Opinjoni | It-triq ’il quddiem
Miriam Dalli dwar il-Baġit tal-Gvern għas-sena d-dieħla
Għall-Baġit 2019, il-Gvern għażel it-tema ‘Ngħixu s-Suċċess’. Meta wieħed jidħol fid-dettall tal-miżuri li ġew proposti, tinduna li din hija deskrizzjoni xierqa ta’ x’qed joffri dan il-Baġit u mhux semplici slogan.
Hija deskrizzjoni ċara ta’ x’għandha tkun il-viżjoni ta’ pajjiżna issa li dan il-Gvern Laburista bena pedamenti sodi kemm ekonomikament u kif ukoll finanzjarjament. Għalija viżjoni tfisser żewġ affarijiet: l-ewwel nett x’futur naraw għal pajjiżna u t-tieni hija x’futur naraw għal uliedna, iż-żgħażagħ, il-familji, l-anzjani u l-ħaddiema.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan kien Baġit li “jaħbi l-problemi” u li m’hemmx “eżerċizzju ta’ pjan fit-tul”. Jekk inħarsu lura lejn il-Baġits li ġew ippreżentati mill-Gvern Laburista, toħroġ l-istrateġija ċara ta’ Baġits li jinbnew fuq xulxin, sena wara sena. Li tgħid li m’hemmx pjan fit-tul ifisser li ma tkunx qrajt u ma tkunx fhimt dan il-Baġit u dan il-pjan.
Fil-passat konna mdorrijin b’miżuri punitivi għaċ-ċittadini u min jaħdem biex jagħmlu tajjeb għad-dejn tal-pajjiż. Il-piż tal-pajjiż kien qed iġorru l-ħaddiem, bir-riskju li jkunu wliedna li jirtu dan il-piż. Meta ġie elett Gvern Laburista, il-pjan kien ċar: ħolqien ta’ pedamenti sodi biex verament jitqassmu l-miżuri soċjali mhux biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ opportunitajiet imma biex jgħinu lil min għandu l-aktar bżonn jimxi ’l quddiem biex eventwalment ikun jista’ jżomm fuq saqajh.
Ngħixu s-Suċċess’. Meta wieħed jidħol fid-dettall tal-miżuri li ġew proposti, tinduna li din hija deskrizzjoni xierqa ta’ x’qed joffri dan il-Baġit u mhux semplici slogan
Ħolqien ta’ sisien sodi biex illum għandna t-tielet Baġit b’surplus u t-tieni Baġit bla taxxi.
Din il-bidla ma setgħetx tiġri minn lejl għan-nhar u għalhekk kull sena rajna Baġits li jindirizzaw oqsma differenti. Fil-passat kellna miżuri bħal dik tal-kontijiet tad-dawl u ilma biex ikun hemm aktar flus fil-but; servizz ta’ childcare b’xejn biex aktar nies joħorġu jaħdmu u wkoll ikollhom aktar flus fil-but; aċċess għal trasport pubbliku b’xejn li kull sena jżid il-firxa ta’ nies li jkunu qed jintlaħqu; aktar mediċini b’xejn u għajnuna lil carers fil-komunità. Ma’ dawn il-miżuri passati, li jiġġeddu kull sena, issa se jiżdiedu proposti bħaż-żieda fiċ-children’s allowance.
Dawn huma l-miżuri li jagħmlu d-differenza għax jidħlu fil-qalba tal-familji tagħna. Miżura importanti ħafna hija li ħadd minn uliedna mhu se jkollu ostakli finanzjarji biex ikompli jistudja. Forsi hemm min ma tantx jagħti kas, iżda għal uħud, li jiffrankaw sa €200 biex jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC jew is-SEC hija bidla importanti. Il-frott ta’ din id-deċiżjoni m’aħniex se ngawduha għada iżda ħames, 10 snin oħra meta dawn l-istess studenti - li issa ngħatatilhom opportunità akbar biex ikomplu jistudjaw - joħorġu fid-dinja tax-xogħol b’ċans akbar minn qatt qabel li jsibu xogħol ta’ kwalità.
Ftit tal-jiem ilu ħareġ l-istħarriġ tal-EY dwar kemm hi attraenti Malta għall-investiment barrani. Punti li jitqajjem u li rridu nindirizzaw hija dik dwar in-nuqqas ta’ “skilled labour” fost il-Maltin. Irridu nirrispondu għal din il-problema billi ninvestu fit-tfal tagħna u dan l-investiment isir billi nippreparaw bil-quddiem lill-istudenti għax-xogħlijiet fis-snin li ġejjin imma wkoll billi naħdmu aktar ħalli nindirizzaw l-ostakli differenti - inkluż dawk soċjali - li jwassal biex student ma jkomplix jistudja.
Għax dak huwa l-għaqal ta’ min jaħseb għal quddiem. Dan huwa l-għaqal ta’ Gvern Laburista li jaħdem bi pjan
Għar-raba’ darba, se jkun hemm żieda fil-pensjonijiet. Fosthom, hemm 29,000 anzjan ta’ aktar minn 75 sena li se jingħataw għotja ta’ €300. Dawn huma il-persuni li ħadmu għalina u llum bħala soċjetà rridu naċċertaw li jkollhom is-sostenn meħtieġ f’ambitu ta’ pajjiż li qed ikompli jipprogressa u li jġib miegħu sfidi ġodda. F’dan il-progress, mhux kulħadd jimxi ’l quddiem bl-istess ritmu u hu l-obbligu ta’ Gvern soċjal demokratiku li jagħti l-imbuttatura meħtieġ biex ħadd ma jinqata’ lura. L-anzjani jridu jkunu parti integrali mis-soċjetà tagħna għaliex bil-parteċipazzjoni attiva tagħhom nistgħu biss niggwadanjaw.
Fost il-kwistjonijiet differenti li jammontaw għall-problema tat-traffiku, nemmen li waħda mill-bidliet li tista’ verament tħalli impatt hija dik dwar tibdil fil-kultura tagħna. Miżuri bħat-trasport pubbliku b’xejn għal minn hu bejn 14 u 20 sena, studenti ta’ aktar minn 20 sena u trasport b’xejn għall-iskejjel kollha ifisser li qed indaħħlu fiż-żgħar u żgħażagħ kultura ta’ trasport pubbliku. Qed nimbuttawhom biex joħorġu mill-comfort zone li forsi ħafna huma mdorrijin biha.
Fuq kollox, x’sens jagħmel li jkollna aktar flus fil-but u jkollna dan il-progress kollu fil-pajjiż jekk ma jkollniex iċ-ċans u l-ħin li ngawdu lill-għeżież tagħna? Għalhekk li hadt gost li dan il-Baġit qed jaħseb biex jippromovi aktar spazji ta’ rikreazzjoni u postijiet kulturali u edukattivi li l-ulied flimkien mal-adulti jistgħu jżuru, bla ħlas u mingħajr limitu.
Il-Baġit ta’ pajjiż mhu xejn differenti mill-Baġit ta’ familja bil-għaqal: fil-qofol ta’ kollox hemm il-ħidma għal sitwazzjoni finanzjarja soda u li l-familja ddaħħal aktar milli toħroġ; wara jkun hemm it-tqassim tal-flus għall-ħtiġijiet l-aktar importanti u l-ispejjeż tal-ħajja ta’ kuljum; imbagħad hemm l-allokazzjoni għall-attivitajiet differenti li l-familja tagħmel biex tqatta’ ħin flimkien u taħseb ukoll għat-tfaddil.
Għax dak huwa l-għaqal ta’ min jaħseb għal quddiem. Dan huwa l-għaqal ta’ Gvern Laburista li jaħdem bi pjan.