawwar il-kanuni kontrina.
Għalhekk appellajt għal għaqda meta kien qed jiżvolġi l-każ tal-Aquarius għax hija b’pożizzjoni komuni biss li nistgħu nkunu b’saħħitna b’vuċi waħda fil-fora Ewropej.
Dejjem ħadt pożizzjoni favur Malta fil-Parlament Ewropew - pożizzjoni li tikkontrasta mal-pożizzjoni li dejjem jieħdu l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista.
Din il-ġimgħa kellna kwistjoni oħra li kienet iffukata fuq pajjiżna, din id-darba fil-kumitat tal-petizzjonijiet, fejn ċittadin Ingliż allega li f’Malta hawn nuqqas ta’ libertà ġurnalistika b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Din il-petizzjoni ntbagħtet erbat ijiem wara l-assassinju u minn dak iż-żmien ’l hawn ġew arrestati tlett persuni, il-każ għaddej quddiem il-qorti, l-investigazzjoni tal-pulizija għadha għaddejja, il-Parlament iddiskuta lil Malta darbtejn, kien hemm riżoluzzjoni, ġew membri tal-Parlament Ewropew f’Malta fuq okkażjonijiet differenti u hemm grupp ta’ ħidma dwar il-kwistjoni tar-rule of law li se jkun qed jiffoka fuq pajjiżna u fuq l-Islovakja.
Fuq dawn il-punti kollha, inkluż bl-appoġġ tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi, argumentajt flimkien mal-kollega tiegħi Marlene Mizzi li l-petizzjoni għandha tingħalaq mhux għax b’xi mod irridu li ma ssirx diskussjoni imma għaliex hemm ħafna diskussjonijiet għaddejjin f’kumitati oħra. Ovvjament il-Partit Popolari Ewropew u l-Partit Nazzjonalista permezz tar-rappreżentanta tagħhom f’dan il-kumitat Roberta Metsola, imbottaw l-aġenda partiġġjana tagħhom biex iħallu din il-petizzjoni jżommuha miftuħa
Li pajjiż ikun magħqud ma jfissirx li ma jkunx hemm differenzi fi ħsieb u li ma jkunx hemm oppożizzjoni iżda li pajjiż ma jagħmilx lilu nnifsu vulnerabbli għal attakki minn barra. Nittama li naslu f’punt fejn kulħadd jagħraf li l-għaqda hija dik li żżommna b’saħħitna.
L-importanza tat-tfulija
It-tfulija huwa l-aktar żmien importanti u bħala politiċi huwa dmirna li bil-liġijiet u policies li mmexxu ’l quddiem nipproteġu dejjem l-aħjar interess ta’ wliedna. Dan huwa prinċipju li nemmen fih bis-sħiħ, bħal meta, fost oħrajn, ħdimt fuq regolamenti fil-Parlament Ewropew dwar il-ħtif tat-tfal mill-ġenituri f’każijiet ta’ diżgwid bejniethom u anke dwar il-protezzjoni tat-tfal meta jkunu online.
Fost il-ħidma ta’ grupp fil-Parlament Ewropew iddedikat għad-drittijiet tat-tfal, niddiskutu mhux biss suġġetti bħal fostering u minuri mhux akkumpanjati iżda neżaminaw ukoll ligijiet li jiġu diskussi quddiem kumitati oħra u li jkollhom effett fuq it-tfal.
Huwa għalhekk li ninsab sodisfatta li, wara ħafna stennija, f’pajjiżna ġew ppreżentati emendi bil-għan li tissaħħaħ il-liġi dwar il-protezzjoni tat-tfal f’każijiet ta’ abbuż u negliġenza li f’xi drabi jwasslu anke biex it-tfal ikollhom jitneħħew minn mal-ġenituri tagħhom. Emendi li l-għan ewlieni tagħhom hu li nsaħħu u nieħdu ħsieb l-aħjar interess tat-tfal tagħna filwaqt li nagħtuhom vuċi aktar soda.
Li pajjiż ikun magħqud ma jfissirx li ma jkunx hemm differenzi fi ħsieb u li ma jkunx hemm oppożizzjoni iżda li pajjiż ma jagħmilx lilu nnifsu vulnerabbli
Se jispiċċa ż-żmien li ħruġ ta’ ordnijiet tal-ħarsien tat-tfal jaqgħu f’idejn il-Ministru responsabbli. Minflok se mmorru għal sistema aktar indipendenti u serja f’idejn il-Qorti tal-Minorenni jew Bord ta’ reviżjoni għall-ħarsien tal-minuri.
Pass ieħor importanti f’dan l-abbozz hu t-tipi differenti ta’ ordinijiet ta’ protezzjoni li se jkunu jistgħu jinħarġu. Bl-emendi li qed jiġu proposti se jkun hemm aktar flessibilta sabiex kull sitwazzjoni ta’ abbuż li t-tfal ikunu qed iġarrbu tista’ tigi indirizzata bl-aktar mod effettiv.
Biex verament nisimgħu lit-tfal bl-aħjar mod possibbli, irid ikollna sistema li ma tkunx ostili. Huwa għalhekk li f’dawn l-emendi qed jiġi propost il-mudell ta’ Children’s House li fih jinstemgħu kawżi dwar protezzjoni tal-minuri. Id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu fl-aħjar interess tat-tfal.
Irridu nifhmu li investiment fil-protezzjoni tat-tfal tal-lum ifisser investiment fis-soċjetà ta’ għada. Irridu nagħrfu l-importanza li ninvestu f’faxxa tas-soċjetà daqshekk vulnerabbli.