Il-Festa | 'Il-baned Maltin – sehem importanti fil-Kultura Maltija'
Il-Ministru Bonnici jwiegħed li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jgħin lill-każini tal-banda u jżomm b'saħħithom it-tradizzjonijiet marbuta mal-Festa
Li pajjiżna huwa rikk fil-kultura minn kull aspett, ħadd ma jiċħdu. Mhux biss aħna stess li ngħixu ħajjitna f’Malta u Għawdex, imma wkoll dawk kollha li xi darba jew oħra messew ma’ dan il-pajjiż, kemm bħala dinjitarji u wkoll bħala turisti.
Nitilqgħu ’l hinn mill-Wirt Storiku u Arkitettoniku. Li pajjiżna huwa mogħni b’tempji, palazzi u siti storiċi – l-aktar pajjiż dinji li għandu konċentrazzjoni ta’ dawn minkejja ċ-ċokon tiegħu – huwa fatt magħruf. Imma l-gżejjer Maltin imorru wkoll ferm lil hinn minn dan. Pajjiżna huwa wkoll rikk fir-rakkonti tradizzjonali, fil-folklor, fit-tradizzjonijiet tal-lokalitajiet diversi – u wkoll f’dak li jagħmilna komunità.
Nieħdu aspett wieħed. Il-baned. Meta ssemmi “banda” wieħed malajr jiġih f’moħħu Indrì, jew aħjar il-Banda t’Indrì. Kienet waħda minn fost l-ewwel baned f’pajjiżna, lejn l-1860, imma l-istorja tal-baned tmur kemxejn aktar kmieni, fl-1777, fi żmien il-Gran Mastru De Rohan. U hawn tara l-istorja twila tal-baned, li kkontribwew bis-sħiħ lill-komunitajiet Maltin u Għawdxin mhux biss billi ferrħu l-folol, imma wkoll billi b’volontarjat rawmu dan id-delizzju fiż-żgħażagħ matul iż-żminijiet.
Mhux biss nemmen, imma wkoll qed nagħtu spinta lill-każini u soċjetajiet mużikali biex ix-xogħol tant fejjiedi li ilhom jagħmlu, ikompli għaddej għall-ġid tal-komunitajiet Maltin, tal-baned infushom u wkoll biex it-tradizzjoni Maltija ma tmutx
Illum il-ġurnata l-baned huma parti integrali mill-wirt tradizzjonali tagħna. Studju li sar ftit ilu mill-istatistiku Dr Vincent Marmara juri li hemm madwar 23,000 membru fil-każini tal-baned. Dawn jammontaw għal 6.5% tal-popolazzjoni Maltija. L-istħarriġ juri wkoll li dawn l-eluf li huma marbuta mal-każini tal-baned, fil-maġġoranza kbira tagħhom jaħdmu kollha fuq bażi volontarja.
Interessanti li dan l-istħarriġ jgħid ukoll li dawk involuti qalu li bl-impenn tagħhom fis-soċjetajiet mużikali qed jagħtu kontribut siewi mhux biss fil-festi u fil-mużika imma qed jagħtu wkoll sehem importanti ħafna biex tkompli tissaħħaħ il-kultura Maltija.
Dan jirrifletti kelma kelma dak li nemmen fih bħala Ministru li taħti għandi r-responsabiltà tal-Kultura, fejn jidħlu l-baned. Mhux biss nemmen, imma wkoll qed nagħtu spinta lill-każini u soċjetajiet mużikali biex ix-xogħol tant fejjiedi li ilhom jagħmlu, ikompli għaddej għall-ġid tal-komunitajiet Maltin, tal-baned infushom u wkoll biex it-tradizzjoni Maltija ma tmutx.
M’hemm ebda diskussjoni dwar is-sehem importanti li qed jagħtu l-baned u s-soċjetajiet mużikali lill-festi u lill-mużika. Hawnhekk infaħħar ukoll is-sehem li dawn qed jagħtu biex tkompli tissaħħaħ il-kultura Maltija fid-diversi forom tagħha.
Huwa propju għalhekk li aħna mhux biss nagħrfu l-importanza ta’ dan is-sehem imma qed ngħinu lill-baned u s-soċjetajiet mużikali biex ikomplu bix-xogħol volontarju tagħhom.
L-għajnuna hija mifruxa taħt diversi forom. Is-sena li għaddiet ippreżentajt għajnuna finanzjarja lil 21 każin tal-banda għal total ta’ €180,000. Dan sar fuq inizjattiva tal-Ministeru permezz ta’ proċess kompetittiv amministrat mill-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Baned Maltin.
Hija għajnuna lil dawn il-każini biex issarraf fi żviluppi fis-soċjetajiet mużikali li jvarjaw minn restawr ta’ armar, ta’ pitturi u l-mużika kif ukoll titjib fis-servizz tat-tagħlim tal-mużika. Din ma kinetx għajnuna ta’ darba, fil-fatt kmieni din is-sena erġajt nidejt dan il-fond għat-tieni sena konsekuttiva, u issa qed ikunu magħrbla s-sottomissjonijiet li daħlu.
Fond bħal dan huwa importanti għaliex nemmen bis-sħiħ li l-każini tal-banda spiss iservu bħala punti ċentrali ta’ attività kulturali u jiffurmaw parti integrali min-nisġa kulturali u soċjali tal-pajjiż. Mhux biss iservu bħala skejjel ta’ mużika bla ħlas imma wkoll jorganizzaw attivitajiet kulturali matul is-sena kollha li jgħinu biex iħarsu t-tradizzjonijiet kulturali tagħna. Huwa għal dan il-għan li l-istrateġija tal-Ministeru hija li niżguraw li s-settur kulturali jkun aċċessibbli u nklussiv u għalekk permezz ta’ dan il-fond qed tingħata għajnuna lill-komunità biex tħares it-tradizzjonijiet u oġġetti ta’ valur storiku, kif ukoll il-professjonalità fi ħdan dan is-settur.
Nemmen bis-sħiħ li l-każini tal-banda spiss iservu bħala punti ċentrali ta’ attività kulturali u jiffurmaw parti integrali min-nisġa kulturali u soċjali tal-pajjiż
Din mhix l-unika għajnuna li qed tingħata. Fil-bidu ta’ Lulju u permezz t’avviż legali, il-Gvern daħħal fis-seħħ emendi fil-Kodiċi Ċivili bl-għan ewlieni li tingħata għajnuna u protezzjoni lil soċjetajiet mużikali li jinsabu bil-mannara fuq rashom u b’riskju ta’ żgumbrament mis-sede rispettiva tagħhom. Intervent li kien ippjanat metikolożimament b’mod li jirrispetta d-drittijet tal-partijiet kollha kkonċernati.
Nisħaq li permezz ta’ dawn l-emendi fil-liġi, qegħdin nipprovaw noħolqu bilanċ bejn id-drittijiet tal-inkwilini, u ċioè l-baned, u s-sidien - bilanċ ekwu bejn il-jeddijiet u l-obbligi kemm tas-sidien kif ukoll tas-soċjetajiet mużikali. U dawn l-emendi wkoll huma rikonoxximent mill-Gvern Malti tal-kontribuzzjoni tal-każini tal-banda lill-kultura u l-identità soċjali ta’ Malta. Dan kollu huwa aktar minn indikazzjoni li ninsabu dejjem kommessi li nieħdu deċiżjonijiet biex verament ikunu protetti u mħarsa l-elementi kulturali ewlenin ta’ pajjiżna.
F’dan is-settur, imma mhux biss, se nkomplu nagħmlu dak kollu possibbli biex naraw li dak li huwa kultura, tradizzjoni, wirt storiku, ikun preservat mhux biss biex jitgawda minna lkoll f’dawn iż-żminijiet, mhux biss mill-barrani li jiġi jduq ftit minn dak kollu li jsawwarna bħala Maltin, imma jkun jista’ jitgawda wkoll minn dawk li għad iridu jiġu f’pajjiżna, fuq quddiem nett il-ġenerazzjoni futura.