Editorjal | Għalih. Għall-PN. Għalina u għal pajjiżna
'Adrian Delia jeħtieġ jirrealizza l-gravità tar-responsabilità li għandu fuqu. Jiġifieri dik li joffri lilu nnifsu bħala Prim Ministru alternattiv b’partit magħqud qaqoċċa warajh. Jekk mhux se jirnexxielu....'

Bħalissa hawn ħafna nies li huma kuntenti se jtiru b’dak kollu li qed jagħmel il-Gvern. Tajjeb u prosit! Però daqstant ieħor hawn nies li mhumiex kuntenti bil-mod kif il-Gvern qed jamministra ċerta affarijiet, bħal pereżempju, l-ambjent jew inkella bil-mod kif qed ipoġġi l-wegħda tal-meritokrazija fil-prattika jew inkella dawk li għadhom xi ftit jew wisq imdarrsin bl-istejjer dwar kontijiet fil-Panama. U allaħres ma jkunx hekk! Allaħares ngħixu f’pajjiż fejn kulħadd idoqq l-istess diska u jċapċap dejjem! Allaħares ngħixu f’pajjiż fejn kulħadd jagħlaq ħalqu u ma jurix diżapprovazzjoni, għax kieku nkunu qed ngħixu f’dittatura.
Il-problema mhix li mijiet jew eluf ta’ votanti jeżerċitaw id-dritt sagrosant li juru diżapprovazzjoni jew li jopponu deċiżjonijiet tal-Gvern preżenti jew inkella li jistrajkjaw jew joħorġu jipprotestaw, il-problema hija li fuq in-naħa l-oħra tal-Gvern hemm partit li xi kultant jidher li jinsab f’battalja miegħu nnifsu jew ma’ elementi li kienu parti minnu.
It-telfa mill-ġdid b’36,000, anzi iktar, kienet devastanti ħafna għall-Partit Nazzjonalista u din tifhimha. Kienet telfa li ftit bassru li verament se sseħħ, l-aktar meta l-PN kien deher illi ngħaqad wara l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil bl-għajta favur governanza tajba u kontra l-korruzzjoni.
S’hemmhekk kollox sew, għax kienet reazzjoni naturali. Li llum sena wara l-PN għadu fl-istess ‘ħofra’ li kien sena ilu, minkejja li Adrian Delia issa riesaq għall-ewwel sena minn meta ħa t-tmexxija hija pjuttost inkwetanti.
Kważi fuq kollox, membri tal-PN jidhru li qed jieħdu pożizzjonijiet kunfliġġenti. Anke fl-immigrazzjoni. Minn naħa għandek il-Kap tal-PN jgħid li se jaqbel u jappoġġja lill-Gvern u min-naħa l-oħra għandek MEPs u Deputati jgħidu li dan huwa Gvern populist u parti mir-raġuni għaliex nies qed imutu fil-baħar. Issa vera li d-diversità fil-ħsieb hija sabiħa, imma meta jkollok l-istess nies, kważi l-ħin kollu qed jieħdu pożizzjoni li jew tikkontradixxi jew li tvarja minn dik li qed jieħu l-partit, ikun sinjal mhux ta’ diversità imma ta’ dissens.
imma meta jkollok l-istess nies, kważi l-ħin kollu qed jieħdu pożizzjoni li jew tikkontradixxi jew li tvarja minn dik li qed jieħu l-partit, ikun sinjal mhux ta’ diversità imma ta’ dissens
Huwa pjuttost ovvju, naturalment għal min ma jridx ideffes rasu fir-ramel, li l-PN mhux magħqud wara Delia. Indika dan il-kandidat tal-PN u l-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg f’artiklu l-ġimgħa l-oħra fuq din il-gazzetta illi fih jgħid hekk; “Lil hinn minn kull diskors ta’ rettorika, preżentement il-Partit għaddej minn esperjenza ta’ firda. Għalkemm xi wħud jippreferu bħal donnhom idaħħlu rashom fir-ramel, personalment nippreferi li nħares lejn ir-realtà, anke jekk din hija għafsa ta’ qalb. Li wieħed jinjora r-realtà ma jasalx biex isolvi l-problemi li wieħed ikollu!”
U jekk Buttigieg indikaha, ħafna oħrajn qed juruha apertament jew inkella fil-privat. Din il-ġimgħa David Thake ma tantx ħalla wisq għall-immaġinazzjoni, meta tkellem dwar “it-tmexxija tal-PN” u dawk li tkellmu dwar in-“New Way”. Aħna mhux se nidħlu fil-kwistjoni ta’ min għandu raġun, jekk hux Pierre Portelli jew David Thake (anke jekk li ddaħħal lil martek biex tagħmel programm fuq l-istazzjon li qed tmexxi huwa kunflitt ta’ interess oħxon). Imma li jkollok wieħed mill-akbar portavuċijiet u wieħed mill-aktar pedina importanti fil-magna ta’ propoganda tal-Partit Nazzjonalista, jingħata l-ġenb huwa sinjal ħażin. Joseph Muscat rebaħ u rebaħ bil-kbir, għax inkluda mhux eskluda. Għax aċċetta nies li sa ftit qabel daħal hu fit-tmexxija kienu jaħilfu li qatt ma jivvutaw Labour. Il-PN min-naħa l-oħra, b’40,000 vot ’il bogħod mill-Partit Laburista jħoss li għandu l-lussu li jagħti l-ġenb lin-nies għax mhumiex ma’ dak jew mal-ieħor.
Huwa inutli li t-tmexxija tal-PN tilmenta illi hemm min fil-PN li m’għandux rieda tajba. Huwa xogħol l-istess tmexxija illi fejn m’hemmx ir-rieda ta’ ħaddieħor isibuha huma u jipperseveraw, jiddjalogaw u jipperswadu.
Ikun hemm min jistaqsina; imma din il-gazzetta x’jinteressaha mill-benesseri diretti tal-Partit Nazzjonalista? Ir-risposta hija ‘ladarba d-demokrazija f’dan il-pajjiż tistrieħ, primarjament, fuq il-PN u l-PL, mela allura u għalhekk jinteressana ħafna fil-PN u l-PL. Għax il-PN, bħal PL, mhumiex organizzazzjonijiet li jaħdmu f’iżolament għalihom infushom, imma organizzazzjonijiet li qed jaħdmu biex imexxu pajjiż!
Joseph Muscat rebaħ u rebaħ bil-kbir, għax inkluda mhux eskluda.....il-PN min-naħa l-oħra, b’40,000 vot ’il bogħod mill-Partit Laburista jħoss li għandu l-lussu li jagħti l-ġenb lin-nies
Il-prospett li l-PN jaf jitlef b’distakk ikbar fl-2019, fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, hija verament dipressanti. Dipressanti, mhux għax aħna rridu lill-PN jitlef jew jirbaħ imma għax tkun daqqa oħra qawwija għall-PN u għax b’hekk l-Oppożizzjoni għall-Gvern, ingredjent importanti għal demokrazija, terġa’ tieħu daqqa ’l isfel.
Adrian Delia jeħtieġ jirrealizza l-gravità tar-responsabilità li għandu fuqu. Jiġifieri dik li joffri lilu nnifsu bħala Prim Ministru alternattiv b’partit magħqud qaqoċċa warajh.
Jekk mhux se jirnexxielu jgħaqqad il-partit warajh b’mod illi joffri oppożizzjoni b’saħħitha, magħquda li tattira l-masses, Delia jkollu jerġa’ jistaqsi lilu nnifsu jekk fejn jinsab illum, huwiex il-post li fih irid ikun u huwiex il-post li jrid lill-partit li jmexxi jkun.
U dan għandu jagħmlu għalih. Għall-Partit Nazzjonalista. Għal dawk kollha li jridu alternattiva għall-Gvern ta’ Muscat. Għad-demokrazija u għall-pajjiż.