Opinjoni | Min hu responsabbli għandu jsejjaħ l-iswed iswed u l-abjad abjad
L-imigrazzjoni, ir-reazzjoni tal-politiċi għaliha u l-benefiċċji tagħha...jikteb Joe Ellis
Malta mhijiex gżira maqtugħa waħedha fil-Mediterran u bħall-pajjiżi Ewropej oħra, il-kwistjoni tal-immigrazzjoni saret ferm topika. Wieħed dan jistennieh meta jara l-evoluzzjoni demografika tal-pajjiż.
Nhar il-Ġimgħa, pajjiżna għalaq 54 sena: fl-1964, l-unika prospett għal ħafna żgħażagħ Maltin u Għawdxin kienet l-emigrazzjoni. Ix-xjuħ jirrakkuntaw kif tim tal-footbal kien jispiċċa mingħajr nofs il-plejers sal-aħħar tal-istaġun, kif banda kienet tiżżarma f’ħakka ta’ għajn. Min qatt stenna fl-1964 li ftit aktar minn 50 sena wara ser tmur tieħu kafè u tispiċċa ma tistax tordnah bil-Malti għax min iservik xi Serb jew Ungeriż? Min kien jistenna illi tmur l-isptar u tara ċorma Filippini, Indjani u nies minn kull ġens? Min kien jistenna illi żgħażagħ suwed jimlew it-toqob fl-industrija tal-bini u l-agrikoltura u illi l-lukandi jitnaddfu mill-barranin?
Wara ftit snin ta’ Indipendenza, minkejja r-rundown tal-forzi Brittaniċi, il-qagħda ekonomika tant tjiebet illi anqas Maltin bdew jemigraw milli jiġu lura. Illum, għad hawn Maltin illi jemigraw imma dawn huma l-aktar nies kwalifikati illi jfittxu opportunitajiet barra minn Malta. Illum l-industrija tagħna m’għadhiex issib ħaddiema biżżejjed u tiddependi totalment fuq ħaddiema barranin, Sqallin, Taljani imma mhux biss.
Hawn min qed jinkwieta b’dina l-preżenza massiċċa ta’ barranin. Hawn min qed jinsa minn fejn ġejna u qed jinsa li dan mhux xi fenomenu ġdid. Hawn min qed jibża’ illi l-preżenza ta’ dawn il-barranin ser iddgħajjef l-identità Maltija. Issa ħallieha illi x’aktarx illi t-tfal tiegħu qed itellagħhom jitkellmu bl-Ingliż illi għalija hija theddida ferm aktar serja għall-identità tagħna (u għalhekk nikteb f’dan il-ġurnal u mhux bl-Ingliż kif nista’ faċilment). Jekk wieħed jara l-kunjomijiet Maltin wieħed jara kemm oriġinajna minn postijiet differenti. Xi xhur ilu kont qed nitkellem ma’ kollega: nannuh kien ġie minn Sqallija meta ma kienx hemm xogħol, bużnannuhi mill-Ingilterra imma t-tnejn tkellimna bil-Malti pur u nħossuna 100% Maltin.
Min qed ifaħħar lill-missier Malta independenti imma mbagħad joqgħod joħroġ jgħajjat illi l-ewwel irridu niddefendu l-interessi tal-Maltin u mhux tal-immigranti qed jinsa illi kienet il-ħidma tal-mexxejja suċċessivi ta’ pajjiżna illi ġabu fuq dan il-pajjiż ġid li ħadd ma kien joħolmu
Min qed ifaħħar lill-missier Malta independenti imma mbagħad joqgħod joħroġ jgħajjat illi l-ewwel irridu niddefendu l-interessi tal-Maltin u mhux tal-immigranti qed jinsa illi kienet il-ħidma tal-mexxejja suċċessivi ta’ pajjiżna illi ġabu fuq dan il-pajjiż ġid li ħadd ma kien joħolmu. Mexxej responsabbli għandu jinkwieta meta f’pajjiżu m’hemmx opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ tiegħu li jkollhom jitilqu. Mexxej responsabbli għandu jinkwieta meta l-azjendi ta’ pajjiżu mhumiex isibu ħaddiema biżżejjed biex iħaddmu l-investiment li għamlu.
Mhux ikeskes il-poplu minħabba l-preżenza tal-barranin u jattribwixxi l-problemi li għandna minħabba dawn il-barranin. Bħallikieku mhux dejjem kien hawn problemi u ninsew meta eluf ġew imġiegħla jsiefru ’l bogħod minn xtutna biex jaqilgħu x’jieklu. Mexxej responsabbli għandu jindirizza l-problemi illi inevitabilment it-tkabbir demografiku jista’ joħloq imma mhux jagħmel kapital minnhom għal skopijiet esklussivament elettorali sabiex jipprova jiġbor ftit appoġġ minn min qed jixrob mill-propaganda tal-mibgħeda illi qed tippervadi fuq il-media soċjali.
Mhux qed niċħad illi t-tibdil tal-profil demografiku ta’ pajjiżna jista’ joħloq problemi. Imma rridu anke naraw l-istampa sħiħa. X’inhi l-viżjoni tagħna għal pajjiżna? Illi nkunu magħluqin fi globu jew li nnkunu pajjiż, żgħir kemm hu żgħir, kunfidenti dwar il-futur tiegħu u jħares lejn l-isfidi li għandu b’kuraġġ? Pajiiżna hu miraklu li sar l-għira ta’ ħafna u dan hu frott l-għaqal, il-bravura u l-ħidma tagħna l-Maltin. U meta ngħid Maltin u Għawdxin ma nfissirx biss min twieled hawn imma anke min adotta lil pajjiżna, lil xi Gunther Merten jew xi Zoli Gatesy illi bnew industriji fis-snin sebgħin li ħadmu eluf matul is-snin illi ma kellhomx għalfejn jemigraw u illi għadhom għaddejjin b’saħħiethom sal-lum.
Ma rridux nagħtu kas il-profeti tal-mibgħeda illi dejjem jeqirdu fuq il-preżenza tal-barranin. Jekk wieħed jara l-iskejjel fil-gżira tiegħi, in-numru ta’ studenti bejn is-sena 2000 u l-2014 naqas b’40% u bosta skejjel kienu qed jirriskjaw illi jagħlqu. L-influss ta’ barranin qed jagħtihom ħajja ġdida. L-istudenti Għawdxin qegħdin jiġu esposti għall-ambjent multikulturali u mhux jitilgħu fl-ambjent provinċjali illi trabbejt fih jien u ħafna bħali. Issa min hu serju għandu jassigura illi nieħdu vantaġġ massimu minn din is-sitwazzjoni l-ġdida, illi l-istudenti tagħna jibbenefikaw minnha, illi l-istudenti barranin jitgħallmu l-lingwa tagħna u jiġu esposti għall-valuri demokratiċi repubblikani tagħna. Fuq kollox illi kulħadd, irrispettivament, mir-razza, kulur u reliġjon tiegħu, jitgħallem jirrispetta lil sħabu tal-klassi u mhux inkesksu u nbeżżgħu n-nies għax qed jiġu barranin fostna.
L-immigrazzjoni minn pajjiżi Ewropej għamlet ġid lir-Renju Unit u tejbet il-prestazzjoni ekonomika u l-finanzi pubbliċi. Wera wkoll illi r-Renju Unit ibbenefika minn kull aspett tal-immigrazzjoni
Min jaħseb illi ser jibbenefika politikament b’din il-politika tal-mibgħeda u tal-biża’ qed jinjora r-realtajiet ekonomiċi, realtajiet li ħafna nies qed iħossu b’idejhom. Min kellu dar li kienet ilha vojta s-snin u issa qed jikriha bit-tajjeb jaf x’qed ngħid. L-istess min kellu proprjetà li damet is-snin fuq żaqqu u ma setax ibigħ anke b’telf minħabba s-sistema fiskali primittiva tagħna. Kif ukoll min nefaq ġidu kollu u investa u llum ma jistax isib min iħaddem. Dawn mhumiex ser ikunu attratti minn min qed jagħmel kruċjata kontra l-barranin. Dan id-diskors ser jattira biss min qiegħed komdu wara xi skrivanija f’uffiċċju tal-gvern jew ma jrid jagħmel xejn.
Jekk hawn problema tal-akkomodazzjoni, irridu naraw u nirrikonoxxu l-vera raġunijiet tagħha. Mur fl-irħula tagħna u tara l-għexieren ta’ djar vojta. Irridu naraw għala gvernijiet suċċessivi ma rnexxielhomx iwaqqfu sistema solida ta’ reġistrazzjoni tal-art, ta’ katast kif għandu kull pajjiż ċivilizzat ieħor. Irridu naraw għala f’pajjiżna ma nafux kemm għandna proprjetà vojta u agħar minn hekk, ta’ min hi din il-propjetà. B’hekk ma nistgħux napplikaw politika fiskali illi biha nikkastigaw min iżomm propjetà vojta. Din hi l-isfida ta’ dan il-pajjiż, mhux prietki bla sens kontra l-barranin illi ġew hawn għax hawn it-talba għall-ħidma tagħhom għax altrimenti kienu jibqgħu d-dar jew imorru xi mkien ieħor.
Min qed jibni l-ħidma politika tiegħu b’diskors bla waqfien kontra l-barranin fostna qed juri l-injoranza tiegħu tar-realtajiet ekonomiċi ta’ pajjiżna u tal-kontinent Ewropew. U jekk jibqa’ sejjer hekk ser iwassal il-partit tiegħu u pajjiżna f’xifer l-irdum kif spiċċa r-Renju Unit b’diskors tal-istess natura. Meta l-evidenza hija totalment il-kontra, illi l-immigrazzjoni ġabet benefiċċji ekonomiċi tanġibbli lill-pajjiż illi laqa’ lill-immigranti.
Dan kif stabilixxa din il-ġimgħa stess rapport tal-Migration Advisory Committee li hi entità pubblika, mhux statutorja u indipendenti li jagħti pariri lill-Gvern tar-Renju Unit dwar kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni. Dan ir-rapport li sar wara l-aktar riċerka estensiva għal żmien twil ikkonkluda illi l-immigrazzjoni minn pajjiżi Ewropej għamlet ġid lir-Renju Unit u tejbet il-prestazzjoni ekonomika u l-finanzi pubbliċi. Wera wkoll illi r-Renju Unit ibbenefika minn kull aspett tal-immigrazzjoni għalkemm tali benefiċċji ma jinħassux kullimkien l-istess.
Skont dan ir-rapport, l-immigranti mill-pajjiżi illi daħlu fl-UE wara l-2004, mill-pajjiżi tal-Lvant huma aktar probabbli li qed jaħdmu minn kwalunkwe kategorija ta’ ħaddiema oħra. Ma nstabet l-ebda prova illi l-immigranti Ewropej marru r-Renju Unit. sabiex jgħixu fuq il-benefiċċji jew sabiex jieħdu xogħol in-nies tal-post kif spiss jgħidu l-Ingliżi.
Min poġġa ruħu għad-dispożizzjoni tal-pajjiż sabiex jieħdu ’l quddiem għandu jinforma u jeduka ruħu qabel ma jitkellem fuq l-immigrazzjoni u jsaħħan irjus in-nies
L-anqas ma nstabet l-ebda prova illi l-immigrazzjoni sservi sabiex jonqsu s-salarji. Hemm xi evidenza illi l-immigrazzjoni Ewropea naqset il-pagi ta’ min hu l-anqas imħallas imma żiedet lil dawk l-aktar imħallsin. Madankollu, min hu fl-10% l-anqas imħallas ra żieda fil-paga ta’ 49% bejn l-1992 u l-2017 mentri dawk fl-ogħla 10% raw żieda ta’ 35%. Ir-rapport ikkonkluda ukoll illi l-immigranti riċenti mill-UE ħallsu ferm aktar f’taxxi milli ħadu benefiċċji jew servizzi pubbliċi fl-2016-17. Ir-rapport jistma illi l-immigranti Ewropej kkontribwew £4.7b lill-finanzi pubbliċi fl-2016-17.
L-immigrant medju mit-13-il membru oriġinali tal-Unjoni kkontribwixxa £3,740 aktar lill-finanzi pubbliċi miċ-ċittadin tar-Renju Unit mentri minn ġie mill-pajjiżi li daħlu fl-2004 ħallas medja ta’ £1,040 aktar. L-aktar illi jħallu ġid huma l-immigranti l-aktar żgħażagħ bi tfal anqas. Ir-riċerka uriet illi l-ħaddiema żgħażagħ li jaqilgħu £50,000 iħallsu £20,000 aktar f’taxxi milli rċevew f’benefiċċji. Ir-rapport jistma illi l-immigrant Ewropew tipiku illi wasal fir- Renju Unit fl-2016 jikkontribwixxi lill-finanzi pubbliċi £78,000 matul ħajtu mentri l-immigranti kollha illi waslu fir-Renju Unit fl-2016 - inkluż dawn minn barra l-UE ser probabilment inaqqsu d-dejn pubbliku tar- Renju Unit b’£27b matul ħajjithom. Fl-aħħar nett, ir-rapport faqa’ bużżieqa oħra illi l-immigrazzjoni żżid il-kriminalità. Il-fatti juru illi l-kriminalità naqset fis-snin illi l-immigrazzjoni żdiedet.
Appell aħħari: min poġġa ruħu għad-dispożizzjoni tal-pajjiż sabiex jieħdu ’l quddiem għandu jinforma u jeduka ruħu qabel ma jitkellem fuq l-immigrazzjoni u jsaħħan irjus in-nies. Jekk ma jagħmilx hekk, jista’ jisraq xi voti lil Norman Lowell imma ser jemarġina u jiżola ruħu aktar u jidħol fi sqaq illi minnu m’hemmx ħruġ.