Opinjoni | Liġi kontra s-sigriet tal-qrar fl-Awstralja
Saċerdoti li jirrifjutaw li jobdu din il-liġi jistgħu jispiċċaw il-ħabs
Daħlet liġi ġdida fl-Awstralja li tobbliga lis-saċerdoti Kattoliċi f’Canberra jiksru s-sigriet sagru tal-qrar biex jirrappurtaw lil min jabbuża sesswalment bit-tfal. Il-liġi, li kellha oppożizzjoni feroċi mill-Arċisqof Christopher Prowse ta’ Canberra, tista’ tirriżulta f’għadd ta’ saċerdoti li jirrifjutaw li jobdu l-liġi u għalhekk isibu rwieħhom fil-ħabs.
Fis-Sette Ġunju
Il-liġi ġiet approvata fis-7 ta’ Ġunju mill-Assemblea Leġislattiva tat-territorju tal-belt kapitali Awstraljana (ACT) tobbliga r-rapurtaġġ t’abbużi tat-tfal li jseħħ fi knejjes u attivitajjiet tal-knejjes, anke dawk fil-kuonfessjonarji Kattoliċi. Il-partiti politiċi li hemm fl-Assemblea kollha approvaw l-liġi.
Saċerdot Kattoliku ma jistax jikser is-sigriet tal-qrar, li jfisser li ma jistax imur jgħid dak li jkun intqal lilu minn penitent li jkun mar iqerr dnubietu, bla ma jaqa’ awtomatikament taħt il-piena tal-iskomunika. Il-Knisja Kattolika tgħallem li l-qrar huwa sagrament, okkażjoni li fiha sseħħ laqgħa bejn in-Nisrani u Ġesù Kristu. Il-qassis li jisma’ l-qrara huwa biss l-għodda tal-maħfra ta’ Kristu. Sa issa l-konfessjonarju kien eżenti mil-liġijiet tar-rappurtar tal-ACT. Mill-31 ta’ Marzu 2019 is-saċerdoti li ma jirrappurtawx dak li jintqal lilhom fil-qrar dwar l-abbuż tat-tfal lill-Pulizija jissugraw li jittellgħu l-Qorti.
L-Arċisqof Prowse
L-Arċisqof Prowse ħadha bl-aħrax kontra l-liġi l-ġdida u qal: “Is-saċerdoti huma marbutin b’rabta sagra li jżommu s-sigriet tal-qrar. Mingħajr dak is-sigriet min ikun irid li jiftaħ qalbu dwar dnubietu, ifittex il-parir ta’ saċerdot u jirċievi l-maħfra t’Alla”
Prowse, l-Arċisqof ta’ Canberra u Goulburn, kiteb artiklu fil-gazzetta Canberra Times ġimgħa ilu fejn spjega għaliex liġi kontra s-sigriet tal-qrar se tagħmel ħafna ħsara u l-ebda ġid.
“L-ewwel nett liema persuna li tabbuża sesswalment se tmur tqerr għand qassis jekk jaħseb li wara se jisfa rappurtat?” staqsa.
Prowse spjega li hija l-esperjenza komuni tar-rgħajja spiritwali li dawk li jabbużaw mit-tfal ma jqerrux d-delitt tagħhom lill-qassis jew lill-Pulizija. Jekk jitneħħa s-sigriet, il-possibiltà teoretika li min jabbuża għandu mnejn iqerr u jingħata l-parir li jagħti lilu nnifsu lill-Pulizija tintilef.
“It-tieni nett il-Gvern innifsu ammetta mal-Kunsill tas-Sewwa, Ġustizzja u Fejqan
tal-Knisja Kattolika li hi ħaġa tqila biex tilmaħ abbuż sistematiku tas-sigriet tal-qrar”
It-tielet iċċara li l-qassisin mhux bilfors ikunu jafu l-identità tan-nies li jmorru jqerru għandhom.
Ir-raba’ hu qal li liġi bħal din tattakka s-sigriet invjolabbli tal-qrar. Oriġinarjament l-gvern tal-ACT stieden lill-arċisqof biex jiltaqa’ mal-Avukat Ġenerali ħalli jiddiskutu l-importanza kemm tal-ħarsien tat-tfal kif ukoll is-sigriet tal-qrar. Iżda l-leġiżlatura bdiet tiddiskuti l-abbozz il-ġdid qabel ma seħħet din il-laqgħa. L-Arċisqof ikkritika t-telfa ta’ din l-opportunità għad-djalogu u semma li l-liġi ġdida proposta thedded il-libertà reliġjuża.
Il-libertà reliġjuża
“Il-libertà reliġjuża hija l-libertà li jkollok twemmin u t-tieni nett il-libertà li turi twemminek fil-komunità u fil-pubbliku, privatament u individwalment fil-qima, fl-osservanza, fil-prattika u fit-tagħlim” huwa spjega.
“Il-Gvern qed jhedded il-libertà reliġjuża billi jaħtar lilu nnifsu bħala espert fil-prattiki reliġjużi u billi jipprova jbiddel is-sagrament tal-qrar waqt li ma jtejjibx is-sigurtà tat-tfal” żied jgħid. Il-liġijiet ġodda tar-raportar se jobbligaw lis-saċerdoti jirraPportaw allegazzjonijiet jew offiżi li għandhom rabta mat-tfal lill-Ombudsman fi żmien 30 jum.
X’qalu l-membri
Żewġ membri tal-Assenblea Leġiżlattiva tal-ACT dehrilhom li tobbliga lis-saċerdoti jiksru s-sigriet tal-qrar kien pass fid-direzzjoni żbaljata. Andrew Wall eks student tal-Kulleġġ Marista, skola notorja fl-Awstralja għal allegazzjonijiet t’abbużi sesswali fuq tfal, qal li waqt li xi miżuri ta’ ħarsien tat-tfal fil-liġi l-ġdida messhom ilhom li seħħew, hu oġġezzjona għall-inklużjoni tal-qrar.
Skont il-Canberra Times, Wall qal li tobbliga lill-qassisin jiksru s-sigriet tal-qrar “jillimita l-libertà t'assoċjazzjoni, il-libertà ta’ espressjoni u l-libertà tal-jeddijiet individwali”
Viski Dunne, it-tieni membru, semmiet li qassis li jikser is-sigriet tal-qrar jaqa’ fi skomunika li tista’ titneħħa biss mill-Papa. U żiedet li jdgħajjef il-fiduċja tal-Kattoliċi fir-rit sagru, sagramentali u sagrosant.
“Jeħtiġilna nieqfu u naħsbuha darbtejn qabel ma ngħaddu leġiżlazzjoni li tobbliga qassis Kattoliku jikser is-sigriet tal-qrar” qalet hi.