Opinjoni | Għaliex Felix u għaliex l-Ewropa?
L-Ewropa ħaqqha l-abbundanza mhux il-faqar, il-kompassjoni mhux l-intolleranza. L-Ewropa għandha bżonn lilna
Nhar il-11 ta’ Novembru, id-dinja ingħaqdet biex tagħti tislima kemm għal dawk li ġġieldu, kif ukoll għal persuni ordinarji, bħalek u bħali, li tilfu ħajjithom matul il-Gwerer Dinjin.
Xi kultant huwa faċli li wieħed jinsa x’esperjenzaw dawn in-nies, kemm iġġieldu b’saħħa, x’raw, u d-dispjaċir u t-tbatija li kellhom jgħaddu minnhom hekk kif temmew il-gwerer. Hemm mnejn hija diffiċli li wieħed jifhem kif il-mexxejja tal-pajjiżi ġirien setgħu jżommu daqshekk mibgħeda f’qalbhom lejn xulxin.
Kulma rridu nagħmlu huwa li nagħtu titwila lejn il-qagħda politika kurrenti sabiex nirrealizzaw li, anki jekk ma nistgħux ngħidu li ninsabu l-istess fejn konna 100 sena ilu, l-azzjonijiet tagħna jistgħu biss iġorruna lura lejn dak il-post ta’ mibgħeda, ostilità u nazzjonaliżmu, iktar milli lejn aktar unità.
Iktar minn 60 sena ilu, sitt pajjiżi Ewropej ingħaqdu biex jiġbru l-biċċiet imkissra tal-kontinent, u jerġgħu jibdew jibnuh, flimkien. Daqshekk firda. Daqshekk fruntieri. Daqshekk inkwiet.
Din l-unjoni kompliet tikber, u man-numru dejjem jikber ta’ membri, kiber ukoll in-numru ta’ problemi; l-ikbar fost il-problemi hija li ħafna mill-membri tagħha bdew jitilfu l-viżjoni tal-għan li fuqu l-unjoni ġiet maħluqa fil-bidu nett. Il-membri l-ġodda kienu iktar b’saħħithom meta ħadmu f’tim, u l-oħrajn, li kienu ilhom hemm mhux ħażin, ħassew li jistgħu jkunu aħjar waħedhom.
Għalhekk waslet ‘Brexit’. Issa, għajnejn id-dinja qegħdin mitfugħin fuq ir-Renju li m’għadux daqshekk Unit, b’ġudizzju lest għal kull mossa li jagħmlu, u jistennewhom jagħmlu l-moviment li jmiss. Il-każ ta’ Brexit ġie wieħed ta’ ‘li kieku’ għal kull Stat Membru, u qegħdin iħarsu lejn is-sitwazzjoni ta’ pajjiżhom u l-parlament nazzjonali li kieku jiddeċiedu li joħorġu mill-għaqda Ewropea.
Iġġilidt għall-imħabba. Iġġilidt għal opportunitajiet indaqs. Iġġilidt għad-drittijiet ċivili. Iġġilidt għad-drittijiet tal-annimali. Iġġilidt għall-ambjent. Inbidlu ħafna affarijiet però l-ġlieda għadha ma spiċċatx
Skont kif jidher ir-rekord tal-Ingilterra, mhux sorprendenti l-fatt li s-sapport għall-UE bħalissa qiegħed fost l-ogħla li qatt kien f’dawn l-aħħar 35 sena. Jidher li fl-aħħar qegħdin nitgħallmu mill-iżbalji tagħna.
Ħadd mhu perfett. Kulħadd ifalli f’xi punt jew ieħor, iżda wara l-falliment, ikun hemm bżonn li terġa’ tqum fuq saqajk, issib il-mira u tibni mill-ġdid. Fil-fatt, il-falliment jista’ jwassal għal mogħdija aħjar, ikbar u iktar sodisfaċenti, u hawnhekk, qed nitkellem mill-esperjenza.
Esperjenzajt falliment kemm fil-ħajja privata tiegħi kif ukoll dik professjonali. Dawn l-esperjenzi wassluni biex nibni rapporti aħjar fuq pedamenti iktar b’saħħithom. Dawn l-istess esperjenzi ħeġġuni naħdem iktar, insaħħaħ id-dgħufija tiegħi u nsir il-bidla li rrid nara fid-dinja.
L-ewwel bibien ta’ opportunità li sibt infetħu f’Malta u Għawdex, fejn stajt nuża l-pjattaforma tiegħi biex nibda naqsam id-diskorsi tiegħi dwar l-inġustizzji li mhux biss kont qed nara, iżda li kont qed nesperjenza wkoll. Iġġilidt għall-imħabba. Iġġilidt għal opportunitajiet indaqs. Iġġilidt għad-drittijiet ċivili. Iġġilidt għad-drittijiet tal-annimali. Iġġilidt għall-ambjent. Inbidlu ħafna affarijiet però l-ġlieda għadha ma spiċċatx.
Din hija r-raġuni għaliex ħadt il-pass li jmiss li naffaċċja l-ġlieda fuq livell Ewropew. Vera li Malta hija żgħira, iżda hija b’saħħitha. Li tkun ikbar mhux dejjem ifisser li tkun aħjar, u s-27 Stat Membru l-oħrajn jistgħu jitgħallmu ħafna jekk jisiltu paġna mill-ktieb tagħna.
Nemmen li l-Ewropa għandha bżonn l-Unjoni Ewropea għax l-Ewropa ħaqqha l-paċi mhux id-diviżjoni
Jekk insemmi biss eżempju wieħed, il-passi ta’ ġgant li għamilna taħt il-gvern Laburista meta nitkellmu fuq drittijiet ċivili u opportunitajiet indaqs, irrispettivament għall-orjentazzjoni sesswali, ġens jew razza, qabżu mhux ftit l-isforzi li saru minn kwalunkwe Stat Membru ieħor fl-UE.
Filwaqt li l-missjoni tiegħi tibqa’ li nkompli naħdem lejn it-titjib tal-Gżejjer Maltin u t-tkabbir tal-potenzjal tas-soċjetà Maltija, nixtieq ukoll nara l-Unjoni Ewropea tiffjorixxi fis-solidarjetà ġenwina. Flimkien, nistgħu nagħmlu differenza li tkun tista’ tinħass minn kull ċittadin Ewropew, inkluż aħna.
Nemmen li l-Ewropa għandha bżonn l-Unjoni Ewropea għax l-Ewropa ħaqqha l-paċi mhux id-diviżjoni. L-Ewropa ħaqqha l-abbundanza mhux il-faqar. L-Ewropa għandha bżonn il-kompassjoni mhux l-intolleranza. L-Ewropa għandha bżonn lilna. L-Ewropa għandha bżonn qalb.