Opinjoni | L-istorja tinkiteb tafux
L-opinjoni ta' kull ġimgħa mill-Editur Maniġerjali ta' MediaToday Saviour Balzan
Xi kultant tinsa kemm inbidlu l-affarijiet. Tinsa kemm l-argumenti li tagħmel ma jfissru xejn għan-nies, għax ma jiftakrux. Ma jistgħux japprezzaw id-diskorsi tiegħek għax id-diskorsi tiegħek huma mibnija fuq esperjenzi tal-ambjent li tkun għext. Ambjent li issa m’għadux magħna. Spiċċa, għax sirna differenti, kważi f’kollox.
Illum jekk iddur fuq it-tfal, u tgħidilhom li trabbejna mingħajr air conditioning, mingħajr kompjuter, mingħajr mowbajl, mingħajr internet – iħarsu lejk bħallikieku qed tgħidilhom li ġejna minn seklu ieħor.
Imma ma tridx tmur ’il bogħod ħafna.
Qisu n-nies insew. Jista’ jkun qed nixjieħ, imma llum hemm realtà differenti f’kollox. Niftakar żmien mhux xi żmien ilu ħafna meta ma kontx kapaċi titkellem u tgħajjar xi ħadd korrott, mixtri jew mażun. Kien jeħduk il-Qorti.
Kien hemm waħda li biddlet dan kollu meta bdiet tfajjar bl-addoċċ u tgħajjar in-nies left, right and centre. Ma waqfitx hemm, kienet tgħid li dawn in-nies huma frodisti, jieħdu d-droga, u jorqdu mal-qħab. U dan tgħidu mingħajr ma jkollha l-iċken farka ta’ evidenza.
Hemm sala msemmi għaliha fi Brussel, u tifkira u l-ġurnalisti tad-dinja jpinġuha bħala ġurnalista.
U meta spiċċat il-Qorti… biex tevita l-istess trattament kienet toħroġ ix-xabla u tibda tattakka l-maġistrat, li kien miskin spiċċa quddiemha, billi tikxiflu ma min kien jorqod u ma jorqodx u affarijiet oħra. Biex b’hekk il-każ kien jew jittawwal jew jieqaf ħesrem għax il-maġistrat kien jaqbdu il-brim.
L-istorja ma tinkitibx minn xi ġurnalista ħelwa minn Franza jew xi wieħed oħxon mill-Italja jew xi wieħed gustuż minn New York, tinkiteb fil-kwiet minn xi ħadd li jħares lejn il-fatti u l-istorja
Jiena ma rridx ninstema’ dejjem l-istess qisni neqred fuq dak u fuq l-ieħor imma jekk ħaqqha premju Caruana Galizia huwa premju għal dak kollu li ma għandux ikun ġurnalist: paċpaċi, tikteb mingħajr ma tivverifika, tħallat xogħol pubbliċitarju ma’ dak ġurnalistiku, tattakka nies personalment dwar il-ħajja privata tagħhom u l-agħar fuq l-agħar tigdeb.
Biex tirnexxi f’xogħolha kellha armata nies, minn dawk li l-għatba tal-knisja mhux biss jikluha imma jaħsbu li hija tagħhom, jemmnu li huma biss twajba u tajba u jemmnu li ħaddieħor xitan u mgħawweġ.
Issa żżejjed kollu żejjed. L-istorja ma tinkitibx minn xi ġurnalista ħelwa minn Franza jew xi wieħed oħxon mill-Italja jew xi wieħed gustuż minn New York, tinkiteb fil-kwiet minn xi ħadd li jħares lejn il-fatti u l-istorja.
Kemm tkellmet fuq min jevadi t-taxxa u hi qatt ma ħallset taxxa, kemm tkellmet kontra min kiser il-liġi meta t-tifel tagħha nqabad bid-droga u Alla jbierek minkejja t-taħrika ma sar xejn, u kemm għajret in-nies li jieħdu kuntratti tal-gvern u hi ħadet kuntratti tal-gvern.
Insomma kollox irid ikun. Inħallikom b’ritratt ħelu; il-Maġistrat Vella issa sar imħallef jieħu kafè ma’ Jason Azzopardi. Ma fiha xejn ħażin tafx imma kieku kien xi blogger, min jaf kemm ħriġna bi spekulazzjonijiet ta’ x’inhu jgħid Jason lil Anthony Vella. Inħallikom hawn illum.