Opinjoni | Il-Baġit: lil hinn mill-€s
Carmel Cacopardo jisħaq li l-Baġit qed jitlef l-opportunità li jagħmel differenza f’numru ta’ oqsma fejn li troxx il-flus mhux biżżejjed
Id-diska ta’ Liza Minelli “Money makes the world go round” donnha li hi t-tema li madwarha hu minsuġ id-diskors tal-Baġit li nqara mill-Ministru tal-Finanzi nhar it-Tnejn fil-Parlament. Il-messaġġ ċar li wasal fi djarna kien li l-flus u l-“ġid” li hawn jagħmlu possibli li tirċievi ċekk id-dar, kemm jekk għandek bżonnu kif ukoll jekk m’għandekx.
F’dawn iż-żmienijiet il-kelma taxxa donna saret kelma moqżieża fid-dizzjunarju politiku: għalhekk ġie suġġerit li n-nuqqas ta’ taxxi ġodda, inkella ta’ żieda fit-taxxi eżistenti kien element pożittiv fid-diskors tal-Onorevoli Ministru. Ċekkijiet għal kważi kulħadd. L-ewwel għal dawk li għandhom il-ħtieġa u mbagħad għall-parti l-kbira tal-bqija. Dak li kien jingħad li “jittieħed mingħand kull wieħed skont ma jiflaħ, u jingħata lil kulħadd skont il-ħtiġijiet tiegħu” donnu li ma għandu l-ebda piż illum meta nippruvaw nifhmu l-filosofija politika li fuqha hu mfassal dan il-Baġit ta’ Gvern ‘Laburista’.
It-taxxa li tinġabar f’Malta donnha li hi utli biss meta tinġabar mingħand kumpaniji barranin li filwaqt li joperaw barra mit-teritorju Malti jkollhom uffiċċju żgħir jew sempliċi letterbox f’Malta. Dan biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn rati ta’ taxxa sostanzjalment iktar baxxi minn dawk li jkunu soġġetti għalihom fil-pajjiżi fejn joperaw. Diversi kumpaniji fis-settur tas-servizzi finanzjarji wkoll jibbenefikaw minn rati ta’ taxxa li bihom jiffrankaw sostanzjalment minn dak li jħallsu band’oħra.
Imma l-kwalità tal-ħajja ma titkejjilx biss f’termini ta’ flus. Fil-Baġit hemm bosta miżuri ambjentali nofs leħja.
Il-Gvern mingħalih li għamel opra. Fir-realtà qed jibgħat messaġġ li Malta tilqa’ li min irid jevadi t-taxxa f’pajjiżu, kemm-il darba jkun lest li jħalli xi ħaġa minn dak li jiffranka fil-kaxxa ta’ Malta!
F’dan il-kuntest l-istudju intitolat 'Toxic Tax Deals. When BASF’s Tax Structure is more about style than substance,' ippubblikat mill-Grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew madwar sentejn ilu jispjega b’mod ċar x’inhu jiġri. F’dan l-istudju ġie konkluż li l-BASF, ġgant Ġermaniz fil-qasam tal-industrija kimika bbażat f’Ludwigshafen, jagħmel użu minn differenzi fis-sitemi nazzjonali tat-taxxa biex jevita milli jħallas it-taxxi dovuti. Huwa stmat li, tul il-ħames snin bejn l-2010 u l-2014, BASF evitaw madwar biljun ewro fi ħlas ta’ taxxi. Minflok ħallsu ammonti ferm inqas, b’ħajr lill-gvernijiet Maltin (blu u ħomor) talli għinhom jevitaw dawn it-taxxi kollha.
F’dan il-kuntest id-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus jidhru dak li fil-fatt huma: eżerċizzju ta’ rettorika.
Inżommu f’moħħna wkoll il-każ tal-Panama Papers, li kien stabilixxa l-fatt li membru tal-Kabinett u ċ-Chief of Staff fl-uffiċċju tal-Prim Ministru kellhom kumpaniji fil-Panama, pajjiż rinomat għall-evażjoni tat-taxxa, u dwar dan ma ttieħdu l-ebda passi kontra tagħhom. Fid-dawl ta’ dan, id-dikjarazzjoni ta’ ‘qdusija’ dan parti tal-Onorevoli Ministru hi nieqsa minn kull kredibilità.
Il-Gvern hu iktar interessat mill-ħarsien tal-karozzi milli mill-ħarsien tal-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll
Il-proposti tal-Baġit isaħħu x-xibka soċjali u dan billi jgħinu finanzjarjament lill-vulnerabbli. Imma l-kwalità tal-ħajja ma titkejjilx biss f’termini ta’ flus. Fil-Baġit hemm bosta miżuri ambjentali nofs leħja.
Il-ħarsien tal-karozzi huwa iktar importanti mill-kwalità tal-ħajja għalina. Il-Gvern jikkunsidra li hu iktar importanti li jwessa’ t-toroq biex jiffaċilita ċ-ċaqliq tal-karozzi u b’hekk jipprova jnaqqas il-konġestjoni. Loġika rasha ’l isfel. Il-mira kellha tkun it-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq tagħna għax dik hi l-problema. It-twessiegħ tat-toroq u t-titjib tal-infrastruttura bil-kostruzzjoni ta’ flyovers lil hawn u lil hemm iwassal biss għaż-żieda ta’ karozzi fit-toroq tagħna u b’hekk tikber il-problema tal-konġestjoni
. L-unika soluzzjoni hi li jkun inkoraġġit bis-serjetà t-trasport alternattiv. Il-Gvern qiegħed fl-istess nifs jinkoraġixxi kemm it-trasport alternattiv kif ukoll iż-żieda fenomenali ta’ karozzi: dan ifisser li għadu ma tgħallem xejn. Wara kollox huwa l-pjan nazzjonali tat-trasport imfassal minn dan il-Gvern stess li jpoġġi quddiemna l-mira tat-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq tagħna. Imma jidher li l-Gvern qed iwarrab il-pjani tiegħu stess.
Il-Gvern hu iktar interessat mill-ħarsien tal-karozzi milli mill-ħarsien tal-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.
Dan hu biss eżempu wieħed. Hemm bosta oħrajn.
Il-Baġit qed jitlef l-ooportunità li jagħmel differenza f’numru ta’ oqsma fejn li troxx il-flus mhux biżżejjed.