Opinjoni | Brutus
'Ħsiebu biss huma l-voti u li jissiġilla s-siġġu fl-elezzjoni li jmiss. Lin-nies jarahom voti f’garżella'
Hawn min jaf jinżel fil-baxx. Kapaċi jsir karikatura mostruża. Lest ifarrak lil ħaddieħor għall-egoiżmu tiegħu. Kilba bla rażan għax dejjem irid. Ma jibqax jara u l-ħin kollu preparat biex jgħaffeġ fuq kollox u fuq kulħadd. Stat ta’ moħħ marid. Insigur u allura l-unika triq hi li jsir gaffa u jgħaffeġ fuq kulħadd b’ detriment għal ħaddieħor. Jiddisprezza l-verità basta jiġbor il-voti. Xejn ma jibqa’ fid-dlam, u kollox jinkixef u l-kuntratturi xi darba jikxfuh. Jaf ikun gustuż u ħelu, filfatt b’ħalqu dejjem imċarrat taf taħsbu buffu tal-kummiedja. B’entużjażmu jaf minn fejn għandu jgħaddi u bl-għeruq infondati, taf tibqa’ barra int. Arah joħodlok b’idejk, l-aktar fejn ikun hemm in-nies biex jidher ġentili, però joħorġu l-ilsna tan-nar fil-magħluq jekk kemm-il darba ma taqbilx mal-opinjoni tiegħu. Żaqqu mimlija bih innifsu, avolja qatt m’għamel xejn. Tas-sengħa, jaf jilbes maskla u jaf ikun ħabib kbir, sakemm jonqoslok il-poter u jarmik ġo skip.
L-unika ħila li għandu forsi biex iparla. Ħila tabilħaqq mitruħa. Dejjem idur mal-lewża u jitkellem bil-lingwa ta’ skont min ikun quddiemu. Il-qerq tiegħu jaf ikaxkar lil min hu dgħajjef u lil min ma jafx l-affarijiet. Jaf ibellagħha li jrid l-għaqda, għax kliemu jaf ikun ħelu daqs iz-zokkor, avolja għandi d-dubji jekk melħa f’moħħu qajla għandux. L-akbar biża’ tiegħu hija l-verità u jitwerwer meta jisma’ b’ħidmet ħaddieħor favur il-batut, u ż-żgħir. Ħsiebu biss huma l-voti u li jissiġilla s-siġġu fl-elezzjoni li jmiss. Lin-nies jarahom voti f’garżella. Sfortunatament, mostrużi dil-kwalità, lanqas tgħaddilhom minn moħħhom li teżisti l-kelma ‘qaddej’, avolja propju għalhekk qegħdin fejn qegħdin. Mostrużi dil-kwalità moħħhom dejjem itektek fil-prestiġju fieragħ. Tinnuthom iffissati f’ kull ħin u f’ kull mument biex jidhru wara xi camera jew fil-filliera ta’ quddiem.
Dixxerniment
Qajla tiswa d-dehra ta’ barra u għalhekk nsitiednek dejjem tagħmel dixxerniment qabel tmur tivvota. Xi wħud jafu jġibu ruħhom skont l-udjenza li jkollhom. Mhux dejjem tagħraf x’hemm moħbi taħt. Wiċċhom qagħad sew, u għall-vot tiegħek kapaċi jġibu ruħhom ta’ Fariżej. Qatt ma semgħu bil-kelma sinċerità u l-verità li taparsi jipproġettaw iċċedi f’qasir żmien u allura tinkixef l-artifiċċjalità. Dawn il-bnedmin fil-qiegħ ta’ qalbhom huma rġiel bla sinsla, beżżiegħa u bla qlubija. Kapaċi jieħdu l-udjenza f’idejhom b’dik il-vuċi għolja, taparsi ħabib ma’ kulħadd, biex l-udjenza tiggustah. Hawn toħroġ personalità dgħajfa li kontinwament jaħbi n-nuqqas ta’ siġurtà li għandu. Sfortunatament, l-għadd ta’ bnedmin dil-kwalità jkomplu joktru. Għax fil-verità hu qed jagħti l-idea li rnexxa u dejjem tiela’, tiela’...
Żaqqu mimlija bih innifsu, avolja qatt m’għamel xejn. Tas-sengħa, jaf jilbes maskla u jaf ikun ħabib kbir, sakemm jonqoslok il-poter u jarmik ġo skip
Qatt ma nista’ nsejjaħlu mudell fis-soċjetà tagħna. Min isegwi mudell dan it-tip, ikun qed iżid l-inġustizzji... u jkun qiegħed iċaħħad il-verità minn ruħu stess. Biex tasal timita mudell bħal dan, qajla baqagħlek skrupli. Jien ma nimitax, landa msadda.
O Alla agħtini sinjal
Meta s-soċjetà tħares ’il fuq lejn dawn it-tip ta’ bnedmin, huma stess ikunu jinsabu f’qagħda tal-waħx. L-identità ta’ rġulija tixxejjen qatigħ. Dawn it-tip ta’ bnedmin huma protagonisti biex iġibu qasma fil-grupp li jkunu jappartjenu fih. Moħħhom kontinwament ikejjel, mhux x’sejjer jiggwadanja l-partit, jew in-nies, imma x’ser jiggwadanja HU minn din is-sittwazzjoni. Din ukoll tissejjaħ vjolenza. Hija forma oħra ta’ vjolenza, fejn għalih din saret il-ħobża ta’ kuljum. Din il-qagħda baxxa tmermer lil grupp/partit/knisja/soċjetà li fih inti tillimita. Int ma jistħoqqlokx tibqa’ fi ħdan dan il-grupp. Żmienek għadda. Il-preżenza tiegħek qiegħda ddejjaq bis-sħiħ lil bosta li ndunaw bl-imġiba tiegħek. Il-preżenza tiegħek qiegħda sservi biex tmarrad lir-ruħ sakemm toqtolha.
“Nippreferi ġimgħa bilwieqfa, milli għomri għarkopptejja”. Għall-kuntrarju, dan il-mostru kapaċi jilgħaq it-trab tal-art. Moħħu duħħan, ħsiebu li jkun iċ-ċentru f’ kull ċentru, fotokopja patetika ta’ ħaddieħor... basta jirbaħ!
Bosta jistaqsu l-istess domanda: Għaliex il-ħażin jirrenja? Din id-domanda nistaqsiha jien ukoll. Inħares ’il fuq u nitlob ’l Alla jagħtini sinjal. U jien u nistenna s-sinjal, nirrepeti vers minn ta’ Dun Karm Psaila “Agħti kbir Alla, id-dehen lil min jaħkimha.”