Opinjoni | Tmien snin ilu
Il-Ministru Owen Bonnici dwar iċ-ċensura tal-produzzjoni Stitching u r-rapport ta' DBRS
Qisu lbieraħ. Għaddew tmien snin u ftit iktar. Niftakar li kien ftit wara li Dr Joseph Muscat kien laħaq Kap l-Oppożizzjoni li splodiet il-kwistjoni taċ-ċensura tal-produzzjoni Stitching. Dak iż-żmien kont ħadtha ħażin ħafna l-projbizzjoni ta' din il-produzzjoni u bl-appoġġ ta' Dr Muscat konna ħadna pożizzjoni b’saħħitha ħafna favur il-liberità tal-espressjoni u kontra ċ-ċensura ta' dan id-dramm.
Ammirajt ħafna l-mod ta' kif kien ġab ruħu l-producer Adrian Buckle u kif kienu ġabu rwieħhom l-atturi Pia Zammit u Michael Basmaidjan li wrew maturità tremenda. Wasslu l-messaġġ kif kellhom iwassluh mingħajr kliem żejjed u kollox f'ħinu u f'waqtu.
Eventwalment Adrian kien iddeċieda li jtella' prova f'lukanda f'Paceville u kont mort naraha. Sintendi kont qed nissogra li jiġu l-Pulizija. Ġenwinament ma stajtx nifhem l-għaġeb fejn kien. Veru, hemm ftit frażijiet li huma qawwija u veru wkoll li tiġi ppreżentata tema moralment kontroversjali - jekk koppja għandhiex tneħħi t-tarbija jew le. Iżda f'ġieh kemm hemm allaħares l-istat jemmen li aħna tant bċieċen li ma nistgħux immorru nassistu għal produzzjoni ta' dan it-tip.
Il-fatt illi l-produzzjoni Stitching ħa tittella’ hija fiha nnifisha prova ta’ kemm inbidlu l-affarijiet minn tmien snin ilu sal-lum
Kif qal sieħbi Edward Montebello din il-ġimgħa - l-affarijiet li ġraw dak iż-żmien kienu xeni ta’ pajjiż li kien imsieħeb fl-Unjoni Ewropea iżda mgħaddas fl-għanqbud li kien minsuġ għas-spejjeż tal–libertà tal–espressjoni.
Qed nieħu gost ħafna li tmien snin jew iktar wara l-projbizzjoni tad-dramm Stitching (liema projbizzjoni kienet ġiet ikkonfermata mill-Qrati Maltin) issa l-pubbliku se jkun jista' jarah. Dan kollu ma sarx b'kumbinazzjoni – sar għaliex għamilna riforma kif tmiss il-liġi fejn tidħol il-libertà tal-espressjoni artistika. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet iċ-ċirasa fuq il-kejk li kkristallizzat dak li aħna bħala Gvern konna diġà illeġiżlajna dwaru u tajnieh appoġġ sa mill-Oppożizzjoni.
Dan id-dramm se jittella’ x-xahar id-dieħel fit-Teatru Manoel.
Il-fatt illi l-produzzjoni Stitching ħa tittella’ hija fiha nnifisha prova ta’ kemm inbidlu l-affarijiet minn tmien snin ilu sal-lum. Huwa faċli titkellem fuq tisħiħ tad-demokrazija imma l-ħila hija li tagħmel affarijiet li jsaħħu d-demokrazija u libertà tal-espressjoni. Jiena kburi ħafna illi taħt dan il-Gvern produzzjonijiet teatrali bħal dawn ikunu jistgħu jittellgħu u ċ-ċensura saret xi ħaġa tal-imgħoddi.
Intant nifraħ mill-ġdid lil Adrian Buckle u t-tim kollu tiegħu. Inħeġġeġ lill-pubbliku li jattendi bi ħġaru ħa nkomplu nsammru musmar fit-tebut taċ-ċensura.
Nittama li fost il-pubbliku jkun hemm ukoll nies li llum qed jgħajtu ħafna fuq nuqqas ta' saltna tad-dritt u li tmien snin ilu ma kinux tellgħu difer wieħed biex jaqbżu għall-arti u l-artisti.
Iktar ċertifikati
Għaliex kif dejjem ngħid, id-demorkazija ma ssaħħahiex bit-tpaċpiċ imma billi taġixxi u bir-rispett kollu, jien iktar nagħti kas ta' x'jgħidu l-esperti internazzjonali dwar is-suġġetti milli ċerta sezzjoni estremista tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Parlament.
Ħu d-DBRS – l-aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu ta' fama internazzjonali – fejn fl-aħħar sigħat reġgħet ikkonfermat il-klassifikazzjoni ta' pajjiżna bħala A High. Għal darba oħra tfaħħar lil pajjiżna fuq is-suċċess ekonomiku straordinarju li qed ngħaddu minnu. Biss, li għalija hu ta' importanza partikolari hu li minkejja l-ħsara li l-estremisti tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Parlament qed jipprovaw jagħmlu lil pajjiżna barra minn Malta, id-DBRS qalet li “the government is making additional efforts to improve governance and strengthen its institutional framework”. Qalet ukoll li l-World Bank Governance Indicators ipoġġu lil pajjiżna fost l-aqwa 25 fis-sitt indikaturi tagħha fl-aħħar klassifikazzjonijiet. Għalhekk fejn tidħol il-governanza u r-regoli biex l-affarijiet isiru sewwa pajjiżna huwa fi klabb ta' pajjiżi l-iktar b'saħħithom.
Ħadt gost ukoll li d-DBRS semmiet il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Egrant li b'mod ċar u inekwivoku kkonfermaw l-innoċenza assoluta u l-onestà tal-familja Muscat.
Ir-rapport tad-DBRS jindika li filwaqt li bejn l-2004 u l-2012 it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna kien ta’ 2.1% biss, bejn l-2013 u l-2017 kien ta’ 6.8%
Dwar l-ekonomija, id-DBRS kellha xita ta' kliem sabiħ. Qalet li l-ekonomija Maltija tibqa’ waħda mill-aqwa fit-tkabbir taż-żona ewro u nnutat li “Malta continues to outperform EU average growth rates with broad-based expansion”.
Ir-rapport tad-DBRS jindika li filwaqt li bejn l-2004 u l-2012 it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna kien ta’ 2.1% biss, bejn l-2013 u l-2017 kien ta’ 6.8%. Skont DBRS, it-tkabbir hu xprunat minn diversi setturi filwaqt li ma jidhirx li hemm pressjoni tqila fl-ekonomija tagħna. Fir-rapport jingħad ukoll li sa mill-2013 Malta esperjenzat titjieb sinifikanti fil-prestazzjoni ekonomika. Dan kien riżultat ta’ spiża pubblika b’iktar reqqa, tkabbir ekonomiku aħjar kif ukoll l-introduzzjoni tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
Quddiem ċertifikat pożittiv ieħor il-Gvern itenni r-rieda tiegħu li jżid il-pass ta’ riformi ħalli l-qagħda ekonomika u soċjali ta’ pajjiżna tkompli tissaħħaħ fiż-żmien li ġej.
Jekk tippermettuli neħodkom lura tmien snin ilu, infakkarkom li l-kelma fuq fomm kulħadd kienet li kollox staġnat. Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienu ġennew lil kulħadd, xogħol kien sejjer lura u kollox kien qed jogħla infern. Ara ftit id-differenza llum- ekonomija b'saħħitha, xogħol kemm trid, bin-nies fin-negozju jgħidulek li ma jistgħux ilaħħqu mad-domanda!
Din hi d-differenza li t-tmexxija ta' pajjiż tagħmel. Li hemm differenti bejn tmien snin ilu u llum hu t-tim ta' tmexxija- il-Prim Ministru u l-Kabinett tiegħu fejn taħt il-gwida u ħidma straordinarja ta' Dr Muscat qed jirnexxilna noħorġu l-potenzjal kollu ta' dan il-pajjiż tant sabiħ.