Opinjoni | Is-Sussidjarjetà fil-Kostituzzjoni
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jeħtieġ li jifforma parti mill-kostituzzjoni biex iservi ta’ linja gwida għall-amminstrazzjoni pubblika tal-pajjiż
Nhar il-Ġimgħa delegazzjoni ta’ Alternattiva Demokratika ltaqgħet ma’ Silvio Parnis, Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, biex miegħu niddiskutu l-White Paper ippubblikata mill-Gvern dwar ir-riforma tal-kunsilli lokali.
Waqt id-diskussjoni għaddejna lil Silvio Parnis l-ideat tagħna dwar din il-White Paper. Għamilna tmien proposti b’dik ewlenija tiffoka dwar il-ħtieġa li jkun aċċettat u implimentat il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jeħtieġ li jifforma parti mill-kostituzzjoni biex iservi ta’ linja gwida għall-amminstrazzjoni pubblika tal-pajjiż u allura jħares b’qawwa l-ħidma tal-Gvern lokali u reġjonali.
It-trattati Ewropej diġà għamlu dan il-pass meta addottaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà bħala prinċipju bażiku li jirregola r-relazzjonijiet kumplessi bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà hu l-iktar żviluppat fl-istati hekk imsejħa Ġermaniċi tal-Ewropa u ċioè l-Ġermanja, l-Awstrija u l-Iżvizzera, liema pajjiżi għandhom qafas ta’ Gvern lokali u reġjonali b’saħħtu u bħala riżultat ta’ dan ir-responsabbiltajiet u l-poteri huma mifruxa.
L-amministrazzjoni pubblika teħtieġ li tkun l-iktar viċin possibli taċ-ċittadin: min jamministra u jiddeċiedi għandu jkun l-iktar qrib possibli ta’ min hu effettwat mid-deċiżjonijiet. L-eċċezzjonijiet għandhom ikunu rari u altru milli ġustifikati. Jacques Delors, li kien President tal-Kummissjoni Ewropea, hu kkwota li qal li: is-sussidjarjetà ma tillimitax biss l-intervent tal-ogħla awtorità f’dak li kull persuna jew komunità tista’ tiddeċiedi hi nnifisha, imma hi wkoll dover ta’ din l-istess awtorità biex taġixxi b’mod li lil din il-persuna jew komunità tgħinhom biex iwettqu l-ħolm tagħhom.”
Dan jitfa’ dawl fuq żewġ aspetti tas-sussidjarjetà. L-ewwel li ħlief f’każijiet eċċezzjonali l-ogħla awtorità ma jindaħalx fejn ma jesgħahiex fil-ħidma ta’ awtoritajiet oħra taħtha. It-tieni: l-obbligu li tgħin biex tinkoraġixxi l-kisba tal-awtonomija.
Alternattiva Demokratika qed tipproponi li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jkun aċċettat bħala prinċipju kostituzzjonali li jagħti gwida lill-amministrazzjoni pubblika u dan bħala l-ewwel pass għat-twettiq ta’ proposta radikali oħra: id-diċentralizzazzjoni tal-ħidma operattiva tal-amministrazzjoni pubblika lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-Gvern iżomm f’idejh il-funzjonijiet regolatorji. Dan jista’ faċilment jitwettaq fuq il-mudell ta’ Għawdex bid-differenza li jitmexxew minn politiku reġjonali flok minn politiku nazzjonali.
Id-dokument bil-proposti ppubblikat minn Alternattiva Demokratika jittratta diversi temi oħrajn bħalissa ċentrali fid-dibattitu dwar ir-riforma proposta tal-Gvern lokali u reġjonali.
Is-servizz ta’ kull kunsillier lokali għandu jkun apprezzat, mhux biss is-servizz li jagħti s-Sindku! Il-proposta li l-uffiċċju tas-Sindku jkun wieħed full-time ma hemmx ħtieġa tagħha. Hemm diversi raġunijiet għal dan. Bħala riżultat ta’ din il-proposta dawk kollha li ma jistgħux jieqfu mill-impieg normali tagħhom ikunu esklużi milli joffru s-servizz tagħhom fil-kariga ta’ Sindku. Dan billi tali proposta teffettwa b’mod qawwi l-possibilità li huma jirrintegraw ruħhom fl-impieg meta jintemmilhom il-perjodu tal-ħatra tagħhom. Bla dubju jinħolqu wkoll kunflitti bla bżonn mas-Segretarju Eżekuttiv li l-liġi llum tikkunsidrah bħala l-uffiċjal amministrattiv ewlieni tal-kunsill lokali.
Flok ma tiffoka fuq is-Sindku r-riforma għandha tinkoraġixxi iktar il-ħidma kolleġjali fil-lokalitajiet tagħna b’mod li twassal għal sehem iktar attiv ta’ kull kunsillier fit-tmexxija tal-lokalitajiet. Il-proposta li qed jagħmel il-Gvern li kull kunsillier jingħata responsabbiltajiet hi tajba. Saret diġà minn Alternattiva Demokratika fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-kunsilli lokali li saret fl-2008. Waħedha imma mhix biżżejjed. Trid tkun segwita minn pass ieħor: li kull kunsillier jingħata onorarju raġjonevoli. Din m’għandhiex tkun materja riżervata għas-Sindku.
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu japplika wkoll biex materji ambjentali jkunu regolati minn dawk li l-iktar jeffettwawhom mill-viċin. Li jkunu involuti sewwa l-kunsilli lokali u reġjonali f’dawn id-deċiżjonijiet għandu jwassal għal deċiżjonijiet aħjar minn dawk li għandna llum. Imma dwar dan, darb’oħra.
Il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-Gvern lokali u reġjonali issa ġiet fit-tmiem. Nistennew il-pożizzjoni li ser jieħu l-Gvern dwar in-numru mhux żgħir ta’ proposti li saru. Nittama li jittieħdu bis-serjetà.
L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] , http://carmelcacopardo.wordpress.com