Editorjal | Il-Protesta; Dritt fundamentali tiegħek
Din il-gazzetta temmen illi l-protesta, strajk jew azzjoni taħt kull forma, basta mhux vjolenti, hija dritt sagrosant u għodda demokratika f’idejn il-poplu
Id-dritt li tisma’, tiddeċiedi, ssemma’ leħnek u fejn ikun hemm bżonn tieħu azzjoni huwa dritt demokratiku sagrosant, li ma jista’ jittiefes taħt ebda ċirkostanza. Dan jinkludi id-dritt li tikteb, titkellem, tanalizza, taqra, tipprotesta, tistrajkja, tidħol fi trade union tal-għażla tiegħek u meta tkun ġustifikat, tieħu azzjoni, preferibbliment fil-qafas tal-liġi, biex tinstema’.
Tul is-snin, qabel l-2013 taħt Gvern Nazzjonalista, kull meta tħabbret azzjoni jew saħansitra strajk jew protesta, speċjalment jekk dan kien jiġi mill-General Workers’ Union, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. Editorjali biex jgħidulna kemm qed tagħmel ħsara din il-union lill-pajjiżna u lill-kompettività u politiċi minn naħa tal-Gvern jfakkruna li l-protesta jew l-istrajk mhux għodda tajba, imma riflessjoni ta’ unions ‘militanti li għadda zmienhom’
X’ma nqalax meta kien hemm l-istrajk tax-xufiera ta’ tallinja, qabel ma s-servizz kien privatizzat? Ix-xufiera ġew demonizzati, mgħajra u (għalkemm huma ma tantx ġħenu lilhom infushom) dawn il-ħaddiema ġew impinġija bħala għadu numru wieħed tas-soċjetà Maltija. Sangisugi u slavaġ, kif kienu ittimbrati tad-Dockyard kull meta fetħu ħalqhom fl-aħħar snin qabel ġiet privatizzata (qed nirreferu għall-aħħar snin), kif kienu ttimbrati tal-Airmalta meta strajkjaw, kif kienu ittimbrati wkoll Graffitti u kif kienu ittimbtrati tal-mini-buses u tal-karozzi tal-funerali u tat-taxis u l-ħaddiema tal-port u l-lista tkompli..
Jiġifieri tajjeb niftakru li wħud minn dawk li qed jippillaw għad-dritt tal-ħaddiem li jistrajkja u n-nies li jipprotestaw, sa ftit snin ilu riedu jarrestaw il-mexxejja tal-GWU għax għamlu strajk u kull meta xi ħadd kien jitniffes, pronti kienu jaqgħlulu kull m’għandu.
Minn naħa l-oħra iżda wħud minn dawk li kienu jiġġieldu għad-dritt tal-istrajk u tal-protesta dakinhar, din il-ġimgħa ħarġu qatta bla ħabel jirremettu fuq grupp ta’ żagħażagħ li pprotestaw biex arthom u artna ma tibqax tkun stuprata mir-rgħiba. Biex it-tfal tagħna u tagħhom meta jikbru jkollhom fejn jiġru u jieħdu nifs, lilhinn mill-konkrit u l-pompi tal-petrol/mini-markets li qed jiftħu kull erba’ kanutnieri.
Kien hemm min tant donnu offenda ruħu li l-Moviment Graffitti marru jipprotestaw, illi xtaq li l-Pulizija tawhom xebgħa tajba u ħallewhom tal-post. U dan għax qed jipprotestaw biex sakemm tinbidel il-politika tal-pompi tal-petrol ma jibqgħux joħorġu permessi għal pompi.
Allura b’daqshekk qed jagħmlu xi ħaġa daqstant skandaluża li kellna naraw dawk ix-xeni, ta’ dawn in-nies trattati ta’ kriminali? Huwa veru li l-Moviment Graffitti kienu fuq proprjetà li ma misshomx kienu fuqha u misshom kienu aktar attenti. Imma possibbli, persuni li qed jiġġieldu kawża tant nobbli, li qed jitkellmu għas-salvazzjoni tal-art ta’ pajjiżna u li dejjem ta’ dejjem kienu konsistenti, ħaqqhom dak it-trattament? Hawn min bena villaġġi sħaħ kontra l-liġi, hawn min ma jħallasx it-taxxa, hawn min għamel muntanja terrapien fid-Dwejra u tħallew jagħmlu li jridu...ma’ erba’ attitvisti żgħażagħ bit-tnabar ridna nuru s-saħħa? Ma’ nies li dejjem tkellmu għaż-żgħir u għal artna?
Il-Moviment Graffitti dejjem kien konsistenti fil-ġlieda tiegħu għall-ugwljanza, għaż-żgħir, għall-ħaddiem u d-drittijiet tiegħu, u dejjem kien wieħed mill-aktar vuċijiet b’saħħithom għall-ambjent. U iva, wieħed mill-aktar vuċijiet b’saħħithom tax-xellug, fi żmien meta l-ideoloġija politika m’għadhiex moda u minflok il-moda saret kif erba’ minn nies se jħaxxnu buthom l-aktar u ma’ min mill-partiti “se nakkwista”. Ma jfissirx li naqblu ma’ kull pożizzjoni tal-Graffitti. Iżda żgur li se niddefendu d-dritt li dawn jipprotestaw u jsemmgħu leħinhom u jagħmlu iktar minn hekk, jekk ħadd ma jisma’ lilhom.
Wara kollox il-punt tagħhom kien u għadu jagħmel ħafna sens. Jekk il-politika dwar il-pompi tal-petrol se tinbidel, għaliex ma nistennewx qabel jsiru kunsiderazzjonijiet ta’ applikazzjonijiet li hemm quddiem il-PA. Jew se nagħtu ħafna mill-permessi u biss wara li nagħmlu dan inbiddlu l-politika? Jekk hu hekk, allura ma jkun xejn għajr daħk fil-wiċċ u insult għall-intelliġenza tal-poplu.
Din il-gazzetta tibqa’ konsistenti fuq din il-kwistjoni. Aħna ma niktbux editorjali ngħidu li l-istrajk jew il-protesti ‘jweġġgħu’ lill-pajjiż meta jaqblilna, imbagħad inbiddlu d-diska meta jitla’ l-Gvern li forsi jassoċjawna aktar miegħu.
Din il-gazzetta temmen illi l-protesta, strajk jew azzjoni taħt kull forma, basta mhux vjolenti, hija dritt sagrosant u għodda demokratika f’idejn il-poplu.
U hekk eżatt tibqa’u hekk eżatt nibqgħu nemmnu, jkun min ikun hemm fil-Gvern.
Kellu biex ikun verament diżappuntat il-Prim Ministru, din il-ġimgħa.