Opinjoni | Il-maskra ta’ Jason Azzopardi
Id-Direttur Maniġerjali tal-MediaToday jiddedika l-opinjoni tiegħu fuq Jason Azzopardi
Illum għażilt li niddedika l-opinjoni tiegħi lil Jason Azzopardi - għax issa xbajt.
Iddejjaqt bil-kbir nara persuna li huwa politiku taparsi ta’ prinċipju, li jridha ta’ xi umli u minflok jurina kemm hu ipokrita.
Jien lil Azzopardi niftakru. Niftakru meta kien deputat Nazzjonalista. Niftakar dak iż-żmien kellu għatx kbir biex jimxi ’l quddiem fil-politika – isir junior minister jew ministru. Għal raġunijiet li jaf Eddie Fenech Adami, ma kien għamlu xejn. Jien, bniedem li jgħid kontra l-kap jew l-imgħallem tiegħu mill-ewwel nieħdu fuq demm id-dars.
U għalhekk niftakar dawk il-mumenti speċjali meta kont taħbat miegħu fl-awli tal-Qorti u erħilu jgerger kontra l-kap tiegħu u jiftaħlu. Dan ukoll bħalma gerger kontinwament kontra Adrian Delia, bħallikieku kien ix-xitan.
Azzopardi kien u għadu bniedem li jrid jagħti l-impressjoni li huwa xi perfett u xi qaddis. Illum nafu kemm hu qaddis, xempju ħaj ta’ dak kollu li l-imġiba Nisranija għandha tfisser. Nafu kif inqabad mal-ħabiba tiegħu minn wara dahar il-mara tiegħu, waqt li hu ried jagħti l-impressjoni lil Malta kollha li hu xi wieħed qaddis.
Hemm iktar allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu li Alla biss ried li ma joħorġux għax mhux kulħadd huwa kattiv u malizzjuż bħalma kienu ċertu nies.
Niftakar kien ikollu storja bla bażi u jgħidha lil xi ħames ġurnalisti. Ovvjament l-iktar waħda brava, Daphne Caruana Galizia, kienet tibla’ l-lixka bħalma belgħet il-lixka f’tal-Egrant flimkien ma’ Simon Busuttil
Wisq aktar irid jagħtina l-impressjoni li huwa xi wieħed verġni meta qabel l-elezzjoni tal-2013 jissemma f’rapporti uffiċjali ta’ kif ingħataw biċċiet ta’ art pubblika. Hawn qed nirreferi għall-każ tal-Fekruna f’San Pawl il-Baħar u tal-Akwarjum. Inżid ngħid li hemm oħrajn.
Imma l-isbaħ, niftakar li meta Alla jbierek xi ħadd li kien responsabbli minn wieħed minn dawn il-proġetti msemmija hawn fuq spiċċa għamillu xi xogħol fl-uffiċċju tiegħu, Alla jbierek qisu ma għamel xejn ħażin għax f’daqqa waħda ġiet ippreżentata biċċa rċevuta tal-VAT.
Imma r-raġuni li qed nikteb danakollu hawnhekk u issa, għax issa żżejjed, dan Azzopardi li dejjem kien jieħu pjaċir iparla f’widnejn Daphne Caruana Galizia, qed ikun kaġun ta’ leaks skorretti lil dawn il-ġurnalisti barranin u dawn ta’ bċieċen li huma qed jibilgħu l-lixka.
Mhux hekk, ġie mwissi mill-prosekuzzjoni fil-każ tal-qattiela ta’ Caruana Galizia li ħa jippreġudika l-każ u mhux hekk biss, ser jagħti ammunizjon lil dawn it-tliet mustaċċuni.
Qisu Azzopardi jrid li ma jinstabx min qatel lil Caruana Galizia, sakemm ma jkunx Cardona jew Muscat jew xi ħadd ieħor tal-qalba Laburista.
Azzopardi huwa politiku li qatt ma fdajt. Niftakar kien ikollu storja bla bażi u jgħidha lil xi ħames ġurnalisti. Ovjament l-iktar waħda brava, Daphne Caruana Galizia, kienet tibla’ l-lixka bħalma belgħet il-lixka f’tal-Egrant flimkien ma’ Simon Busuttil.
Bl-informazzjoni skorretta li ġiet riprodotta mid-Daphne Project Azzopardi għandu responsabbilità kbira. Għandu jkun kburi li kompla jħawwad fil-borma.
Għax jaf bħalma naf jien li l-interess tiegħu huwa politiku u xejn aktar.