Opinjoni | Soċjetà inklussiva
Għad fadal kumpaniji li jippreferu jħallsu l-multi milli jimpjegaw persuni b’diżabilità
Bla dubju ta’ xejn li l-kamp tad-diżabilità għamel avvanzi kbar. Ersaqna ’l bogħod mill-mudell mediku tad-diżabilità u aktar viċin dak soċjali. Illum il-ġurnata m’għadniex inqisu d-diżabilità bħala nuqqas iżda bħala bnedmin li jeħtieġu ħtiġijiet differenti.
Qed inħarsu u nagħtu importanza aktar l-abilità milli lejn id-diżabilità. Qed inħarsu lejn il-persuna bħala dik il-persuna li teħtieġ bżonnijiet differenti minn ta’ ħaddieħor. Sa fl-aħħar wessagħjna l-parametri tal-ħsibijiet u m’għadniex niddominaw lill-persuni b’diżabilità bid-deċiżjonijiet tagħna iżda l-ħsibijiet tagħhom stess qed ikunu rispettati.
Iferraħni l-fatt meta nara persuni b’diżabilità, li jkunu membri f’xi Bord, b’mod speċjali bordijiet li fihom jittieħdu deċiżjonijiet biex itejbu l-istil ta’ ħajja tagħhom stess. Daqs kemm jafu huma dwar ħajjithom ħadd. Xi drabi, nkunu aħna stess li nkabbru d-diżabilità, għaliex hija ħasra min għadu bl-idea li “tajjeb jien, tajjeb kulħadd”. Ħasra li hemm xi wħud li ma jarawx l-importanza tal-aċċessibilità fit-toroq, f’ postijiet pubbliċi u kullimkien.
Ġenituri
Għad fadal kumpaniji li jippreferu jħallsu l-multi milli jimpjegaw persuni b’diżabilità. Jien inħeġġiġhom iħarsu madwarhom u jaraw kemm għandna persuni b’diżabilità utli u tajbin għax-xogħol
Intenni li f’dan il-qasam saru avvanzi kbar, però kull darba li titkellem mal-ġenituri tal-persuni b’diżabilità, dejjem tibqa’ ssib id-diffikultajiet u l-ħafna wġiegħ. Niftakar meta kont Sindku fil-Mosta, kont ippruvajt nikkomunika ma’ kull familja li għandha persuna b’diżabilità fi ħdanha.
Fil-Mosta kien hemm madwar 500 persuna b’diżabilità u kull bniedem issibu bl-istorja tiegħu. Il-bżonnijiet jibdew mit-twelid tat-tarbija u l-għajnuna immedjata mhux dejjem issibha.
Kemm huwa mument diffiċli fit-twelid, b’mod speċjali fuq l-omm, li tkun teħtieġ it-tama psikoloġika. Ċert li dan isir, iżda mhuwiex biżżejjed. Il-ġenituri jinkwetaw l-aktar u jgħixu ħajja b’qalbhom imtertqa x’se jsir minn uliedhom wara li jiġu nieqsa minn did-dinja. Il-ġenituri jinkwetaw ruħhom dwar il-kwistjoni ta’ aċċessibilità.
B’aċċessibilità m’iniex nifhem biss bir-rampi fit-toroq, għax il-kwistjoni ta’ aċċessibilità hija ħafna akbar minn hekk. Fost oħrajn tkopri l-kwistjoni tal-aċċessibilità għall-informazzjoni. Irrid nieħu l-opportunità nirringrazzja lil tant bnedmin li jieħdu tant inizzjattivi pożittivi u nsibu informazzjoni fil-libreriji pubbliċi li huma aċċessibbli b’mod speċjali għal persuni għomja. Irrid insemmi wkoll spejjeż li jxekklu l-inklużjoni soċjali u dawn joħolqu d-diskriminazzjoni. Diversi ġenituri jkollhom spejjeż kontinwi, minħabba diversi raġunijiet.
Ma nixtieqx nagħti l-impressjoni li bqajna lura f’ dan ir-rigward, madanakollu wieħed jista’ japprezza li familji ta’ persuni b’diżabilità għandhom ħafna spejjeż u qatt mhu biżżejjed
Fost l-oħrajn wieħed jeħtieġ jifhem il-modifikazzjonijiet li jkunu jeħtieġu fid-djar. Ma nixtieqx nagħti l-impressjoni li bqajna lura f’ dan ir-rigward, madanakollu wieħed jista’ japprezza li familji ta’ persuni b’diżabilità għandhom ħafna spejjeż u qatt mhu biżżejjed. Għalhekk appell lill-Gvern Ċentrali li kull għajnuna li tingħata, dejjem tgħin biex ittaffi xi ftit mill-ispejjeż li għandhom il-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità.
Is-settur tal-impjiegi
Il-liġi Maltija tesiġi illi tnejn minn kull mitt persuna mpjegata jkunu b’diżabilità. Tajjeb illi llum il-ġurnata din il-liġi qiegħda tiġi osservata. Ħasra li din il-liġi, minkejja li ilha s-snin, damet biex ġiet infurzata.
Tassew li għad fadal kumpaniji li jippreferu jħallsu l-multi milli jimpjegaw persuni b’diżabilità. Jien inħeġġiġhom iħarsu madwarhom u jaraw kemm għandna persuni b’diżabilità utli u tajbin għax-xogħol, u li meta jħaddmuhom isibu kemm kienu ’l bogħod minn dak li ħasbu dwarhom qabel ħadmuhom.