Editorjal | L-għajjat ċkejken li qed jiżdied
Il-Baġit wara l-bieb...l-appelli tal-gazzetta ILLUM lill-Gvern
Ix-xahar id-dieħel jitħabbar il-Baġit. Għalkemm illum dan l-eżerċizzzju finanzjarju m’għadux ikun segwit daqs qabel u iktar minn kollox, l-eżekuzzjoni tiegħu saret xi ftit ta’ eżerċizzji ta’ relazzjonijiet pubbliċi għall-Gvern, xorta huwa indikazzjoni ċara tad-direzzjoni u l-viżjoni ta’ Gvern.
Il-Baġit tat-22 ta’ Ottubru se jitressaq fid-dawl ta’ riżultati ekonomiċi tajbin ħafna, fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea. Illum ħadd ma jinnega li l-ekonomija Maltija qed tiġri: it-turiżmu qed jiżdied b’rata qawwija, il-konsum qed jiżdied b’rata qawwija wkoll u hawn sens ġenerali pożittiv illi l-ekonomija se tkompli tiġġenera l-ġid. Il-qasam tal-kostruzzjoni għaddej minn mument tajjeb, kif għaddejjin mijiet jekk mhux eluf ta’ nies li jmissu ma’ dan il-qasam u l-qasam tal-proprjetà.
Imma jekk nieqfu hemm inkunu diżonesti mal-qarrejja tagħna. It-tkabbir qed iġib miegħu problemi u jinħass li hemm frustrazzjoni li qiegħda, bil-mod il-mod, tikber fuq ċerti kwistjonijiet.
L-għajjat u l-protesti li smajna u rajna pubblikament u dawk li forsi privatament qed jilmentaw fuq il-kostruzzjoni u l-bini li għaddej kullimkien qed jikber. Ir-reazzjoni ta’ bosta malli ngħata l-permess tal-proġett tad-db kien sintomatiku ta’ sezzjoni tal-poplu illi issa verament qed tixba’ sal-ponta ta’ mneħirha bl-inkonvenjent li għaddej f’ħafna postijiet u das-sentiment, anke jekk huwa mibni fuq il-perċezzjoni, li hawn qroqqa nies miljunarji li f’dan il-pajjiż dejjem qed tgħaddi tagħhom.
Il-Baġit irid juri t-triq ’il quddiem permezz ta’ pjan.
L-ewwel nett hemm bżonn li quddiem l-iżvilupp massiċċ li għadu kemm kien approvat f’Paceville terġa’ tingħata l-ħajja l-idea ta’ masterplan għal din il-lokalità, preferibbilment waħda li tkun frott ta’ diskussjoni, mhux frott ta’ interessi privati. Se jkollna proġett enormi, li se jattira ħafna iktar karozzi, ħafna iktar nies u ħafna iktar sewwieqa jfittxu parkeġġ u jekk mhux se jsir ippjanar, minflok benefiċċju dan il-proġett se jġib biss geġwiġija, traffiku u ffullar.
It-tieni. Huwa ċar li f’ċerti żoni r-regolamenti mhux qed ikunu osservati u x-xogħol ta’ kostruzzjoni qed jibda qabel it-tmienja ta’ filgħodu. Dan huwa inaċettabbli. Inaċettabbli aktar, li min qed jikser il-liġi qed jitħalla jagħmel dan.
It-tielet. Hemm bżonn li jkunu mħarrxin il-pieni għal dawk li ma jibnux biżżejjed garaxxijiet mal-blokka tal-appartamenti. Jew jekk mhux pieni, inizjattivi aħjar biex il-problema tal-parkeġġ ma tibqax tikber.
Ir-raba’. Għandhom jitwaqqfu b’effett immedjat il-proċessi tal-permessi għal pompi tal-petrol sakemm tkun ippubblikata u approvata mill-Parlament il-politika l-ġdida tal-istess pompi. Inutli nbiddlu l-politika wara li jkunu nħarġu l-permessi kollha!
Il-ħames. Il-Gvern għandu jikkunsidra l-abbozz ta’ liġi li kien għamel Deputat Laburista stess, Luciano Busuttil, dwar l-istorbju. Ma nafux x’qed jistenna l-Gvern meta għandu abbozz lest, iġemma t-trab.
Imma apparti l-ambjent. Il-fatt li l-ekonomija sejra tajjeb u qed nattiraw eluf ta’ ħaddiema barranin, ifisser li d-domanda għall-kirjiet splodiet u magħha splodew ukoll il-kirjiet. Qed nistennew b’ħerqa l-White Paper dwar il-kirjiet. Ċerti illi l-Gvern se jkun għamel attentat pożittiv biex din il-pjaga tkun imfejqa u n-nies li qed iħallsu aktar minn nofs il-paga f’kirjiet jingħataw soljev. Din il-White Paper hija test importanti għall-kredenzjali soċjalisti li dan il-Gvern jgħid illi jħaddan. Jidher s’issa li dan it-test se jgħaddih, imma għalissa nistennew.
Il-Baġit għandu juri snien il-Gvern dwar xogħol prekarju u paga diċenti. Tajjeb li min hu miljunarju qed isir super-mijunarju taħt dan il-Gvern, imma l-Gvern għandu jara illi kulħadd qed iħaddem in-nies b’paga minima jew aktar, skont il-kundizzjonijiet kollha tax-xogħol li tesiġi l-liġi u aktar minn hekk li kulħadd jitħallas indaqs tax-xogħol li jagħmel meta dak ix-xogħol huwa l-istess. Ma jistax ikollna pagi taċ-cheap labour jikkompetu ma’ pagi diċenti u legali għax noħolqu livell mhux ugwali bejn il-ħaddiema. Il-Gvern għandu jagħmel dak li wiegħed li se jagħmel u jħarrax il-ġlieda kontra l-prekarjat u x-xogħol illegali.
Huwa tajjeb li l-Gvern ikompli jroxx. Għandu minn fejn bl-ekonomija miexja, kif miexja. Imma importanti wkoll li l-Baġit jservi biex jagħti stampa iktar ċara tal-istrateġija għall-futur u għal dak iż-żmien meta forsi l-affarijiet ma jibqgħux sejrin kif sejrin u meta forsi ma nkunux nistgħu nbigħu l-passaporti.
It-22 ta’ Ottubru għandu jkun l-aktar sinjal ċar li dan il-Gvern qed jisma’ l-għajtiet li għadhom żgħar imma li qed jikbru. Jekk jagħmel bħal ta’ qablu u jinjorahom, se jkomplu jikbru u jikbru sakemm ilaqqgħuh mal-istess destin elettorali kiefer li ltaqa’ miegħu l-Gvern ta’ qablu.