Opinjoni | Sfida ta’ vera
Joe Ellis jisħaq li jekk ġenerazzjoni oħra jkun hawn Maltin ta’ nisel Afrikan jew Għarbi, irridu niżguraw li jkunu Maltin bħali u bħalek
Stajt ktibt fuq diversi temi din il-ġimgħa. Stat nikteb dwar is-sitwazzjoni kaotika fin-negozjati tar-Renju Unit biex joħroġ mill-UE jew dwar it-trampi ta’ Trump. Irrid nikteb ukoll fil-ġranet li ġejjin dwar il-qagħda fit-trasport bejn Malta u Għawdex. Imma ser nerġa’ nagħżel illi nikteb dwar l-immigrazzjoni minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni.
Huwa ferm evidenti illi l-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni mhix tajba. Din il-politika hi illi l-viżi tax-xogħol jingħataw biss meta jkun hemm talba speċifika minn xi ħadd sabiex iħaddem persuna extra komunitarja jew jekk l-applikant għandu merti straordinarji. Din il-politika mhix tirrikonoxxi illi llum fi prattikament il-pajjiżi Ewropej kollha hemm tnaqqis demografiku sever, b’rata ta’ twelid dejjem nieżla ’l isfel tant illi l-populazzjoni attwali mhix tiġi sostnuta. Aktar ma jgħaddi ż-żmien l-Ewropej ser ikunu proporzjon anqas tal-populazzjoni dinjija.
Fiha nnifisha din mhix xi ħaġa ħażina. Imma l-Ewropa trid tħares lejn il-futur, trid tara jekk is-sistema tal-pensjonijiet tal-pajjiżi varji hix sostenibbli, trid tara hux ser ikun hemm ħaddiema biżżejjed jaħdmu sabiex jinżamm il-livell ekonomiku attwali. Minn hawn wieħed irid jitlaq. Skont l-ekonomista radikali Franċiż Thomas Picketty, l-Ewropa, kontinent ta’ 500 miljun għandha bżonn miljun immigrant fis-sena u tiflaħ għalihom. Qatt sar xi studju illi jmeri jew jikkonferma dak li qed isostni Picketty? Il-fatt hu illi l-immigrazzjoni ġid ekonomiku tħalli bl-immigranti jaħdmu u jħallsu t-taxxi u l-kontributi soċjali u jżidu mal-konsum. Dan qed narawh anke Malta.
Allura jekk l-Ewropa għandha bżonn l-immigranti, għala għandna dina l-politika daqshekk ristrettiva kontra l-immigrazzjoni? Tassew wieħed jista’ jgħid illi hawn wisq qagħad fl-Ewropa sabiex inħallu jidħlu dawn l-immigranti. Imma r-realtà hi differenti. L-immigranti spiss iwettqu xogħol illi n-nies tal-lokal m’għadx iridu jagħmlu. Għala jiġri hekk? U dana għax ikun hemm sfruttament fuq il-post tax-xogħol?
Skont l-ekonomista radikali Franċiż Thomas Picketty, l-Ewropa, kontinent ta’ 500 miljun għandha bżonn miljun immigrant fis-sena u tiflaħ għalihom
Naħseb illi għadu ħadd għadu ma ħareġ b’risposta komprensiva. Imma l-fatt hu illi kull min imur jixtri t-tadam fil-ħanut jew supermarket ser iqabbel il-prezzijiet u mhux ser jimpurtah jekk it-tadam ġiex miġbur minn Rumeni f’Vittoria ħdejn Ragusa li jitħallsu €30-il jum jew ħaddiema mill-Mali ħdejn Reggio Calabria jew Foggia, forsi b’anqas. Il-pressjoni illi jagħmlu l-konsumaturi fuq il-ħwienet u ċ-ċentri ta’ bejgħ tispiċċa fuq il-produtturi li min-naħa tagħhom jispiċċaw jitfgħuha fuq il-ħaddiema. Din hi r-realtà.
Ma tmur fl-ebda restorant Taljan li ma tarax extra-komunitarji jaħdmu fil-kċina u mhux biss. Dana minkejja r-rata għolja ta’ qgħad fl-Italja, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Inħoss illi dan il-fenomenu għadu ma ġiex spjegat adekwatament: għala minkejja l-qgħad, xorta hemm domanda qawwija għal xogħol da parti ta’ extra-komunitarji. Jekk wieħed jieħu l-eżempju ta’ Malta, wieħed jara illi l-ħaddiem Malti llum sar ferm aktar esiġenti u anqas dispost għas-sens ta’ sagrifiċċju li qabel kellu. U dan mhux f’Malta biss: ir-Renju Unit qed jaffaċja kriżi serja fil-qasam agrikolu u turistiku għax qed immorru jaħdmu anqas ħaddiema komunitarju wara r-referendum fuq Brexit. L-isforzi kollha sabiex jaħdmu minflokhom l-Ingliżi sfaw fix-xejn. U issa qed iħarsu lejn l-extra-komunitarji. F’kelma waħda, fl-Ewropa l-akbar kriżi hi dik tal-etika tax-xogħol, ta’ demografija li qed tiċkien, ta’ forza tax-xogħol aktar edukata illi mhux ser taħdem xogħol li għalih hija aktar minn kwalifikata.
Meta wieħed ikun jaf eżattament x’inhuma l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fil-pajjiżi varji Ewropej, wieħed jista’ jibda jfassal politika koerenti dwar l-immigrazzjoni. Din il-ġimgħa kelli diskussjoni ma’ deputat Nazzjonalista fuq il-materja. Għamilt dan il-paragun illi ser nagħmlu hawn ukoll: il-politika dwar l-immigrazzjoni hi simili għal dik tad-droga. L-Istat jagħmel minn kollox biex jirrepremiha imma kulħadd jaf illi hawn droga kullimkien, fil-bars, fil-ħwienet, fil-marċi tal-festa, anke fit-tiġijiet u fil-preċetti. Il-projbizjoniżmu ma jaħdimx: aħjar l-Istat jittratta d-droga bħax-xorb u t-tabakk, jirregola u jintaxxa kemm jiflaħ ħalli jikkontrolla hu s-suq u jdaħħal il-flus. Mhux iħalli f’idejn it-traffikanti illi jistgħanaw u jikkorrompu lil kull min jiqfilhom.
U l-istess dwar l-immigrazzjoni. Ilkoll irridu nwaqqfu l-flussi migratorji li mill-Afrika jaqsmu s-Saħara u wara żmien xejn feliċi fil-Libja, jaffaċjaw vjaġġ ferm perikoluż fil-Mediterran. Fil-fatt, probabilment il-qasma fis-Saħara u ż-żmien fil-Libja huma ferm aktar perikolużi mill-vjaġġ fil-Mediterran. Fil-Libja jidher illi l-kundizzjonijiet li fihom jinżammu dawn l-immigranti huma mill-agħar: spiss jiġu ttorturati sabiex il-filmati tat-tortura jintbagħtu lill-familjari tagħhom bħala rikatt għal aktar flus. Kien hemm anke każijiet fejn inbiegħu bħala skjavi. Mhux ta’ b’xejn dawn l-immigranti akkost ta’ kollox ma jkunux iridu jmorru lura lejn il-Libja.
Din il-ġimgħa saru akkużi ferm speċifiċi fir-rigward tal-gwardja tal-kosta Libjana. Vapur ta’ NGO Katalana sab dingi f’nofs il-baħar li kien inqered mill-gwarda tal-kosta Libjana. Fuqu kien hemm mara u tarbija mejta imma kien għad hemm mara ħajja. L-akkuża hi illi l-gwardja tal-kosta Libjana abbandunat dawn in-nies f’nofs ta’ baħar għax ma ridux imorru lura l-Libja, Din hi akkuża gravissima li turi kemm hi żbaljata l-politika Ewropea u aktar milli Ewropea, Taljana illi sserraħ fuq il-Libjani sabiex isalvaw il-ħajjiet tal-immigranti fil-Mediterran.
Li nagħlqu l-portijiet Taljani u Maltin għall-NGOs li kienu qed isalvaw mijiet ta’ ħajjiet mill-għarqa u mill-mewt ċerta hu att ta’ omissjoni kriminali illi jista’ jirrikadi wkoll fuq il-membri tal-kabinett Malti: ma jistax ikun illi wieħed iċaħħad il-faċilitajiet ta’ pajjiżu lil min irid isalva l-ħajjiet umani. Dan hu att ta’ ċiniċiżmu mingħajr preċedent fl-istorja tagħna li ċertament m’għandhiex tagħmilna kburin illi aħna Maltin. Hu l-frott ta’ ideoloġija ultra kapitalista illi tippermea l-ħidma tal-Gvern soċjalista u li issa donnha qed tiġi kkupjata anke mill-Partit Nazzjonalista. Id-dmir morali li tagħti għajnuna lil min hu fil-bżonn, li taġixxi ta’ Sammaritan Tajjeb qed jindifen taħt ir-rgħiba bla limitu għal aktar ġid, għal aktar art, għal aktar bini. Dak li jgħodd: il-valuri tal-umaniżmu qed jiġu ttraskurati għall-aħħar.
Il-pern tal-politika l-oħra Ewropea u kif jixtiequ t-Taljani illi jsiru ċentri f’pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq fejn jinġabru u jiġu magħżula l-immigranti qatt mhu ser titwettaq. L-ebda pajjiż ma jrid jipparteċipa f’din l-inizjattiva għal raġuni jew oħra: anke l-Prim Ministru Serraj tal-Libja m’aċċettax din il-proposta minkejja illi fil-Libja diġà hemm ċentri fejn qed jinżammu l-immigranti f’kundizzjonijiet xejn feliċi.
Fl-opinjoni tiegħi, l-aħjar soluzzjoni biex neliminaw it-traffikar tan-nies hu illi l-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni tiġi rilassata ħalli tagħti aktar possibilità lil min irid jiġi jaħdem fl-Ewropa illi jagħmel hekk. Aħjar jiġu hawn bis-sew, bid-dokumenti u għal żmien limitat milli kif qed jiġu bla dokumnenti u fi sfond ta’ kaos u traġedji kbar.
Madankollu, wieħed ma jridx jinsa illi l-isforzi illi qegħdin isiru f’diversi pajjiżi Afrikani qed jagħtu l-frott għaliex il-flussi minn Niġerja għal-Libja naqsu b’xi 90% fl-aħħar sentejn. Anki n-numru tan-nies li qed jaqsmu lejn l-Ewropa naqas drastikament fl-aħħar sentejn u li titkellem fuq emerġenza u invażjoni kif iħobbu jagħmlu politiċi bħal Salvini sabiex jakkwistaw il-kunsens elettorali hi esaġerazzjoni kbira u inaċċettabli.
Hu dmir il-politiċi illi jaffaċjaw id-demonji populisti u xenofobi illi jisfruttaw u jkesksu l-istinti l-anqas nobbli tan-nies u jispjegaw illi l-prosperità ekonomika teħtieġ immigrazzjoni kkontrollata
Li wieħed jgħin lill-pajjiżi Afrikani jiżviluppaw ekonomikament hu pass ċertament nobbli u għandu jsir. Dan spiss jikkomporta bidla fil-politika tad-dazji ħalli jiġu preferuti l-prodotti manifatturati afrikani għal dawk m’hux proċessati. Ma rridux ninsew illi l-Ewropa għandha responsabilitajiet storiċi għan-nuqqas ta’ żvilupp fl-Afrika. Imma stejjer ta’ suċċess fl-Afrika hemm ukoll u hu fl-interess tal-Ewropa illi l-ekonomija Afrikana tiġi aktar integrata ma’ dik Ewropea anke minħabba l-kontigwità ġeografika.
Min qed iħares lejn il-fenomenu migratorju bħala xi ħaġa negattiva illi ser tgħarraq l-Ewropa qed iħares lejn l-affarijiet b’lenti wisq imċajprin. L-umanità ilha temigra minn żmien żemżem u l-immigrazzjoni hija fenomenu mill-aktar naturali fejn bniedem jipprova jtejjeb il-qagħda tiegħu billi jiċċaqlaq minn post għal ieħor. Li tiddistingwi bejn immigranti ekonomiċi u rifuġjati hu eżerċizzju spiss artifiċjali. Għalxejn jiswa li wieħed jagħmel l-ostakli biex in-nies ma jemigrawx għax b’xi mod jew ieħor ħafna mill-iddisprati ser jirnexxielhom: il-forka hi għall-iżvinturat li jispiċċa mejjet fid-deżert, f’xi kamp Libjan jew fil-Mediterran.
L-isfida għall-politika Ewropea hi illi tidentifika l-ħtiġijiet tal-ekonomija Ewropea, tipprovdi aċċess fil-pajjiż tal-oriġini lil min irid jissodisfa dawn il-ħtiġijiet fil-waqt illi tgħin l-iżvilupp tal-istess pajjiż sabiex tnaqqas l-inċentiv għall-emigrazzjoni. Wieħed għandu jinkwieta meta ikun kif kienet Malta ħamsin sena ilu biż-żgħażagħ ikollhom jemigraw minħabba nuqqas ta’ xogħol u mhux meta qed jiġu jaħdmu f’pajjiżna nies minn kull ġens.
Hu dmir il-politiċi illi jaffaċjaw id-demonji populisti u xenofobi illi jisfruttaw u jkesksu l-istinti l-anqas nobbli tan-nies u jispjegaw illi l-prosperità ekonomika teħtieġ immigrazzjoni kkontrollata. U illi lkoll nistgħu ngħixu flimkien fil-paċi u fil-ġid. L-affarijiet li jagħqdu nies ta’ kulur, reliġjon u nazzjonalità differenti huma ferm aktar mid-differenzi superfiċjali ta’ bejnietna. M’għandniex inħallu lill-isqfijiet Maltin waħedhom iżommu ħajjin il-valuri umanisti u ta’ ospitalità ta’ dan il-poplu minħabba minoranza voċifera illi qiegħda timla il-medja soċjali b’aħbarijiet foloz u tendenzjużi. Sfidi għandna imma kapaċi nissuperawhom: aħna poplu qalbieni u jekk ġenerazzjoni oħra, ikun hawn Maltin ta’ nisel Afrikan jew Għarbi, irridu niżguraw li jkunu Maltin bħali u bħalek. Dik hi l-isfida vera.