Opinjoni | U ħalluna tridux …
Saviour Balzan dwar l-MUT, l-istrajk li ma sarx u l-ħatra ġdida għal Toni Abela
“Mela, tal-MUT qalu li ser jagħmlu strajk. Dan wara li ma qablux mal-pożizzjoni tal-Gvern u l-proposti tal-Gvern. Wara li l-MUT urew snienhom, il-Gvern qal li ser jieqaf u jiddiskuti aktar mal-MUT.
B’mod loġiku, timmaġina li l-MUT kellha tordna li l-azzjonijiet industrijali jitwaqqfu. U le ma tarax, l-MUT minflok qalu li ser ikomplu u li t-Tnejn mhux ser jidħlu għax-xogħol u l-għalliema ser ikollhom vaganza oħra. Għax imsieken l-għalliema huma fost l-iktar nies li jbatu f’pajjiżna.
Nhar it-Tnejn jekk għandek it-tfal u l-mara taħdem u r-raġel ukoll, saffar l-Aida.”
Hekk kont bdejt l-opinjoni tiegħi sakemm sirt naf li l-MUT għażlu li jaraw d-dawl.
Imma ejja naraw għaliex kienu ser jistrakjaw. L-ewwel nett, għax qalu li l-Prim Ministru tkellem mal-istampa u kixef dak li kien qed ikun diskuss bejnhom u l-Ministeru ta’ Varist u t-tieni, għax mhux qed jaqblu li jkun hemm mumenti fil-karriera tal-għalliema meta jkun hemm l-obbligu li dawn jerġgħu jagħmlu daqsxejn ta’ reviżjoni tas-suġġetti li jgħallmu.
X’hemm ħażin fiha din? Nistaqsi. X’hemm ħażin? Hemm għalliema li għandhom bżonn, mhux reviżjoni imma li jidħlu f’washing machine ħa jindunaw f’liema seklu qed jgħixu.
Jiena niddikjara li għandi problema mal-għalliema. Jien kont għalliem għal 12-il sena. L-ewwel ħaġa li kont għamilt kienet li waqqaft unjin tal-għalliema separata mill-MUT. Kienet ibbażata fuq il-premessa li hija l-kapaċità u l-motivazzjoni li jitfgħuk ’il quddiem u mhux iż-żmien li tkun ilek fix-xogħol. Kont bdejt proċess illi permezz tiegħu l-għalliem kien jaċċetta assessjar kontinwu.
L-MUT jaħsbu li l-għalliema biss għandhom xogħol man-nies jew xogħol b’vokazzjoni. Jemmnu li l-affarijiet kif inhuma illum, għandhom jibqgħu l-istess
Jien kont għalliem, u mhux ser nistħi ngħid li l-paga ma kinetx tajba imma ħafna minn sħabi li kienu jaħdmu miegħi ma kinux jiddependu, għall-għixien tagħhom, mill-iskola. Ħafna minnhom kellhom negozju żgħir jew jagħtu l-privat li qatt ma ħallsu sold taxxa fuqu. Mhux l-għalliema kollha ħa nkun ċar; kien hemm min kien iddedikat u kien hemm kien iħobb il-professjoni għax kienet tagħtih iċ-ċans li jsiefer safar twil.
L-ebda professjonist f’Malta ma jispiċċa xogħol fit-3pm, ikollhom tmiem il-ġimgħa liberu, ikollhom ġranet barra mix-xogħol f’Novembru u Frar u komplessivament ġimagħtejn f’Diċembru, ġimagħtejn fl-Għid u tliet xhur fis-sajf... u xorta jgergru.
L-MUT jaħsbu li l-għalliema biss għandhom xogħol man-nies jew xogħol b’vokazzjoni. Jemmnu li l-affarijiet kif inhuma illum, għandhom jibqgħu l-istess.
U f’din l-istorja ħadd ma jitkellem fuq it-tfal tal-iskola, li huma l-vera vittmi meta ma jkollhomx għalliema u meta ma jkollhomx tagħlim li jixraq u jirrifletti ż-żminijiet li qed ngħixu fihom.
Toni Abela ġie maħtur biex jirrappreżenta l-imħallfin u l-maġistrati wara għażla ċara tal-maġistrati u l-imħallfin Maltin. Alla jbierek hekk kif smajt l-aħbar ġibt quddiem għajnejja lil Simon Busuttil. Xempju ta’ Maria Goretti, li ftit xhur ilu u qabel ma tfarrak gass down għal ġol-ħajt fl-elezzjoni ġenerali, kien qal li fost l-ikbar skandli kien hemm l-għażla ta’ Wenzu Mintoff u Toni Abela bħala mħallfin. Bniedem li verament jemmen fil-qasma bejn blu u aħmar, iswed u abjad u bejn n-Nofsinhar u t-Tramuntana.
Ovjament, oħrajn bħall-aħjar ġurnalist li qatt kellha Malta kantaw l-istess kantaliena u magħha l-avukat Joe Zammit Maempel li qal li mhux ser jidher quddiem l-Imħallef Wenzu Mintoff. Għaddew xhur u Alla jbierek ħlief tifħir għal dawn iż-żewġ karattri ma kienx hemm. Tifħir għall-integrità.
Imma ftakru, hawn min jaħseb li hawn żewġ kreaturi, żewġ klassijiet ta’ nies. Dawk li huma puri u sagri bħal dawk tal-Occupy Justice u l-bella kumpanija u l-oħrajn kollha, iż-żibel ta’ Malta u Għawdex.