Editorjal | White Paper: pass ’il quddiem lejn soċjetà aktar ġusta
Il-gazzetta llum dwar il-White Paper tant mistennija tal-kirjiet
Din il-ġimgħa tressqet White Paper partikolari li jidher illi se tqajjem ħafna diskussjoni. Qed nirreferu għall-White Paper li titratta s-suq tal-kiri.
L-ewwel nett din il-gazzetta tqis dan il-pass bħala wieħed ferm pożittiv. Jekk xejn issa għandna mhux biss realizazzjoni, imma għandna wkoll dokument li juri ammont ta’ dedikazzjoni min-naħa tal-Gvern fuq din il-kwistjoni. Issa aħna nifhmu perfettament li bidliet f’dan is-settur dejjem inisslu ċerta biża’ u elettoralment il-Gvern jitlef voti jista’ iktar milli jirbaħà. Lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet partiġġjani, il-fatt li llum għandna dokument, li fuqu ħadmu wħud mill-aqwa mħuħ fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u l-fatt li diġà bdiet diskussjoni li għandha twassal għal liġi huwa pass ferm pożittiv.
Ilbieraħ bdew deħlin il-proposti u reazzjonijiet. Fost dawn hemm waħda illi tgħid li kirja ġdida m’għandhiex tkun 10% ogħla mill-kirja l-antika, jiġifieri sid meta kuntratt jispiċċa sid ma jistax jgħolli b’aktar mill-10%. Prima facie din il-miżura tagħti serħan il-moħħ akbar lill-inkwilin u tista’ sservi ta’ mediċina biex il-prezzijiet tal-kiri jiddistabilizzaw ftit wara splużjoni kbira b’żidiet li ġieli laħqu l-100% jekk mhux aktar.
Nifhmu l-kawtela ta’ min ħadem biex sar dan id-dokument. Xi kultant l-għaġla frieħ għomja tagħmel u f’qasam bħal dan jekk miżura ma tagħtix ir-riżultat mistenni, minflok ġid tista’ tagħmel aktar deni
Imma miżura bħal din qed tneħħi l-kirja mill-kuntest. Il-kuntest huwa li pajjiżna qed joħloq ħafna u ħafna impjiegi, fosthom f’setturi li jħallsu tajjeb, imma m’għandux biżżejjed riżorsa biex jimla dawk il-postijiet tax-xogħol bil-konsgwenza li qed jiġu ħafna barranin li jew jitħallsu tajjeb biżżejjed u li allura lesti jħallsu ħafna jew inkella li lesti jgħixu ma’ erbgħa, ħamsa, sitta jew anke tmienja min-nies oħra biex tinqasam il-kera. Jiġifieri il-proposta tal-limitu fuq kemm tiżdied kirja, filwaqt li tagħti serħan il-moħħ lill-inkwilin, se tillimita lis-sid milli jieħu l-vantaġġ li jagħtih is-suq mill-proprjetà tiegħu li wara kollox ħadem għaliha.
Ċerti illi s-sidien mhumiex se jaċċettaw miżura bħal din, imma ħafna agħar minn hekk u ta’ detriment kbir għas-settur. Jekk is-sid iħoss li l-Gvern mhux qed iħallih jieħu l-vantaġġ li jtih is-suq ta’ kirjiet residenzjali, jista’ faċilment jew ineħħi l-proprjetà mis-suq jew inkella jikri għal perjodu qasir (short let). Wara kollox l-ebda sid mhu obbligat jikri.
Għalhekk nifhmu l-kawtela ta’ min ħadem biex sar dan id-dokument. Xi kultant l-għaġla frieħ għomja tagħmel u f’qasam bħal dan jekk miżura ma tagħtix ir-riżultat mistenni, minflok ġid tista’ tagħmel aktar deni.
Kif għaġġilna f’ħafna affarijiet oħrajn għandna ngħaġlu hawn ukoll, wara kollox min qiegħed jgħix fil-miżerja tal-faqar ma jiflaħx jistenna ġurnata oħra, aħseb u ara tliet snin oħra
Fid-dawl ta’ dan huwa għaqli li l-Gvern ikompli jinċentiva aktar u aktar nies isiru sidien ta’ darhom. Għalkemm għadna ma nafux id-dettalji kollha ta’ skema li se titħabbar għada fil-Baġit (ara paġna 8) huwa ferm pożittiv li jidher illi l-Gvern se jitfa’ ħarstu fuq għajnuna lil dawk in-nies l-aktar li jinqabdu fil-morsa tal-kirjiet għoljin, biex anke dawn isiru sidien ta’ darhom.
Naturalment huwa diżappuntanti ferm, min-naħa l-oħra, li ħames snin wara li kien elett dan il-Gvern għadna lanqas għandna appartament tal-akkomodazzjoni soċjali wieħed li hu wieħed ġdid u skont l-Ministru Michael Falzon (ara paġna 2) l-ewwel appartament se jkun qed jingħata fl-2021, tliet snin oħra.
Kif għaġġilna f’ħafna affarijiet oħrajn għandna ngħaġlu hawn ukoll, wara kollox min qiegħed jgħix fil-miżerja tal-faqar ma jiflaħx jistenna ġurnata oħra, aħseb u ara tliet snin oħra. Fejn hemm il-burokrazija din għandha tinqata’ u kollox għandu jkun iċċentralizzat mal-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali biex il-proċess jitħaffef aktar. Hemm bżonn li jitħaffef preċiżament għax nemmnu li ladarba l-Gvern m’għandux jiddetta l-prezzijiet hu u allura jħalli s-suq jiġri, għandu jkun hu stess li joffri soljev għal dawk li qed jibżgħu li lanqas se jkollhom saqaf fuq rashom.
Il-White Paper dwar il-kirjiet hija pass pożittiv u ’l quddiem għal soċjetà aktar ħanina u aktar ġusta.