Editorjal | L-ordni pubblika...
Il-barrani li qed jgħix fostna, qed jgħix f’kuntest, qed jgħix f’sistema u qed jgħix fir-realtà soċjo-politika u legali ta’ Malta. Jekk hemm problema, u jidher li hemm, l-immigranti huma parti minnha u mhux huma l-problema
Jew qed nisimgħu wisq inċidenti fil-lokalitajiet tagħna jew inkella bil-midja soċjali u numru kbir ta’ siti tal-aħbarijiet qed jidher li qed jiġru aktar inċidenti. Hi x’inhi, huwa fatt ferm inkwetanti u fatt innegabbli li ċerti żoni, f’ċerti lokalitajiet qed jinħass li s-sigurtà mhix aċċertata. Il-Marsa u l-Ħamrun huma biss tnejn mil-lokalitajiet fejn qed ikunu rrappurtati diversi inċidenti ta’ ġlied, sokor u storbju, ta’ nies li qed jorqdu barra u ta’ żoni fejn ir-residenti jħossu li hemm problema ta’ sigurtà. U l-problema ma tibdiex u tispiċċa bl-immigranti, ħalli nagħmluha ċara.
Ikun ta’ xejn li nippretendu bħala gazzetta li ħafna u ħafna nies mhumiex ġenwinament inkwetati bis-sitwazzjoni u jkun ta’ xejn ukoll (jekk mhux arroganti) jekk ninterpretaw dan it-tħassib bħala ‘razziżmu’. Daqstant ieħor imma dan l-inkwiet ma jistax ikun indirizzat minn sentimenti ta’ mibgħeda jew injoranza u lanqas b’messaġġi li jitfgħu l-piż fuq il-barrani biss u nieqfu hemm. Il-barrani li qed jgħix fostna, qed jgħix f’kuntest, qed jgħix f’sistema u qed jgħix fir-realtà soċjo-politika u legali ta’ Malta. Jekk hemm problema, u jidher li hemm, l-immigranti huma parti minnha u mhux huma l-problema.
Huwa l-obbligu tal-forzi tal-ordni, l-ewwel u qabel kollox, biex jaraw illi ma jibqax ikollna sitwazzjonijiet li ħafna qed jaraw u jesperjenzaw wara biebhom. Huwa l-obbligu tal-forzi tal-ordni illi fejn qed tinkiser il-liġi, xi ħadd irid iħallas. Imma jekk ir-riżorsa tkun imġebbda, kif jistgħu jaqdu dan l-obbligu?
Nieħdu eżempju. Il-pulizija tal-għassa tal-Qawra jagħmlu xogħol impekkabbli, kif rajna fil-każ tat-tarbija abbandunata. Imma hemm biżżejjed pulizija għal din iż-żona tant kbira? L-għassa tal-Qawra hija biżżejjed biex tkopri l-aktar lokalità popolata f’Malta u waħda mill-aktar lokalitajiet fejn għaddej żvilupp ta’ proprjetajiet ġodda? Lokalità li jekk ma tridx hija wkoll l-akbar ċentru turistiku f’pajjiżna u li minnha jkun hemm moviment kontinwu ta’ nies, min dieħel jgħix hemm u min ħiereġ, Maltin u barranin. Xi darba kien hemm pjan biex l-għassa tal-Qawra tikber jew tinbena oħra. Imma s’issa dan għadu ma seħħx. Għaliex f’ċerti żoni kien hemm negozji li ħolqu storbju u diżordni kbar u tħallew jagħmlu dan lejl wara lejl wara lejl, sakemm wieħed, wieħed ir-residenti bdew jitilqu? Mela l-liġi mhix ugwali għal kulħadd? Dik ġustizzja ma’ min ikun investa flusu biex jgħix hemmhekk? Biex tgħaxxaq daqs xahar ilu, kif qalulna residenti taż-żona, kien hemm ġlieda oħra fit-triq. Pandemonju kbir, ġlied, u Pulizija. U bħal din it-triq hemm oħrajn, uħud minnhom b’negozji ta’ Maltin u oħrajn b’negozji ta’ barranin.
Daqstant ieħor imma dan l-inkwiet ma jistax ikun indirizzat minn sentimenti ta’ mibgħeda jew injoranza u lanqas b’messaġġi li jitfgħu l-piż fuq il-barrani biss u nieqfu hemm
Biex inkunu ċarissimi, dan l-editorjal dejjem qabeż għad-drittjiet ta’ kulħadd inkluż l-immigranti u dejjem esiġa tolleranza żero għar-razziżmu. Allura mhux talli jaqbel, talli jinkoraġġixxi immigranti li qegħdin jgħixu hawn biex jikbru u jimirħu u iva, jekk hemm bżonn, jiftħu negozji u jiffjorixxu.
Imma l-liġi f’dan il-pajjiż għandha tgħodd għal kulħadd. Ugwaljanza tfisser kulħadd l-istess, inkwantu ta’ razza, sesswalità, reliġjon, ġeneru u ħafna iktar. Għalhekk nemmnu illi wasal iż-żmien li l-awtoritajiet jibdew jieħdu nota u jagħtu ultimatum lil dawk il-persuni jew negozji li darba wara oħra qed jiksru l-liġi. Ma tagħmilx differenza min huwa s-sid, jew min jiffrekwenta dan il-post. Ksirt il-liġi? Ħallas!
Jiġifieri dan l-editorjal jifhem il-bżonn li jkunu indirizzati l-problemi li qed insemmu u li jidher jew jinħass illi kibru.
Imma mbagħad, li ma nifhmux huma l-pożi politiċi magħmulin biss biex jirbħu s-simpatija. Politiku qiegħed hemm biex joffri soluzzjonijiet jew jimplimenta bidliet fil-policies. Biex jipproponi jew jiddisponi. Mhux biex jilgħab bl-emozzjonijiet u jimmaġina xenarju li la jeżisti u lanqas qatt ma jista’ jiġri għax aħna pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Li timplika illi hemm problema għax negozju biddel l-idejn u issa huwa tal-barranin, hija inġusta speċjalment jekk tiġi minn politiku jew xi ħadd li jaspira li jkun.
F’pajjiż illi jħaddem il-libertà assoluta tal-kelma, tal-fidi, kif ukoll il-libertà li taqla’ l-għixien permezz ta’ impjieg jew negozju, kulħadd għandu jkun liberu jixtri, ibigħ u jaqla’ l-flus. Sakemm 1) qed tħallas it-taxxi, 2) sakemm m’initix qed tikser liġijiet u 3) sakemm m’intix qed tieħu dak li mhux tiegħek, mela allura għandu jkollok libertà assoluta. Li ma jaqbilx miegħu dan l-editorjal huwa li meta jinkisru l-liġijiet ma titteħidx azzjoni jew azzjoni f’waqtha.
. Li timplika illi hemm problema għax negozju biddel l-idejn u issa huwa tal-barranin, hija inġusta speċjalment jekk tiġi minn politiku jew xi ħadd li jaspira li jkun
L-akbar disservizz li xi ħadd jista’ jagħmel għal soċjetà inklussiva fejn il-kulturi jitħalltu flimkien f’armonija, apparti li jkun razzist, huwa li jdawwar wiċċu n-naħa l-oħra, ma jagħmel assolutament xejn u jilqa’ kull forma ta’ lment b’attitudni injoranta u klassista.
Jidher li issa anke l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jitkellem dwar l-ordni pubblika. Għamel dan nhar il-Ħadd li għadda u la qed jitkellem il-Prim Ministru, sinjal illi iktar minn qatt qabel r-rabja jew l-uġigħ ta’ min iħoss li tħalla waħdu, wasal.
Muscat għandu jara fejn huma ż-żoni problematiċi u jżid il-Pulizija u r-riżorsa tagħhom biex dawn jaraw li l-liġi tkun segwita mingħajr biża’ u favur, ugwalment bejn il-Malti u mal-barrani.