Opinjoni | L-industrija tal-bini taħt il-lenti
Nhar l-Erbgħa kien ippubblikat dokument konsultattiv biex tkun ikkonsolidata l-leġiżlazzjoni dwar l-industrija tal-bini
Nhar l-Erbgħa kien ippubblikat dokument konsultattiv (White Paper) biex tkun ikkonsolidata l-leġiżlazzjoni dwar l-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni. Id-dokumentazzjoni bil-Malti hi nieqsa u l-ftit li ġiet ippubblikata hi medjokri. Dan ma tantx jgħin biex il-konsultazzjoni tkun effettiva f’qasam fejn l-użu tal-Malti għadu mifrux.
Hu propost li tinħoloq awtorità ġdida, ir-Regolatur tal-Bini u l-Kostruzzjoni u dan biex taħt id-direzzjoni tagħha jkunu kkonsolidati r-responsabbiltajiet li sal-lum huma mifruxa mad-diversi entitajiet inkarigati milli jirregolaw l-industrija tal-bini u l-kostruzzjioni wara li jkunu nħarġu l-permessi relattivi. Dan għandu jiffaċilita l-konsolidament u r-reviżjoni meħtieġa tal-liġijiet u r-regolamenti tal-bini li għandna llum. B’hekk dawn ikunu aġġornati għaż-żminijiet tal-lum, u b’mod partikolari jkunu jirriflettu iktar l-iżviluppi teknoloġiċi.
Id-dokument konsultattiv jagħmel enfasi partikulari fuq il-ħtieġa li jkunu kkonsolidati u jinġabru taħt awtorità waħda erba’ entitajiet speċifiċi, u ċioe l-BICC (Kumitat Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini), il-BRO (l-Uffiċċju dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Bini), il-BRB (l-Bord li Jirregola l-Bini) u l-Bord tal-Bennejja.
Fil-qasam tal-kuntratturi ż-żgħar il-qafas regolatorju tal-bini mhuwiex effettiv biżżejjed u allura hu hawn fejn l-impatt tal-ħolqien tal-awtorità l-ġdida hu l-iktar meħtieġ
Il-proposta hi waħda tajba u messha ilha li saret. Jekk titwettaq sewwa għandha twassal għal superviżjoni adegwata tal-industrija tal-kostruzzjoni b’titjib kemm fil-kwalità tal-bini kif ukoll tas-sigurtà fl-istess industrija.
Il-multiplikazzjoni ta’ bordijiet u entitajiet oħra tul is-snin, għalkemm saret b’intenzjoni tajba, irrenda lil dawn l-istess entitajiet kważi ineffettivi. Il-konsolidazzjoni ta’ dawn l-entitajiet u l-koordinazzjoni effettiva tagħhom għandha tittrasformhom mill-ġdid f’għodda effettiva li biha jkunu jistgħu jitwettqu l-iskopijiet li għalihom inħolqu. B’hekk għandu jkun iktar possibli li naddattaw ruħna għar-realtajiet teknoloġiċi.
B’awtorità li tikkonsolida fi ħdanha dawn l-entitajiet l-aġġornament ta’ leġiżlazzjoni dwar il-bini u l-kostruzzjoni tkun bla dubju iktar iffukata u għaldaqstant issir aħjar.
L-awtorità l-ġdida għandha tassigura li r-regolatur tal-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni jkollu leħen infurmat biex b’hekk ikun kapaċi jaħdem flimkien ma strutturi regolatorji oħra li diġa jezistu, bħall-Awtorità tal-Ippjanar. B’dan il-mod l-awtorità l-ġdida tkun f’pożizzjoni li tikkumplimenta l-ħidma ta’ entitajiet oħra bħad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, id-Dipartiment għas-Saħħa Ambjentali u l-Awtorità dwar il-Ħarsien tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.
Kif jiġri kull meta jittieħdu inizjattivi ta’ din ix-xorta, għall-bidu ser ikun hemm xi diffikultajiet sakemm ikun ċar dwar fejn jibdew u jispiċċaw ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet differenti. Huwa biss iż-żmien u l-koordinazzjoni bil-għaqal li tegħleb diffikultajiet bħal dawn.
Il-proposta hi waħda tajba u messha ilha li saret. Jekk titwettaq sewwa għandha twassal għal superviżjoni adegwata tal-industrija tal-kostruzzjoni b’titjib kemm fil-kwalità tal-bini kif ukoll tas-sigurtà fl-istess industrija
Il-parti l-kbira tal-kuntratturi l-kbar, bla dubju, jilqgħu dan l-iżvilupp għax jiffaċilitalhom ix-xogħol minħabba li huma diġà organizzati kemm dwar kwalità kif ukoll dwar il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, iżda, il-kuntratturi ż-żgħar u l-bennejja li jaħdmu għal rashom b’numru żgħir ta’ lavranti għall-bidu jistgħu jiddarrsu u jqisu dan l-eżerċiżżju bħala wieħed li jżid ir-regolamentazzjoni bla bżonn. Dan ċertament mhux il-każ. Il-qasam tal-operaturi ż-żgħar hu fil-fatt dak fejn il-qafas regolatorju tal-bini mhuwiex effettiv biżżejjed u allura hu hawn fejn l-impatt tal-ħolqien ta’ din l-awtorità l-ġdida hu l-iktar meħtieġ u possibilment li l-iktar jista’ jagħti riżultati.
Mhux ser ikollna riżultati mill-ewwel. Dawn jinkisbu bil-mod hekk kif l-awtorità l-ġdida tingħata r-
riżorsi meħtieġa biex ikun possibli li twettaq xogħolha li tissorvelja s-siti ta’ kostruzzjoni, liema xogħol
illum ma jistax isir sewwa għax l-entitajiet eżistenti m’għandhomx biżżejjed riżorsi.
Dan l-eżerċiżżju konsultattiv mhux wieħed kontroversjali. Dan il-fatt jista’ jispjega għaliex s’issa ftit ingħata importanza mill-media. Dan hu żball li jeħtieġ li jkun irrimedjat.
L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] , http://carmelcacopardo.wordpress.com