Opinjoni | Lejn l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-politika
L-NCPE se tkompli bil-ħidma tagħha f’dan il-qasam bit-tnedija tal-kampanja Bilanċ bejn Nisa u Rġiel fil-Politika: Azzjoni Issa.
Sabiex tintlaħaq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika baqa’ 50 sena, dan sakemm il-partiti politiċi ma jiħdux ċertu passi biex jeliminaw din il-problema, qalet id-Direttriċi Eżekuttiva tal-Entità tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ugwaljanza Bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa, Phumzile Mlambo-Ngcuka fl-2015.
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) tagħraf li minn mindu n-nisa ħadu d-dritt tal-vot fl-1947 baqgħu b’rappreżentanza dgħajfa fil-parlament. Dan għaliex anke fil-preżent mas-57 raġel (85%) fil-Parlament Malti hemm biss 10 nisa (15%).
Hu f’dan il-kuntest, li l-NCPE se tkompli bil-ħidma tagħha f’dan il-qasam bit-tnedija tal-kampanja Bilanċ bejn Nisa u Rġiel fil-Politika: Azzjoni Issa.
Hekk kif qalet tajjeb Mlambo-Ngcuka, il-partiti politiċi għandhom jaħdmu għall-ugwaljanza fir-rappreżentanza tal-irġiel u n-nisa fil-Parlament. Fil-fatt dawn għandhom jimmiraw għall-azzjonijiet pożittivi biex iħajru iktar nisa jidħlu fil-politika.
Huwa stmat li 96% tal-Maltin jaqblu li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija importanti sabiex is-soċjetà tkun ġusta u demokratika. Dan jirriżulta minn stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea fl-2017 dwar l-opinjoni pubblika fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Minn barra dan, skont l-istħarriġ il-Maltin huma l-iktar nies fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jaħsbu li għandu jkun hemm iktar nisa fil-Parlament bi 80% li jaqblu, ikkomparat mal-medja Ewropea ta’ 54%. Sabiex dan in-numru ta’ nisa jiżdied mingħajr ma jerġgħu jgħaddu ħafna snin irid ikun hemm miżuri legali temporanji għal parità bejn in-nisa u l-irġiel biex jingħeleb id-defiċit demokratiku fejn nofs il-popolazzjoni mhix rappreżentata b’mod ugwali fil-Parlament. Minn dawk il-Maltin li wieġbu għall-istħarriġ kienu 78% li qablu li għandu jkun hemm miżuri legali li jassiguraw parità bejn in-nisa u l-irġiel fil-politika - persentaġġ simili ma’ dawk li jaqblu li għandu jkun hemm iżjed nisa fil-politika.
Li hemm nuqqas ta’ nisa fil-Parlament ma jfissirx li n-nisa m’għandhomx interess fil-politika. Fis-snin li għaddew in-numru ta’ kandidati nisa żdied bil-mod minn 26 kandidata għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2008 għall-72 fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2017. L-istħarriġ juri li 52% li wieġbu ma qablux li n-nisa mhumiex interessati f’pożizzjonijiet fil-politika. Mhux biss l-interess iżda wkoll l-ambizzjoni tan-nisa mhix nieqsa għax 58% ma qablux li l-irġiel huma iktar ambizzjużi min-nisa, mentri kienu biss 37% li qablu (5% ma jafux).
L-NCPE tagħraf li dejjem iktar nisa qed juru l-interess tagħhom biex jidħlu f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Fil-fatt in-numru ta’ nisa rreġistrati fid-direttorju ta’ nisa professjonisti li jista’ jiġi aċċessat mis-sit, issa jlaħħaq mal-260 mara professjonista. Dan id-direttorju huwa mmirat biex jagħti iktar viżibbiltà u opportunitajiet lin-nisa meta jiġu għall-ħatriet f’bordijiet, kumitati u pożizzjonijiet għolja.
Il-Maltin jaħsbu wkoll li mara hi kapaċi daqs raġel biex tirrappreżenta l-interessi tagħhom f’pożizzjonijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-politika. Mill-istħarriġ ħarġet differenza minima ta’ persentaġġ dwar dan għax 87% jaħsbu li mara tista’ tirrappreżenta l-interessi tal-poplu filwaqt li 88% jaħsbu li raġel jista’ jirrappreżenta l-interessi tagħhom. Il-maġġoranza tal-Maltin fl-istħarriġ (76%) ukoll jagħrfu li n-nisa għandhom il-kwalitajiet u l-ħiliet neċessarji għall-pożizzjonijiet fil-politika.
Minkejja dan, ir-responsabbiltajiet tal-familja għadhom assoċjati man-nisa tant li 73% qablu li n-nisa għandhom nuqqas ta’ libertà minħabba f’hekk. Fil-fatt hemm differenza sostanzjali bejn in-nisa u l-irġiel fis-sigħat ta’ xogħol fid-dar fejn in-nisa jaħdmu 29 siegħa u l-irġiel 11-il siegħa (fil-ġimgħa) f’xogħol relatat ma’ kura u mad-dar mingħajr ħlas.
Hekk kif huwa stmat li għad baqa’ 50 sena sabiex tintlaħaq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika madwar id-dinja fejn il-persentaġġ medju ta’ nisa fil-Parlament huwa dak ta’ 23.8%, nistgħu ngħidu li l-proċess għal Malta, fejn in-nisa fil-Parlament ilaħħqu 15% jista’ jkun itwal. Sabiex inħaffu dan l-avvanz lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika għandna nikkunsidraw miżuri li jiffaċilitaw il-proċess biex tiżdied ir-rappreżentanza ta’ nisa fil-politika skont kif juri l-istħarriġ. Dan il-bilanċ mhuwiex biss dritt tan-nisa iżda huwa wkoll importanti għal demokrazija b’saħħitha għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha.
Għall-aktar informazzjoni dwar l-NCPE u dwar din il-kampanja tistgħu tidħlu fuq il-paġna ta’ Facebook jew fil-websajt tagħna: www.equality.gov.mt