Editorjal | ‘The buck stops with Adrian’
L-Oppożizzjoni topponi lill-Gvern, mhux lilha nnifisha
L-aħħar ċifri mill-istħarriġ li jsir mill-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna Mediatoday, liema stħarriġ kien ippubblikat fuq il-gazzetta-oħt tagħna Maltatoday jagħtu ħafna lil-Laburisti sabiex jifirħu u ħafna lin-Nazzjonalisti biex jinkwetaw.
Lil din il-gazzetta, il-fatt illi l-Partit Nazzjonalista jinsab fl-iktar fondoq imwiegħer la jagħtiha pjaċir u wisq anqas sodisfazzjon. Kif għidna ftit tal-ġimgħat ilu meta ktibna editorjal ieħor fuq il-PN qabel ma ħarġu l-konklużjonijiet Egrant, l-interess tagħna mhux il-benessere tal-PN innifsu, jew tal-PL, imma kif il-qagħda ta’ dawn il-partiti u dak li jiġri fihom qed ifassal il-futur ta’ dan il-pajjiż.
U fejn qegħdin fil-preżent u fejn sejrin fil-futur? Kieku tgħid stħarriġ wieħed ngħidu paċenzja. Imma stħarriġ wara l-ieħor qegħdin juru sezzjoni konsiderevoli ħafna ta’ Nazzjonalisti li ma jridux jafu b’Delia, għax ma jarawhx bħala alternattiva, anzi, jarawh bħala qrib wisq tal-mudell MusactPL.
U għaliex jinsab f’dan l-istat, il-Gvern Laburista llum mhu affaċċjat mill-ebda sfida b’saħħitha. Mhu affaċċjat mill-ebda forza li kapaċi żżommlu r-riegni
Jekk dan huwiex minnu jew le mhux affarina wisq daqskemm hu affarina l-fatt illi minħabba din is-sitwazzjoni l-PN jinsab fi stat ta’ kroll. U għaliex jinsab f’dan l-istat, il-Gvern Laburista llum mhu affaċċjat mill-ebda sfida b’saħħitha. Mhu affaċċjat mill-ebda forza li kapaċi żżommlu r-riegni. Bil-Partit Nazzjonalista fl-istat li jinsab fih, speċjalment issa wara li ġew ippubblikati l-konklużjonijiet ta’ Egrant (nisperaw li ma ddumx ma tkun ippubblikata l-inkjesta sħiħa), il-pajjiż m’għandux dak l-avversajru li se jkun qiegħed għassa sabiex jara illi l-Gvern ma jgħaddix bħal romblu. M’għandux lil min jgħassislu biex ma nibqgħux naraw id-degredazzjoni tal-ambjent, biex jara illi min qed ibati jingħata vuċi, u biex it-tkabbir ekonomiku verament jasal għand kulħadd u fejn hemm l-abbużi dawn ikunu miġġielda. M’hemm ħadd li qed joffri alternattiva vijabbli u serja għall-Gvern bħalma kien offra Muscat qabel l-2013.
Mingħajr oppożizzjoni b’saħħitha m’hemmx min jara illi qegħdin ikunu pprattikati l-aqwa standards fil-politika. Minflok għandna partit li qed jinħela jiġġieled il-battalji interni. Minflok għandna Oppożizzjoni li nofsha ma tiddejjaq xejn tisfida lill-Kap fuq il-midja soċjali. Minflok hemm partit, xi darba glorjuż u li tana postna fl-Unjoni Ewropea, li jinsab maqsum b’kap li ma jgawdix il-fiduċja tad-deputati kollha u ta’ sezzjoni żgħira, imma sinifikattiva biżżejjed, ta’ votanti Nazzjonalisti.
Induru kemm induru, ‘the buck stops with Adrian’. Hu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u huwa xogħlu li jibni l-pontijiet fejn tkissru u li jaħdem qatigħ sabiex jirbaħ il-fiduċja ta’ dawk li, jrid jew ma jridx, ma jistax jirbaħ mingħajrhom.
Induru kemm induru, ‘the buck stops with Adrian’. Hu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u huwa xogħlu li jibni l-pontijiet fejn tkissru
Huwa xogħol Delia li jara illi l-partit ikun organizzat, ċar fil-ħidma tiegħu, u li kulħadd fil-PN jaħdem għall-PN u mhux għal min għandu aġenda oħra, li jkun partit inklussiv, li jaċċetta l-iżbalji li saru imma jirrikonoxxi passat illi fih għamel tant u tant ġid. U finalment li jkun partit bi ħsibijiet u fehmiet dfferenti, imma b’Kap wieħed rispettat, awtorevoli u mdawwar bi mħuħ politiċi u strateġisti li kapaċi jħarsu lil hinn minn Triq Herbert Ganado.
Il-Ħadd li għadda fil-Gazzetta ILLUM ippubblikajna l-ewwel minn żewġ partijiet ta’ ħarsa lura lejn l-agħar mumenti sal-aqwa mumenti tal-Partit Laburista. Dawn il-paġni jfakkruna illi minkejja li llum jinsab fil-quċċata, kien hemm żmien fejn anke l-Partit Laburista kien fil-fondoq. Meta kien maħkum mill-biża’, mill-mentalità ta’ min hu ġewwa, ġewwa u min hu barra, barra. Anke l-Laburisti kien hemm żmien fejn kienu jaħsbu li qatt mhu se jkunu fil-Gvern, imma l-paġna daret. Daret għax eleġġew mexxej li ħabbu jew obogħdu għaqqad partit, fetħu għal kulħadd u wiegħed affarijiet li sa lejlet l-elezzjoni tal-2013 ħafna kienu jgħidu “dak mhux se jagħmilhom” jew “dak biex jidħak bikom qed jgħid hekk.”
Anke l-Laburisti kien hemm żmien fejn kienu jaħsbu li qatt mhu se jkunu fil-Gvern, imma l-paġna daret. Daret għax eleġġew mexxej li ħabbu jew obogħdu għaqqad partit
Muscat għaraf il-ġid kbir imma wkoll l-iżbalji kbar li għamel il-Partit Laburista fl-aħħar 60 sena, u mbagħad mexa ’l quddiem.
Dan huwa xogħol Adrian illum. ‘The buck stops with Adrian.’
U jiddispjaċina, għax nafu li qed jipprova u li huwa xi ftit jew wisq ġenwin, imma jekk ma jistax iwettaq il-bidla u joffri l-vera sfida li jeħtieġ ikollu kull gvern, u jekk mhux kapaċi jagħmel dak li ftit jaħsbu li jista’ u jġib lil nies bħal Simon Busuttil jaħdmu miegħu, jidhru li jaħdmu miegħu u fl-istess triq li qabad hu, mela allura triq waħda biss ikun għad fadallu.
Aħjar hekk, milli l-umiljazzjoni ta’ telfa kbira fuq ħoġru jew fuq ħoġor ħaddieħor. L-Oppożizzjoni topponi lill-Gvern, mhux lilha nnifisha.
‘The buck stops with Adrian’.