Editorjal | Prekarjat leġittimizzat
L-ILLUM tħeġġeġ lill-unjins, li lkoll huma kontra dan it-tip ta’ prekarjat leġittimizzat, biex jaħdmu qatigħ u jeradikaw dan it-tip ta’ impjieg
Nhar il-Ħadd 18 ta' Novembru, il-gazzetta ILLUM ippubblikat storja dwar ħaddiema li qed jaħdmu fuq kuntratti ta’ xahar b’xahar. Biex inkunu onesti qabel ma fil-fatt ippubblikajna l-istorja, malli l-gazzetta saret taf li persuni qed jitħaddmu b’kuntratti ta’ xahar jew tliet xhur fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kienet ixxukkjata u stenniet li wara l-istorja tittieħed azzjoni biex dawn il-ħaddiema jkollhom is-sitwazzjoni tagħhom regolarizzata. Dan sakemm sirna nafu min-naħa tal-Labour Office kif ukoll mill-Gvern li fil-fatt impjegatur għandu dritt iħaddem persuna fuq kuntratti ta xahar b’xahar, sa massimu ta’ erba’ snin.
Dan sempliċiment mhux aċettabbli għax dan mhu xejn għajr prekarjat leġittimizzat. Xejn iktar u xejn inqas. Għax legali ma jfissirx li huwa korrett.
Il-persuni li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi ma jistgħux jibqgħu jgħixu b’dan il-mod, f’inċertezza hekk kif ma jafux x’se jiġri x-xahar id-dieħel u jekk hux se jerġa’ jiġġeddilhom il-kuntratt. Tant hi ħażina din is-sitwazzjoni li min jimpjegahom stess fl-Isptar ta’ Għawdex ammetta li “għandhom raġun.”
Imma issa rridu mmorru oltrè mill-“għandhom raġun”. Bir-raġun ħaddiem mhux se jiekol, bir-raġun mhux se jkun jista’ jieħu self għad-dar u bir-raġun mhux se jgħix ħajja diċenti.
Ma jistax ikun li fl-2018, fl-aqwa żmien, b’ċertifikati pożittivi għall-ekonomija Maltija jkollna nies li qed jaħdmu b’din it-tip ta’ inċertezza,
L-ILLUM tħeġġeġ lill-unjins, li lkoll huma kontra dan it-tip ta’ prekarjat leġittimizzat, biex jaħdmu qatigħ u jeradikaw dan it-tip ta’ impjieg.
Ma jistax ikun li fl-2018, fl-aqwa żmien, b’ċertifikati pożittivi għall-ekonomija Maltija jkollna nies li qed jaħdmu b’din it-tip ta’ inċertezza, speċjalment jekk dawn il-persuni jkunu qed jagħmlu dan ix-xogħol bħala l-impjieg prinċipali tagħhom.
Nappellaw lill-GWU u UĦM Voice of the Workers biex jitkellmu u jesiġu bidliet.
16-il jum kontra l-vjolenza...
‘16 days of activism against gender-based violence’ hija kampanja li tibda llum f’dan ix-xahar li jfakkar fil-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, fosthom il-vjolenza domestika.
It-tim tal-gazzetta ILLUM jixtieq jagħti l-appoġġ sħiħ lil din il-kampanja u jixtieq ifakkar ukoll fl-importanza li min għaddej minn esperjenza ta’ vjolenza, jitkellem. Nafu li huwa diffiċli li titkellem, imma meta titkellem tkun verament bdejt il-vjaġġ tal-fejqan.
Kif għidna diversi drabi l-vjolenza domestika mhix kwistjoni privata, hija kwistjoni pubblika u jeħtieġ tkompli tkun miġġielda bis-saħħa kollha.
...ħmieġ, ħmieġ u aktar ħmieġ
Malta huwa pajjiż sabiħ ferm, apparti fejn qed neqirdu biex nibnu xi blokka appartamenti. Imma pajjiżna għadu jbati minn ferita kerha: il-ħmieġ fit-toroq u anke fil-kampanja.
Mixja f’waħda mill-isbaħ widien ta’ Malta li ttellgħek għall-Miżieb, wieħed mill-isbaħ boskijiet f’pajjiżna tħallik b’togħma pjuttost qarsa. Flixken tal-plastik kullimkien, fdalijiet ta’ dak li jidher li huwa BBQ, tazzi tal-plastik u laned tal-birra, li huwa ċar illi ntremew minn nies li jkunu għaddejjin bil-karozza f’waħda mill-isbaħ toroq ta’ Malta li mill-Mellieħa tieħdok għat-triq li tagħti għal Għajn Tuffieħa.
Iva, possibbli, fl-2018 għandna ma rabbejniex kuxjenza? Possibbli għadna daqshekk insensittivi lejn pajjiżna? Possibbli għad hawn din l-injoranza? Għax li tiftaħ it-tieqa tal-karozza, mhi xejn għajr injoranza.
Mhux billi nperpru l-bnadar u nħabbtu fuq sidirna. Ir-rispett lejn pajjiżna jiġi wkoll billi nirrispettaw il-wirt naturali u ambjentali li qiegħed għandna b’self.
Kif għidna diversi drabi l-vjolenza domestika mhix kwistjoni privata, hija kwistjoni pubblika u jeħtieġ tkompli tkun miġġielda bis-saħħa kollha
Xi kultant inħarsu u nistennew wisq mill-politiċi. Irridu nkunu aħna li nibdew inrabbu kuxjenza lejn il-madwar tagħna, lejn in-natura, biex il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jgawdu wkoll minn dak li tħalla lilna.
Naturalment, l-awtoritajiet jeħtieġ jagħmlu xogħolhom ukoll u t-tindif għandu jkun aktar ta’ spiss u effiċjenti fejn hemm il-bżonn. It-tindif huwa xi ħaġa bażika; mhux id-daqq ta’ trombi jgħoddu imma r-riżultati li naraw madwarna.
Inħeġġu wkoll, ladarba semmejna l-post, lill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti biex jieħdu aktar ħsieb tal-bosk mill-isbaħ tal-Miżieb u jwaħħlu ftit dustbins. Biex il-post jitgawda minn kulħadd, mingħajr ma nibqgħu naraw il-ħmieġ li jitħalla minn persuni irresponsabbli. Għall-inqas bi ftit dustbins, ħadd ma jkollu skuża.
Meta tqis l-avvanz ekonomiku u edukattiv li għamel dan il-pajjiż, kif ukoll meta wieħed iqis kemm kibret il-kuxjenza ambjentali, bi sfortuna jkollna nikkonkludu li għandna pajjiż pjuttost maħmuġ!