Opinjoni | Qagħda allarmanti
Taħt il-ministru tal-intern u kap tal-Lega, Matteo Salvini, l-Italja adottat rettorika xejn produttiva...
Ħsieb estrem għaddej minn moħħ bosta osservaturi tax-xena politika Taljana: possibli illi l-Gvern safrani-aħdar li laqqam lilu nnifsu bħala l-Gvern tat-tibdil qed jaġixxi b’mod ixxellerat sabiex l-Italja tispiċċa mkeċċija miż-żona ewro? Meta kien qed jitwaqqaf dan il-Gvern, il-President Taljan Sergio Mattarella uża d-diskrezzjoni mogħtija lilu mill-Kostituzzjoni sabiex ma japprovax l-ħatra tal-ekonomista Paolo Savona li kien ipotizza l-ħruġ tal-Italja miż-żona ewro.
Savona eventwalment inħatar ministru tal-affarijiet Ewropej fejn għadu jippromwovi t-teoriji tiegħu u minfloku nħatar professur tal-ekonomija ruman Giovanni Tria li hu rispettat u qabel kien serva bħala konsulent f’diversi ministeri.
Taħt il-ministru tal-intern u kap tal-Lega, Matteo Salvini, l-Italja adottat rettorika xejn produttiva u atteġjament ferm negattiv fir-rigward tal-immigrazzjoni. Bħallikieku l-problemi li għandha l-Italja huma kollha dovuti minħabba l-immigrazzjoni llegali u ġaladarba dina l-immigrazzjoni titwaqqaf, l-Italja ser terġa’ ssir ward u żahar.
Jinsew Salvini u s-segwaċi tiegħu illi fl-għelieqi Taljani huma l-immigranti illi jaqtgħu t-tadam u l-għeneb. Jinsew illi dawn l-immigranti qegħdin jagħmlu xogħol illi t-Taljani ma jridux jagħmlu minkejja illi suppost għandhom rata għolja ta’ qagħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ.
Il-ġimgħa l-oħra kont Puglia u f’ġurnal lokali qrajt illi l-iskejjel fetħu b’nuqqas kbir ta’ għalliema u bidilli. Imma fl-istess ħin qrajt illi Puglia flimkien ma’ Sqallija u Kampanja hija fost ir-reġjuni Ewropej bl-ogħla rata ta’ żgħażagħ bejn it-18 u l-24 sena, kważi 50%, illi la jaħdmu u l-anqas jistudjaw. U fl-istess Puglia huma s-suwed li jaqtgħu t-tadam. Huwa ċar illi s-suq tax-xogħol Taljan mhux qed jaħdem sew.
Il-gvern ta’ Renzi kien irriforma l-liġi tal-impjieg biex jagħmilha anqas riġida u għadda mill-Parlament ’l hekk imsejħa Jobs Act. Fost affarijiet oħra, din il-liġi għamlitha aktar faċli illi min iħaddem ikeċċi ħaddiem għax qabel kien prattikament impossibli illi wieħed ikeċċi ħaddiem f’azjenda li tħaddem aktar minn 60 impjegat jew f’unità produttiva ta’ aktar minn 15-ir ruħ.
L-Italja mhix il-Greċja: jekk is-swieq finanzjarji jitilfu fiduċja fl-Italja, ser ikun ferm diffiċli illi jitnieda pjan ta’ salvataġġ kbir biżżejjed sabiex isalva lill-Italja
L-idea wara din ir-riforma kien illi min iħaddem jiġi inkoraġġut jimpjega b’kuntratt indefinit. B’hekk, jonqos ’l hekk imsejjaħ “prekarjat”, meta wieħed jitħaddem fuq kuntratt definit li faċilment jista’ ma jiġġeddidx. Il-kuntratti għal terminu definit ukoll ġew liberalizzati basta ma jaqbżux tliet snin fit-tul.
Il-gvern il-ġdid hu magħmul minn żewġ partiti li għandhom kostitwenza ferm differenti u spiss konfliġġenti imma li ddeċidew illi jingħaqdu ħalli jieħdu l-poter f’idejhom. Minn banda għandek il-Lega illi suppost hija l-‘junior partner’ imma qajla li hu hekk bl-attiviżmu ta’ Salvini. Il-Lega trid tintroduċi l-hekk imsejħa flat tax biex kulħadd jiġi ntaxxat bl-istess rata rrispettivament minn kemm jaqla’.
Miżura li ser tnaqqas drastikament id-dħul tal-Gvern Taljan. Dan barra r-rettorika li semmejna kontra l-immigrazzjoni klandestina illi hija mpinġija bħala l-għerq tal-problemi kollha Taljani.
Mill-banda l-oħra dik illi suppost hija s-‘senior partner’ fil-Gvern Taljan, il-Moviment Cinque Stelle għandu interessi differenti. Ġabar ħafna kunsens għax wiegħed “dħul għaċ-ċittadini” li jingħata lil kull min m’għandhux impjieg stabbli. B’hekk kull min ma jaħdimx jista’ jieħu benefiċċju statali li qed jiġi kkalkulat li ser ikun ta’ €780 fix-xahar.
Ma tridx tkun xi xjenzat kbir sabiex tinduna illi ż-żewġ miżuri fundamentali tal-Lega u l-M5S huma kontradittorji u ser jiswew ħafna flus. Flus li l-Italja ma taffordjax għax diġà hija mdejna sa ruħ ommha. Għandha dejn pubbliku ta’ €2.2t jiġifieri 132% tal-PGD jew €37,000 għal kull Taljan.
L-Italja għandha l-akbar dejn fiż-żona ewro u bħala perċentwali ta’ PGD, id-dejn Taljan jinqabeż biss mill-Greċja. Għaldaqstant, l-Italja qajla taffordja tirrilassa r-rigur fiskali illi bdieh il-Gvern teknokratiku ta’ Monti u segwieh il-gvernijiet immexxija mill-partit Demokratiku taħt professur ieħor Pier Carlo Padoan.
Dan hu li jfisser il-populiżmu: meta wieħed jinsa l-ġid nazzjonali sabiex jintgħoġob ma’ kostitwenzi partikolari rrispettivament mill-konsegwenzi tal-fatt li wieħed jagħmel hekk
Il-ministeru tal-finanzi Taljan taħt Padoan kien ftiehem mal-Kummissjoni Ewropea illi d-defiċit għas-sena d-dieħla ma jaqbiżx 1.6% tal-PGD. Imma kemm il-Lega u speċjalment l-M5S assedjaw lis-suċċessur ta’ Padoan, Tria u l-konsulenti tiegħu u riedu jżidu d-defiċit proġettat. Wara jiem sħaħ ta’ tensjoni li fihom Tria ma jridx iċedi wara li ddikjara illi hu ħa l-ġurament sabiex iservi lil ħadd partikolari imma lin-nazzjon, il-kabinett Taljan approva dokument li qed jipproġetta defiċit ta’ 2.4% tal-PGD.
B’hekk il-Lega tkun tista’ tibda tintroduċi l-flat tax u l-M5S jibda jagħti d-“dħul taċ-ċittadin” lil min mhux qed jaħdem. Jew hekk jiddikjara. Għax bosta, inkluż sostenituri tal-Lega, jinkwetaw illi dan il-benefiċċju ser jieħdu anke min qed jaħdem bla ktieb tax-xogħol.
Il-ministri tal-M5S ħarġu jiċċelebraw mill-gallerija ta’ Palazzo Chigi u ddikjaraw illi ħadd mit-Taljani mhu ser jibqa’ fqir. Imma jew insew jew riedu jinjoraw lis-swieq finanzjarji li l-għada stess ġabuhom f’senshihom. Id-differenzjal bejn it-titoli tal-istat taljan għal għaxar snin u l-bund Ġermaniż, l-hekk imsejjaħ ‘spread’, żdied b’40 punt bażi u l-imgħaxx fuq it-titoli ta’ sentejn qabeż it-3%.
Kemm ilu dan il-Gvern fil-poter, l-imgħaxx fuq id-dejn Taljan irdoppja. Ħaġa li ser tfisser biljuni ta’ ewro aktar fis-sena sabiex jitħallas l-imgħaxx u li ser tiekol sew mid-defiċit ogħla illi l-Gvern Taljan qed jimmira għalih. Fil-fatt, il-Quirinale illi żamm lil Tria milli jirriżenja jidher illi hu inkwetat illi ż-żieda fl-ispread ser tkompli taggrava l-finanzi prekarji Taljani.
U ma rridux ninsew illi meta l-ispread żdied b’rata allarmanti illi Berlusconi kellu jirriżenja taħt il-pressjoni tal-president Napolitano illi għadda r-riedni f’idejn il-professur Monti. M’hemm xejn xi jżomm illi l-istorja tirrepeti ruħha.
Dan anke minħabba miżuri oħra li qed jieħu dan il-Gvern: irid jirriforma l-liġi Fornero sabiex xi 400,000 ruħ ikunu jistgħu jieħdu l-pensjoni qabel iż-żmien. Ħaġa li ser tipperikola s-sostenibilità tas-sistema pensjonistika Taljana.
Intant, il-Gvern Taljan qed juri inkompetenza kbira bil-mod kif qed jiġġestixxi d-diżastru tal-pont Morandi f’Genova. Din il-ġimgħa, 44 jum wara l-inċident, ġie promulgat id-digriet tal-Gvern illi jiffissa l-għajnuna finanzjarja sabiex tagħmel tajjeb għal din l-emerġenza. Dan fost it-tgergir tal-politiċi u l-poplu ta’ Genova.
Fost dawk li spiċċaw bla dar kien hemm min anke hedded illi ser imur jipprotesta wara d-dar ta’ Ġenoviż DOC, Beppe Grillo li kif ilkoll jafu hu l-fundatur tal-M5S. Meta d-digriet mar għand ir-Ragioneria di Stato sabiex din tiċċertifika skont il-Kostituzzjoni illi hemm kopertura finanzjarja, instab illi d-digriet kien nieqes mill-informazzjoni meħtieġa nkluż il-figuri ta’ spiża antiċipata.
L-Italja mhix il-Greċja: jekk is-swieq finanzjarji jitilfu fiduċja fl-Italja, ser ikun ferm diffiċli illi jitnieda pjan ta’ salvataġġ kbir biżżejjed sabiex isalva lill-Italja mid-default. Dan bħalma ġara din il-ġimgħa meta l-Fond Monetarju Internazzjonali sellef $ 57bn lill-Arġentina, pajjiż illi regolarment jispiċċa f’inkwiet finanzjarju u li inċidentalment għandu parti kbira tal-popolazzjoni ta’ oriġini Taljana.
U għaldaqstant kien ikun ferm għaqli illi l-Gvern il-ġdid Taljan jipproċedi b’kawtela kbira qabel ma jibda jimplimenta l-wegħdiet elettorali tiegħu.
Minflok ma għamlu hekk, il-komponenti tal-Gvern Taljan warrbu kwalunkwe kawtela u ġew jaqgħu u jqumu mir-reazjoni tas-swieq internazzjonali għall-miżuri li ħabbru. Hija tassew ħasra illi l-Gvern il-ġdid Taljan flok ma jimxi fuq il-passi tal-predeċessuri tiegħu u jikkonsolida l-kisbiet li wetqu, jipprova jreġġa’ l-arloġġ lura u jarmi l-progress li sar ħalli jpoġġi sew min qed jappoġġjah.
Dan hu li jfisser il-populiżmu: meta wieħed jinsa l-ġid nazzjonali sabiex jintgħoġob ma’ kostitwenzi partikolari rrispettivament mill-konsegwenzi tal-fatt li wieħed jagħmel hekk.
U għalhekk hemm min qed jidħollu dubju illi l-inkompetenza u n-nuqqas ta’ kawtela li qed juri dan il-Gvern hija l-frott tad-disinn sigriet ta’ bosta fi ħdanu illi jemmnu illi l-Italja marret lura wara li adottat l-ewro u jixtiequ illi terġa’ tmur lura għal-lira. Dawn it-talin ma jirrealizzawx illi l-mument li jiġri hekk, il-munita l-ġdida ser tiżvaluta ruħha drastikament u l-livell ta’ għixien Taljan ser jonqos bil-kbir.
Qed jinsew illi dak li għandha bżonn l-Italja huma riformi strutturali illi introduċew pajjżi oħra bħal Ġermanja u li l-Italja dejjem sabitha diffiċli tadotta. Riformi li l-Gvern il-ġdid bl-ebda mod ma jrid jintroduċi u m’għandu l-ebda viżjoni sabiex iwettaq.
Ix-xenarju politiku Taljan hu tassew deprimenti u l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni Taljana hi l-akbar theddida għall-istabbilità taż-żona ewro. Wieħed jawgura illi f’xi ħin jew ieħor min qed imexxi jadotta politika aktar realista u dan qabel ma ssir aktar ħsara li jkun ferm diffiċli illi titreġġa’ lura.