Editorjal | Kemm hi libera l-libertà tal-espressjoni?
Hemm bidu u hemm tmiem? Il-libertà tal-kelma hija assoluta jew le?
Din il-ġimgħa f’dan il-pajjiż kellna żewġ diskussjonijiet xi ftit jew wisq jaħarqu. Bdejna bil-kummenti ta’ parteċipant ta’ X factor ta’ Malta dwar l-omosesswalità u komplejna b’Xarabank u l-intervista li suppost kellha tintwera ta’ Liam Debono. Iż-żewġ każi, fil-merti separati tagħhom, qajmu l-mistoqsija; imma kemm hi libera, il-libertà tal-kelma? Hemm bidu u hemm tmiem? Il-libertà tal-kelma hija assoluta jew le?
Ħa nibdew bil-parteċipant tal-programm lokali bħal-lum ġimgħa. Dak li qal huwa dak li jaħseb hu u jidher li dak li jaħseb hu mhux popolari wisq. Jekk xejn, id-diskussjoni dwar jekk titwelidx omosesswali jew intix intrinsikament u bin-natura omosesswali hija sorpassata, mhux biss bl-aċċettazzjoni soċjali imma xjentifikament ukoll. Jiġifieri l-omosesswalità mhix għażla u lanqas hija ‘stil ta’ ħajja’. Issa jekk din il-persuna tħoss li s-sesswalità hija għażla jew hekk ġiegħluha temmen, dik hija l-għażla tagħha. Tista’ temmen li s-sema vjola jekk trid, ħadd mhu se jmerik! Jekk dan il-kontestant irid imeri s-sewwa magħruf u jagħmel dan f’kuntest ta’ programm popolari, dak affarih. Però, u hawn hija l-kruċjali, il-libertà tal-espressjoni ġġib magħha l-effetti u ġġib magħha r-riperkussjonijiet.
Kienu ħafna politiċi fil-passat madwar l-Ewropa u anke d-dinja li esprimew dak li ħasbu dwar l-omosesswali, l-Afrikani, il-Musulmani, il-Lhud u ħafna oħrajn. Imma araw naqra x’effett ikrah kellha dik l-espressjoni. Kemm inqatlu nies, kemm nies ġew opressati u magħtnin f’ħajjithom u kemm ħallew togħma qarsa u storja ta’ dmija u mistħija jew inkella kemm ħallew nies jgħixu gidba.
Jiġifieri iva, il-libertà tal-espressjoni hija assoluta. Int tista’ tgħid li trid. Imma xi kultant dak li tgħid iġib miegħu konsegwenzi fuq ħaddieħor. U allura kwalunkwe libertà tal-espressjoni li hija pprattikata biex tweġġa’ u tumilja għandha dejjem tkun ikkundannata u miġġielda bil-fatti .
Jekk dan il-kontestant irid imeri s-sewwa magħruf u jagħmel dan f’kuntest ta’ programm popolari, dak affarih. Però, u hawn hija l-kruċjali, il-libertà tal-espressjoni ġġib magħha l-effetti u ġġib magħha r-riperkussjonijiet
Mathew Grech kellu jgħid dak li jħoss fuq it-TV? Iva. Kellna dritt aħna ngħidu li dak li kien qed jgħid hu kien irresponsabbli, omofobiku, biex ma ngħidux patetiku? Iva kellna wkoll.
Wara kollox nistgħu ma naqblux maċ-ċuċati li jgħid, imma nagħtuh id-dritt u l-jedd assolut li jgħidhom.
Imbagħad kien hemm il-każ ta’ Xarabank li huwa xi ftit aktar kumpless u kkumplikat mill-każ tal-X Factor. Kellha jew ma kellhiex tixxandar l-intervista ta’ Liam Debono? L-ewwel risposta u dik awtomatika tkun le, mhux biss għax dak li allegatament għamel Liam kien mill-aktar kundanabbli, imma aktar minn hekk għax kien se jinħoloq preċedent li kull min ikun akkużat f’xi każ se jsib ir-refuġju ta’ dan il-programm jew kwalunkwe midja biex jipprova jagħti stampa differenti minn dak li hu u forsi fil-proċess jinfluwenza r-riżultat aħħari tal-każ. Mhux qed ngħidu li hekk kien se jagħmel Liam Debono, qed ngħidu biss li kien se jiftaħ preċedent xi ftit ikrah. Tnejn min-nies jew żewġ partijiet quddiem il-Qorti f’każ ‘sub judice’ għandhom id-dritt ta’ ‘smigħ ġust’ fil-Qorti u mkien aktar. Sakemm issir ġustizzja jkun aħjar għal kulħadd, inkluż l-akkużat innifsu, li kumment fuq il-midja , anke ta’ kritika, jitħalla għal wara d-deċiżjoni.
Min-naħa l-oħra aħna nifhmu l-punt ta’ Peppi Azzopardi meta jgħid illi huwa pprova juri n-naħa ta’ kulħadd. Minkejja li din il-gazzetta tissimpatizza ma’ Simon Schembri u l-familja tiegħu, tifhem illi ladarba parti qed tingħata dak l-ispazju kollu, kien hemm biżżejjed argument biex il-parti l-oħra tingħata l-ispazju wkoll, anke jekk il-parti l-oħra hija perċeputa jew fil-fatt hi kriminal. L-aħjar fil-fatt kien ikun kieku ebda parti ma ngħatat spazju, qabel ma tittieħed id-deċiżjoni.
Nifhmu wkoll li kien ikun aħjar kieku l-Maġistrat Joe Mifsud ra l-intervista qabel fil-fatt iddeċieda, anke jekk id-deċiżjoni tiegħu kienet se tkun eżatt l-istess
Nifhmu wkoll li kien ikun aħjar kieku l-Maġistrat Joe Mifsud ra l-intervista qabel fil-fatt iddeċieda, anke jekk id-deċiżjoni tiegħu kienet se tkun eżatt l-istess, b’hekk ikun aktar ċar u ma kien jitħalla ebda dubju li nstemgħu ż-żewġ partijiet f’din il-kwistjoni.
Allura kellha titħalla tixxandar jew le dik l-intervista? Il-Qorti ħasset illi l-prezz biex tintwera kien se jkun għoli wisq. Ladarba ma kinitx dwar il-każ u ladarba Liam Debono huwa pubblikament u prinċipalment magħruf għal dan il-każ, u allura ladarba jista’ jkun hemm dubju li dak li kien se jixxandar seta’ affettwa l-kors tal-ġustizzja sar sew li ma kienx mxandar f’dan l-istadju.
Imma l-libertà tal-espressjoni xorta tista’ tieħu triqitha u l-intervista tixxandar; meta jispiċċa l-każ u tittieħed deċiżjoni ta’ ħtija jew innoċenza. M’għandu qatt ikun hemm, imqar farka dubju, li xi ħaġa, xi ħadd jew sitwazzjoni nfluwenzat id-deċiżjoni finali tal-ġustizzja.
Minn naħa l-oħra imma l-Avukat Joe Ellis, opinjonista ta’ din il-gazzetta, qed jagħmel punt mill-aktar interessanti fuq paġna 20 meta jinsisti illi ma jidhirx li hemm liġi li tgħid illi imputat ma jistax jitkellem fil-pubbliku. Jekk hu hekk, mela allura qed inħarsu lejn xenarju pjuttost differenti u kif jgħid Elllis ‘preċedent’ li jeħtieġ ikun indirizzat.