Opinjoni | Min jgħid li jħobb is-saltna tad-dritt għandu jirrispetta d-deċiżjonijiet tal-Qrati

Fejn tidħol is-sezzjoni tal-Busuttiljani fil-Parlament magħmula minn deputati li għandhom rabja għal kulħadd, inkluż għall-kap tagħhom stess, ir-regoli jinbidlu

F'pajjiżna hawn sezzjoni żgħira tal-poplu li tgħid li tħobb is-saltna tad-dritt. Li tgħid f'kull nifs li għidna x'għarukaża ta' Gvern għandna għax skont hi jirrispettax is-saltna tad-dritt.  Tant għandhom din l-ossessjoni li darba minnhom kienu anke għamlu xi tlett ijiem jaqlgħuli għas-sempliċi raġuni li flimkien ma' sħabi tal-Kabinett u flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu kont preżenti fl-awla waqt kawża ta' importanza nazzjonali.

Aħna dejjem irrispettajna d-deċiżjonijiet tal-Qrati, iktar u iktar meta kien jidhrilna li għandna raġun u ma ħadniehx.  Irrispettajna d-deċiżjoni tal-Qrati dwar il-każ taż-żewġ siġġijiet fil-Parlament u sa ftit ilu dwar il-każ ta' punt tekniku li tqanqal dwar ir-rwol regolatorju tal-Kummissjoni Elettorali fil-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.

Aħna nirrispettaw id-deċiżjonijiet tal-Qrati.

Waqt li jien nifhem u napprezza ċ-ċirkostanzi diffiċli li jinsab fihom Dr Delia li fil-grupp Parlamentari tiegħu għandu dawn id-deputati Busuttiljani li għandhom biss ħdura ġo fihom, irid jifhem li bħala Kap ma jistax iħalli kollox għaddej

Biss, fejn tidħol is-sezzjoni tal-Busuttiljani fil-Parlament magħmula minn erba', ħames deputati li għandhom rabja għal kulħadd, inkluż għall-kap tagħhom stess, ir-regoli jinbidlu.  Huma jridu li aħna nirrispettaw is-saltna tad-dritt (u hekk għandu jkun) u jikkritikawna fuq kull millimetru fejn assolutament ma jkollhomx raġun. Imma fejn jidħlu huma, hemmhekk le. Huma għandhom dritt li fl-istess ċirkostanzi eżatt jimxu l-oppost ta' dak li jridu lilna nimxu bih.

Fl-aħħar jiem rajna żewġ deputati Busuttiljani – Simon Busuttil innifsu u l-king tal-ħdura Jason Azzopardi – għax bniedem aħdar daqsu għadni qatt ma ltqajt miegħu – joħorġu jmeru bl-iktar mod dirett u ċar il-konklużjonijiet ewlenin tal-inkjesta Egrant, liema konklużjonijiet ewlenin ġew ippubblikati minnufih mill-Avukat Ġenerali.

Mela allura għandna sitwazzjoni fejn Maġistrat Inkwerenti ħa iktar minn 15-il xahar biex jikkonduċi inkjesta li swiet lill-pajjiż €1.5 miljun, ikkonkluda li l-akkuża fuq Joseph Muscat u familtu kienet gidba u giddieba fiha nfisha (għax kien hemm ukoll falsifikazzjoni ta' dokumenti) u l-bravi Busuttiljani joħorġu jgħidu li għadhom jemmnu dak li l-Maġistrat Inkwerenti qal li ma kienx minnu u li kien falsifikazzjoni mill-bidu sal-aħħar.

Jekk temmen fis-saltna tad-dritt, għandek tirrispetta d-deċiżjonijiet tal-Qrati.

Adrian Delia

F'dan kollu Adrian Delia għandu responsabbiltà wkoll.  Waqt li jien nifhem u napprezza ċ-ċirkostanzi diffiċli li jinsab fihom Dr Delia li fil-grupp Parlamentari tiegħu għandu dawn id-deputati Busuttiljani li għandhom biss ħdura ġo fihom, irid jifhem li bħala Kap ma jistax iħalli kollox għaddej. Veru, Dr Delia qagħad attent ħafna kif jippronunzja ruħu u l-Onor Herman Schiavone għamilha ċara li Dr Busuttil kien qed juri biss fehma strettament personali. Biss Dr Delia jrid jiftakar li l-membri tal-Partit Nazzjonalista lilu eleġġew bħala kap u lil ħadd iktar.

MICAS

Kemm ħadt gost din il-ġimgħa nkun preżenti għall-pass li jmiss tal-ispazju ta' arti Kontemporanja.  Il-Prim Ministru, iċ-Chairperson tal-MICAS is-Sinjura Phyllis Muscat u jien kellna l-unur li nindirizzaw udjenza magħmula minn nies mill-iktar distinti biex intuhom togħma ta' dan il-proġett ambizzjuż li miexi ġmielu. Kull min jiftakar kif kien il-ġnien tal-Milorda sa ftit xhur ilu u min ra r-restawr estensiv tas-swar li ra fiż-żona u l-viżjoni straordinarja ta' Mrs Muscat u t-tim tagħha jaf li qed issir xi ħaġa fantastika.

Simon Busuttil innifsu u l-king tal-ħdura Jason Azzopardi, joħorġu jmeru bl-iktar mod dirett u ċar il-konklużjonijiet ewlenin tal-inkjesta Egrant, liema konklużjonijiet ewlenin ġew ippubblikati minnufih mill-Avukat Ġenerali

M'għandi ebda dubju li l-MICAS se jkun proġett kapitali kulturali ieħor li se jkompli jimla vojt kbir li n-nies midħla tal-kultura ilhom iħossu.

Żigużajg

Ma nistax ma ngħidx erba' kelmiet dwar il-festival għat-tfal Żigużajg li issa qiegħed wara l-bieb. Kull sena mill-Fondazzjoni Kreattività ntellgħu jiem ta' ċelebrazzjonijiet kulturali għat-tfal ta' kull età u din is-sena mhijiex se tkun eċċezzjoni.

Jien kuntent ħafna bil-mod kif qed jiżviluppa ċ-ċentru Kreattività li llum trasforma ruħu f'ċentru per eċċellenza tal-espressjoni kulturali.  Rupert Cefai u l-bqija tat-tim qed jagħmlu xogħol straordinarju u llum hemmhekk għandna tim b'saħħtu ħafna u nista' ngħid li Fondazzjoni Kreattività qed isservi ta' mudell għall-Organizzazzjonijiet Pubbliċi Kulturali l-oħra kollha.

Appell lill-ġenituri – ħudu lil uliedkom għal dawn l-avvenimenti kulturali li qed nagħmlu apposta għalihom. Ir-rispons s'issa huwa wieħed kbir ħafna u hekk jixraq għax Żigużajg hu festival tajjeb ħafna li jgħin biex nattiraw lit-tfal tagħna lejn il-kultura sa minn età żgħira.

More in Blogs