Opinjoni | ‘Leave’ marbut mat-twelid: analiżi u proposti progressivi
Maria Brown, Soċjologa u lettur l-Università ta’ Malta, dwar il-leave tal-maternità
F’Malta l-‘leave’ tal-maternità huwa ta’ 14-il ġimgħa mħallsa, bl-għażla li omm żżid erba’ ġimgħat aktar ‘leave’ mingħajr obbligu ta’ min iħaddem li jħallasha matul dawn l-erba’ ġimgħat.
Jiġifieri normalment meta omm tieħu 18–il ġimgħa biex toqgħod ma’ wild ġdid, fl-aħħar erba’ ġimgħat tieħu benefiċċju li jista’ jkun inqas minn dak li ħadet fl-ewwel 14–il ġimgħa. Dis-sistema timplika li mara li tagħmel erba’ ġimgħat iktar ma taħdimx barra mid-dar għandha ġġarrab konsegwenza.
Wieħed jistaqsi: Qed nippruvaw naqtgħu qalb l-ommijiet li jixtiequ jestendu l-perjodu li jiddedikaw ruħhom għall-maternità mingħajr ma jaħdmu barra mid-dar?
Min-naħa l-oħra raġel jingħata biss ġurnata ‘leave’ mħallsa, sa massimu ta' ħamest ijiem għal gruppi speċifiċi ta' ħaddiema.
Dan jimplika li post ir-raġel li għadu kemm sar missier huwa attiv fl-ekonomija, u mhux fil-familja. Tant hu hekk li l-benefiċċju ta’ ġurnata ‘leave’ għall-irġiel anqas jissejjaħ ‘leave’ tal-paternità iżda ‘leave’ għal twelid (bl-Ingliż, ‘birth leave’).
Jiġifieri anke analiżi tat-terminoloġija tikxef in-nuqqas ta’ proviżjonijiet għall-esperjenza bħala missier.
Għalkemm l-ekonomija mhix kollox, tajjeb nikkunsidraw li ġenituri b'wild ġdid xorta huma aġenti ekonomiċi għax huma konsumaturi b'kontribut t'eluf ta' ewro marbutin mal-esperjenza ta' wild ġdid.
Titjib fil-‘leave’ tal-maternità u ħolqien ta’ ‘leave’ tal-paternità xieraq jikkontribwixxu biex dawn il-konsumaturi jingaġġaw b’aktar ħin u flus x’jinvestu f’attivitajiet u prodotti relatati mal-familja.
U b'hekk iddur ir-rota, speċjalment fil-kuntest tal-Baġit 2019 li żied iċ-'children's allowance' u radd lura festa pubblika oħra bħala ‘leave’ mħallsa.
Jekk ma' dan il-gwadann ekonomiku nżidu l-gwadann fil-kwalità tal-ħajja - li finalment għandu jkun il-prijorità – ‘leave’ tal-maternità u tal-paternità xierqa għandhom prospettivi ta’ benefiċċji soċjali li jinħassu fl-immedjat, kif ukoll fil-ġenerazzjonijiet futuri.
Fattur ieħor hu li Malta saret xempju progressiv fid-drittijiet ċivili. Dawn taw pjattaforma għall-familji alternattivi bħal dawk b’żewġ ommijiet u żewġ missirijiet.
Għaldaqstant differenzi bejn nisa u rġiel fil-‘leave’ fl-okkażjoni ta’ wild jagħtu spazju għal anomaliji u diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ġeneru, minkejja li involontarji.
Anomalija oħra hija li filwaqt li żewġ ġenituri li jaddottaw wild bħalissa jistgħu jiftehmu bejniethom kif iqassmu ‘leave’ tal-adozzjoni li huma intitolati għalih, familja li jkollha twelid ma tistax tagħmel dan.
Il-proposti tiegħi f'dan il-qasam jinkludu li:
1. Jitwaqqaf 'working group' b'parteċipazzjoni tal-Gvern, trejd unjins, għaqdiet ta' min iħaddem, imsieħba soċjali, soċjetà ċivili u professjonisti mill-oqsma tas-saħħa fiżika, mentali u soċjali.
2. Isir proġett pilota ma' industriji u sidien tax-xogħol li, għal perjodu stabbilit (eż. 6 xhur - sena) jagħtu estensjoni tal-‘leave’ tal-maternità u tal-paternità skont kif jirrakomanda l-'working group'. Għandu jkun mistħarreġ jekk din l-estensjoni tistax tkun kofinanzjata mill-Gvern u/jew l-Unjoni Ewropea.
3. Issir kampanja nazzjonali li tisfida l-biżgħat u l-bruda lejn il-leave tal-paternità.
4. Jinfetħu spazji fuq il-post tax-xogħol għal kura tat-tfal t'età bejn 0 u 3 snin. Dawn jiffaċilitaw il-ġenituri biex imorru lura għar-rutina tax-xogħol; kif ukoll jiffrankaw skariġġ, ħin, traffiku u tniġġis.
5. Jingħataw inċentivi fiskali għall-industriji u s-sidien tax-xogħol li jipparteċipaw fil-proġett pilota msemmi hawnhekk u li jipprattikaw 'best practices'.
6. Isir stħarriġ empiriku dwar l-esperjenzi tal-familji, industriji u sidien tax-xogħol li jipparteċipaw fil-proġett pilota.
Finalment, bħalma fil-Baġit 2019 rajna miżuri bla preċedent bħaż-żieda fiċ-‘children’s allowance’ u assikurazzjoni li wara sena l-ebda impjegat ma jibqa’ fuq paga minima, Malta għandha u tista' tkun l-aqwa fil-qasam ta’ ‘leave’ marbut mat-twelid tal-ulied ukoll.