Opinjoni | Kafè al fresco…is-sogru huwa tiegħek
Carmel Cacopardo dwar l-imwejjed u s-siġġijiet fit-toroq u fuq il-bankini
Ħwienet tal-kafè jew restoranti al fresco f’numru ta’ lokalitajiet ħadulna l-bankina. F’xi każi anke l-ispazju għall-parkeġġ tal-karozzi ħadu, għax dawn jimpurtahom biss minn ħaġa waħda: li jdawru lira. Ovvjament dawn jippretendu li aħna nimxu f’nofs it-triq għax fuq il-bankina ftit iħallulna spazju minn fejn ngħaddu. Iħalluhom, qisu ma ġara xejn. Lanqas tista’ titkellem, għax il-bankina għamluha tagħhom.
L-awtoritajiet jiġu jaqgħu u jqumu għax dawn jinteresshom biss li jkunu jidhru ‘business friendly’: ċioe viċin in-nies tal-flus, ħa jdawru lira. Il-bqija, min jafhom?
Is-sindki tal-Gżira u Tas-Sliema, Conrad Borg Manchè u Dominic Chircop, matul dawn l-aħħar ġimgħat għamlu sewwa li emfasizzaw li l-mod kif tal-kafè u r-restoranti Al Fresco qed joperaw fil-lokalitajiet tagħhom mhux aċċettabbli, għax ma jagħtux kas tan-nies.
L-inċidenti, kif tafu, jiġru. Biżżejjed inċident wieħed ta’ karozza misjuqa ħażin li tista’ tispiċċa toqtol jew tweġġa’ serjament numru ta’ persuni f’xi wieħed minn dawn il-ħwienet tal-kafè jew ir-restoranti. Imbagħad forsi jkun hemm min jagħti kas.
Ftit ġimgħat ilu, f’Lulju, żgħażugħ Olandiż ta’ 25 sena li kien qiegħed jippassiġġa San Ġiljan max-xatt intlaqat minn Subaru Impreza li kienet misjuqa b’veloċità esaġerata minn żgħażugħ ta’ 20 sena li kien irrappurtat li qabeż kull limitu raġonevoli ta’ alkoħol. L-Olandiż miet l-isptar. Oħrajn weġġgħu. U dan apparti bosta ħsara oħra.
Kien pass tajjeb tal-Awtorità tal-Artijiet li rrifjutat applikazzjoni tas-sidien tal-Lukanda Waterfront max-Xatt tal-Gżira biex dawn ikunu jistgħu jieħdu numru ta’ spazji għall-parkeġġ biex ikollhom ħanut tal-kafè jew restorant fuq il-bankina quddiem il-lukanda. Meta sidien il-lukanda kkontestaw id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Artijiet, fl-aħħar sabu lil min jagħti kas. Il-Maġistrat Charmaine Galea li ppresjediet l-appell emfasizzat li r-regoli dwar l-imwejjed u s-siġġijiet fl-apert jipprojbixxu li dawn jitqiegħdu biswit toroq arterjali, viċin traffiku li jkun għaddej b’veloċità. Il-Maġistrat Galea emfasizzat li n-nies għandha dritt li tkun imħarsa mit-traffiku, mill-istorbju kif ukoll mid-dħaħen iġġenerati mill-karozzi.
L-awtoritajiet jiġu jaqgħu u jqumu għax dawn jinteresshom biss li jkunu jidhru ‘business friendly’: ċioe viċin in-nies tal-flus, ħa jdawru lira. Il-bqija, min jafhom?
Il-Maġistrat Charmaine Galea għandha raġun. Hemm ħtieġa urġenti li l-loġika tagħha tinfetta l-proċess deċiżjonali tal-Awtorità tal-Ippjanar għax hu ċar li prattikament il-ħwienet tal-kafè u r-restoranti kollha fuq il-bankina fix-Xatt tal-Gżira u Tas-Sliema mhumiex skont ir-regoli. Dan jgħodd ukoll għal inħawi oħra.
Id-deċiżjoni tal-Maġistrat Galea tagħti piż lill-argumenti tas-sindki tal-Gżira u Tas-Sliema li ilhom żmien jinsistu li l-ħwienet tal-kafè u r-restoranti al fresco biswit ir-rotot ewlenin tat-traffiku jeħtieġu iktar ħsieb qabel ma jingħataw il-permess biex joperaw. Jeħtieġ titjib fl-infrastruttura biex it-traffiku jkollu jnaqqas il-veloċità kif ukoll biex in-nies ikunu protetti minn inċidenti kkawżati minn karozzi misjuqa bl-addoċċ, mill-istorbju kif ukoll mid-dħaħen tal-petrol u d-dijsil. L-Awtorità tal-Ippjanar ma wriet l-ebda sens ta’ responsabbilità meta injorat lin-nies u qieset biss il-qies li dawk li jridu jdawru lira, irrispettivament mill-konsegwenzi.
Fuq il-bankini ftit qed jitħalla spazju biex jgħaddu n-nies u ma hemm l-ebda protezzjoni la mit-traffiku perikoluż u l-anqas mid-dħaħen. Għall-Awtorità tal-Ippjanar, sfortunatament, dan kollu ma jfisser xejn.
It-tħassib tal-Kunsilli Lokali dwar il-ħwienet tal-kafè u r-restoranti al fresco hu għal kollox injorat mill-Awtorità tal-Ippjanar għax ma jidhrilix li huma affarijiet li għandha tikkunsidra qabel ma tieħu d-deċiżjonijiet tagħha.
Qabel ma tippjana passiġġata max-xatt ftakar li hemmhekk hu riżervat għal min irid idawwar lira! Mill-bqija, is-sogru hu kollu tiegħek.