Opinjoni | Nirriċiklaw l-iskart organiku
L-iskart organiku jammonta għal madwar 50% tal-iskart li sal-lum inpoġġu fil-borża s-sewda
Kulma narmu għandu użu: anke ż-żibel hu utli. Is-separazzjoni tal-iskart, illum, hi parti essenzjali mir-rutina tal-ħajja tagħna. Nisseparaw il-karta, il-ħġieg, il-metall u l-plastik. Dan huwa kollu materjal li jista’ jerġa’ jintuża. Ifisser ukoll li jkun hemm bżonn ferm inqas enerġija biex ikun hemm produzzjoni ta’ iktar karta, ħġieġ, metalli u plastik mill-prodotti li nirriċiklaw. Dawn flok ma jintremew fil-miżbla jibqgħu jiċċirkulaw fl-ekonomija. Dan hu l-bażi tal-ekonomija ċirkulari. Hu l-futur.
Nirriċiklaw ukoll l-apparat elettriku u elettroniku. It-TV, il-friġġ, ir-radju, il –kompjuter jew il-laptop. Flok ma jintremew, illum il-ġurnata jżarmawhom biċċa biċċa u l-partijiet kollha tagħhom jerġgħu jagħmlu użu minnhom. Uħud minn dan l-apparat ikollu materjali rari: hu iktar utli għal kulħadd li minflok dawn ma jintremew jiġu utilizzati mill-ġdid.
Nirriċikaw ukoll il-batteriji għax meta dawn jintremew fil-miżbliet, biż-żmien, iniġġsu kulm’hemm u jagħmlu ħsara kbira ambjentali.
Tliet snin ilu l-Wasteserve tat bidu għal proġett pilota li ffoka fuq is-separazzjoni tal-iskart organiku. Kien proġett limitat għal numru żgħir ta’ lokalitajiet imma bl-intenzjoni li jqiegħed il-pedamenti biex is-separazzjoni tal-iskart organiku tkun prattika li tinfirex mal-pajjiż kollu. Dan fil-fatt ser jibda jseħħ minn nhar l-Erbgħa 31 t’Ottubru.
Dak li, sal-lum, kull wieħed minna jarmi għandu użu. Meta nirriċiklaw nevitaw jew innaqqsu ħafna ħsara ambjentali u nagħtu kontribut biex ilkoll ngħixu ħajja aħjar
Dan l-iskart organiku jammonta għal madwar 50% tal-iskart li sal-lum inpoġġu fil-borża s-sewda li tinġabar minn wara l-bibien ta’ djarna. L-iskart organiku ser jibda jinġabar għalih f’borża bajda. F’kull residenza qed jitqassmu boroż bojod u bins apposta u ġie spjegat lilhom x’għandhom jagħmlu biex ikun jista’ jinġabar l-iskart organiku li huma jiġġeneraw.
Fil-borża l-bajda tal-iskart organiku tista’ titfa’ l-fdalijiet tal-ikel, nej jew imsajjar, ħaxix, ħut u frott, qxur tal-frott u tal-ħaxix, ħobż, tea bags u kafè midħun, qxur tal-bajd, paper napkins u karti maħmuġin, weraq u fjuri. Lista twila ħafna.
L-iskart organiku fil-borża l-bajda jinġabar minn wara l-bibien tad-djar tagħna u jittieħed fl-impjant ta’ Sant Antnin f’Marsaskala fejn wara li ssir verifika li fil-fatt fil-borża hemm biss skart organiku jitqiegħed f’apparat imsejjaħ waste digester fejn dan l-iskart jiddikomponi u minnu jinġabar gass li iktar tard jinħaraq biex jipproduċi l-elettriku. Minbarra l-elettriku tkun ukoll prodotta sħana li permezz tagħha, fost oħrajn, ser jissaħħan is-swimming pool tal-Fondazzjoni Inspire f’Marsaskala liema swimming pool jintuża bħala parti mill-għajnuna terapewtika lill-komunità b’diżabilità. Dak li jibqa’, imbagħad, jintuża bħala compost. Għax fil-fatt, mill-iskart organiku, ma jintrema xejn.
Għalhekk huwa importanti li nirriċiklaw. Għax dak li, sal-lum, kull wieħed minna jarmi għandu użu. Meta nirriċiklaw nevitaw jew innaqqsu ħafna ħsara ambjentali u nagħtu kontribut biex ilkoll ngħixu ħajja aħjar.
Ir-riżultati li nkisbu mill-proġett pilota dwar is-separazzjoni tal-iskart organiku li nbeda tliet snin ilu għad mhumiex magħrufa pubblikament. Dan jeħtieġ li jsir biex ikun possibbli li jsir skrutinju pubbliku adegwat. Kulħadd japprezza l-preparazzjoni estensiva biex ikun assigurat li fl-aħħar t’Ottubru l-ġbir tal-parti organika tal-iskart li niġġeneraw jimxi sewwa. Imma hemm bżonn li jkun hemm iktar informazzjoni dwar dak li sar s’issa.