Opinjoni | L-użu tal-alka: in-natura bħala sieħba industrijali
X’qed nistennew? Qisna m’għandniex alka kemm irridu fl-ibħra Maltin!
L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar il-plastik f’ekonomija ċirkulari kienet approvata f’Jannar li għadda. Hi strateġija li tindirizza l-isfida tal-użu tal-plastik: mill-waqtiet inizjali tal-produzzjoni tiegħu sal-mument li ma jkunx hemm iktar użu għalih. Hi strateġija li tindirizza r-rwol tal-plastik fl-ekonomija. Dan iwassal biex id-disinn u l-produzzjoni tal-plastik u l-prodotti tal-plastik jagħti kas tal-użu mill-ġdid tiegħu u allura anke r-riċiklar ta’ din ir-riżorsa. Bħala riżultat ta’ dan iktar materjali sostenibbli jistgħu jkunu żviluppati u użati.
Waħda mill-problemi l-kbar hi dik tal-plastik li jintuża darba u jintrema (single use plastics), jiġifieri prodotti magħmulin mill-plastik li għax jintremew malajr qed jirriżultaw f’żieda astronomika tal-iskart li qed jiġi ġġenerat fil-pajjiż.
Fil-pajjiżi li jagħtu kas u jinvestu fir-riċerka għaddejjin studji u esperimenti ħalli jkunu identifikati materjali alternattivi li jkunu sostenibbli. Il-politika tas-sostenibilità f’dan il-kuntest għandha twassal mhux biss biex jonqos l-iskart iġġenerat u li jintrema imma wkoll biex ikun assigurat li l-iskart li jista’ jkun iġġenerat mill-alternattivi li jintużaw ikun l-inqas possibbli: preferibbilment li jkun eliminat. Uħud forsi jqisu din bħala ħolma.
Materjal alternattiv li dwaru preżentement qed issir ir-riċerka hi l-alka. Kumpanija ibbazata f’Londra li tanalizza u tesperimenta b’ideat li jwasslu għal inizjattivi ġodda qed teżamina l-użu possibli ta’ materjal naturali estratt mill-pjanti u l-alka b’mod li jinħolqu materjal li jista’ jintuża flok il-plastik imma li jkollu impatt ambjentali li jkun ridott sostanzjalment. Qed iqisu li l-alka tista’ tkun dik il-materja prima li biha jistgħu jinħolqu alternattivi għall-fliexken, tazzi, platti, frieket, skieken tal-plastik u bħala riżultat ikun eliminat l-iskart kollu li dawn jiġġeneraw.
Bio-based news jikkwota lir-riċerkatur hekk: “Tuża tazza għall-kafè għal madwar nofs siegħa u mbagħad din tintrema biex tiddiżintegra fl-ambjent għal madwar 700 sena. Diskrepanza enormi bejn kemm tintuża u kemm iddum teżisti.“
Sfortunatament, il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli hi injorata. Ministri tal-Kabinett m’għandhomx idea tal-potenzjal tan-natura li mhux qed jintuża
It-tazzi tal-kafè jkunu miksijin b’materjal li joriġina miż-żjut u dan biex ikun evitat li l-likwidu fit-tazzi joħroġ. Dan joħloq diffikultà meta t-tazzi jintremew għax ħtija tal-materjal li joriġina miż-żjut idumu ma jiddiżintegraw. Jekk flok dan il-materjal li joriġina miż-żejt jintużaw estratti prodotti mill-alka d-dikomposizzjoni tista’ sseħħ f’bejn 4 u 6 ġimgħat: qabbel dan ma’ 700 sena! L-alka hi rħisa u tikber malajr. Mal-kosta nsibu kemm irridu minnha. Uħud mil-varjazzjonijiet tal-alka jingħad li jikbru mal-ħamsin ċentimetru kuljum!
X’qed nistennew? Qisna m’għandniex alka kemm irridu fl-ibħra Maltin!
X’qed iżommna milli jkollna politika industrijali li tkun sostenibbli? Jiġifieri, fost oħrajn, politika li tinkoraġixxi l-produzzjoni ta’ prodotti li ma jkunux ta’ ħsara ambjentali?
Il-politika industrijali għandha tkun sinkronizzata mal-istrateġija dwar l-iżvilupp sostenibbli b’mod li l-ħolqien tal-ġid iseħħ b’mod li ma ssirx ħsara ambjentali. Dan l-artiklu jagħti eżempju wieħed żgħir, dwar l-alka, li jekk implimentat jista’ jkollu impatti konsiderevoli. Insemmi tlieta bażiċi: l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li jkun indirizzat l-iskart tal-plastik b’mod partikolari dak li jintuża darba u jintrema u li nqiegħdu l-pedamenti għal politika industrijali sostenibbli.
Sfortunatament, il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli hi injorata. Ministri tal-Kabinett m’għandhomx idea tal-potenzjal tan-natura li mhux qed jintuża. X’qed nistennew biex l-attività ekonomika taħdem id f’id man-natura? X’utilità għandhom d-diskorsi ma jispiċċaw qatt dwar l-ekonomija ċirkulari, l-ekonomija l-blu u l-iżvilupp sostenibbli jekk mhemmx la l-kapaċità u lanqas il-ħeġġa biex il-kliem ikun tradott f’fatti konkreti?
In-natura hi s-sieħba li qed tistenna wara l-bieb: ċ-ċavetta ta’ bosta opportunitajiet.