Opinjoni | Stilla mċajpra
Dan hu pajjiż qajla normali meta ministru jitħalla fil-kariga fiċ-ċirkostanzi li jinsab fihom tort ta’ ħadd ħlief tiegħu nnifsu
Meta f’Jannar 2013 bdiet it-tellieqa għall-elezzjoni ta’ Marzu tal-istess sena, il-Partit Laburista dritt ħa l-inizjattiva billi ppropona l-bini ta’ power station ġdida illi taħdem bil-gass bl-għan illi jnaqqas it-tariffi ta’ dawl u ilma b’25%. U biex ibigħ din il-proposta m’għażilx il-membru tax-shadow cabinet li kien ilu għal snin sħaħ responsabbli mill-enerġija, Joe Mizzi, imma għażel wiċċ ġdid li kien totalment mhux magħruf, tal-anqas għal ħafna. Għal ġimgħat sħaħ, assistejna għall-presentazzjoni wara l-oħra dwar il-merti tal-power station tal-gass minn persuna teknokratika illi ma kellha l-ebda passat politiku, persuna illi kienet ser twettaq dan il-proġett fantastiku illi kien ser iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma tad-djar u negozji kollha Maltin.
Dan ma kien ħadd ħlief Konrad Mizzi li impressjona lil ħafna waqt il-kampanja elettorali bil-lingwaġġ teknokratiku aktar Inġliż milli Malti li kien juża. U dritt wara l-elezzjoni, bħala ministru li f’idejh ġie fdat is-settur tal-enerġija, kien responsabbli sabiex titwettaq din il-wegħda elettorali daqshekk importanti. Ħarġet sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess u eventwalment l-għażla waqgħet fuq il-konsorzju Electrogas magħmul mid-ditta Siemens, il-kumpanija tal-istat tal-gass ta’ Ażerbajġan u investituri Maltin fosthom il-gruppi ta’ Tumas u ta’ Gasan. Dwar dan il-konsorzju u d-dubju li diġà kienu ferm evidenti dwar dan il-proġett ktibt fil-passat u b’mod partikolari fis-16 ta’ Awwissu 2015. L-għan tal-Gvern Malti kien illi jixtri d-dawl minn dan l-impjant bil-gass bil-prezz ta’ €96 għal kull MWh. Fl-artiklu msemmi tiegħi kont semmejt illi l-prezz tad-dawl fi Sqallija u fl-Italja hu konsiderevolment irħas mill-prezz stabilit mill-Gvern Malta u illi dan il-fattur ser jaffettwa l-kompetitività tal-ekonomija lokali.
Minkejja illi kien verġni fid-dinja politika, Konrad Mizzi ma damx ma kien ko-involt fi skandli illi f’pajjiż normali kienu dlonk jiswewlu l-kariga. L-ewwel kellek ir-rivelazzjoni illi Mizzi flimkien ma’ Keith Schembri tlett ijiem biss wara l-elezzjoni kien ta struzzjonijiet sabiex tinfetaħ kumpanija l-Panama u trust fi New Zealand. Struzzjonijiet illi qatt ma ġew spjegjati adekwatament minkejja l-iskużi kollha li ngħataw.
Li tistrieħ fuq inkjesta, maġisterjali jew mhix, meta r-responsabilità politika tirrikjedi mod ieħor hu qajla aċċettabli f’pajjiż normali. Imma l-Prim Ministru hekk deherlu minkejja l-iskumdità ta’ ħafna ċittadini, inkluż bosta Laburisti
Imbagħad kellek l-fatt illi l-mara tiegħu nħatret bħala rappreżentanta Maltija fiċ-Ċina u minkejja li ngħatat kuntratt bomba, ħadd ma jaf preċiż dina x’suppost kienet tagħmel. Bosta ssuspettaw illi dan ma kien xejn ħlief mod kif l-alimenti matrimonjali jitħallsu mill-Istat.
Eventwalment Konrad Mizzi kellu jirriżenja minn ministru għall-enerġija u spiċċa ministru bla portafoll. Imma xorta baqa’ responsabbli mill-oqsma tal-enerġija u ProjectsMalta. Kien ukoll responsabbli għall-ftehim li sar ma’ VGH dwar il-privatizzazzjoni ta’ żewġ sptarijiet pubbliċi li qanqal ħafna u ħafna tħassib u l-konċessjoni lid-DB tas-sit li kien tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi. Madankollu, wara l-elezzjoni tal-2017 illi fiha Konrad Mizzi reġa’ ġie elett b’eluf ta’ voti minkejja jew minħabba allegazzjonijiet illi bagħat hampers b’ikel u xorb lill-kostitwenti tiegħu u impjega mijiet minnhom fil-kumpaniji li jaqgħu taħtu, huwa reġa’ nħatar ministru tal-enerġija. Il-vot popolari ħassar id-dnub tan-nisel meta waqqaf kumpanija l-Panama.
Dan l-aħħar sirna nafu aktar affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ din il-kumpanija tal-Panama. Il-Bambin qabad lil Mizzi u lil Schembri minn xagħarhom meta l-Panama Papers ħarġu qabel ma laħqu fetħu kont il-bank kif kienu ilhom jippruvaw illi jagħmlu. Imma mid-dokumenti li nkixfu rriżulta illi sabiex jiftħu dan il-kont, kienu qed jistennew ħlasijiet ta’ $150,000 fix-xahar minn fost l-oħrajn il-kumpanija 17Black. Keith Schembri darba ammetta illi din il-kumpanija kienet tirriżulta fil-business plans tal-kumpanija tiegħu, kumpanija li suppost hu m’għadx għandu x’jaqsam mat-tmexxija tagħha kemm ilu fil-kariga sensittiva ta’ Chief of Staff tal-Prim Ministru.
Ftit ġimgħat ilu investigazzjoni konġunta tat-Times of Malta u Reuters skopriet illi l-proprjetarju ta’ 17Black ma kien ħadd ħlief Yorgen Fenech, it-tifel ta’ Ġorġ u n-neputi ta’ Tumas tal-grupp li jġorr l-istess isem u illi hu membru tal-konsorzju Electrogas. Dawn ir-rivelazzjonijiet reġgħu ġeddu s-sejħiet għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi aktar u aktar meta rriżulta illi miljuni ta’ ewro għaddew mill-kontijiet ta’ dina l-kumpanija li oriġinaw minn sorsi misterjużi ferm. Imma l-Prim Ministru Joseph Muscat qatt ma tilef il-fiduċja f’Konrad Mizzi u f’Keith Schembri u żammhom f’posthom minkejja l-evidenza ċara li hemm. Li tistrieħ fuq inkjesta, maġisterjali jew mhix, meta r-responsabilità politika tirrikjedi mod ieħor hu qajla aċċettabli f’pajjiż normali. Imma l-Prim Ministru hekk deherlu minkejja l-iskumdità ta’ ħafna ċittadini, inkluż bosta Laburisti, illi mhumiex komdi illi żewġ individwi b’dell tant kbir fuqhom jitħallew fil-kariga tagħhom qisu xejn mhu xejn.
Issa din il-ġimgħa kellna r-rapport tal-awditur nazzjonali dwar l-operat tal-impjant tal-Electrogas. Ir-rapport tal-awditur nazzjonali juri mingħajr l-ebda dubju illi anke jekk Konrad Mizzi mhuwiex korrott, ċertament huwa bniedem inkompetenti. Fejn l-enerġija bil-gass kellha tiswa €96-il MWh, fil-fatt bejn April 2017 u Ġunju 2018, swiet medja ta’ €112.39. Dan mentri l-enerġija li nxtrat bl-interconnector fl-istess perjodu swiet medja ta’ €61.75, kważi n-nofs. Kull MWh li nxtara mill-Electrogas sewa €50.64 aktar minn dak li nxtara bl-interconnector. Inoltre, l-awditur nazzjonali ddikjara illi jerġa’ kien hemm lok għal aktar ekonomija fix-xiri ta’ enerġija bl-interconnector.
...Jekk dawn mhumiex raġunijiet biżżejjed sabiex il-Ministru Konrad Mizzi jitneħħa mill-kariga, mela ma nafx xi jkunu sakemm ma jisparax lil xi ħadd jew iwettaq xi reat serju ieħor.
B’hekk irriżulta illi l-1,411.496 MWh illi l-Enemalta xtrat mill-Electrogas fil-perjodu msemmi swew lill-konsumatur Malti s-somma mhux żgħira ta’ €71.48m aktar milli kieku l-enerġija nxtrat bl-interconnector, jiġifieri aktar minn €5m fix-xahar.
Irriżulta wkoll dan l-aħħar illi l-Ministru Konrad Mizzi qiegħed jevita lill-membri tal-istampa independenti u jistieden biss lill-PBS u l-One għall-konferenzi tal-aħbarijiet tiegħu. Dan ifisser illi l-Ministru Konrad Mizzi mhux biss qiegħed taħt dell kbir ta’ korruzzjoni u inkompetenza skjaċċanti imma hu wkoll ħati ta’ aġir xejn demokratiku li mhux dehen ta’ bniedem li ħalef li jkun leali lejn il-valuri tar-Repubblika.
Jekk dawn mhumiex raġunijiet biżżejjed sabiex il-Ministru Konrad Mizzi jitneħħa mill-kariga, mela ma nafx xi jkunu sakemm ma jisparax lil xi ħadd jew iwettaq xi reat serju ieħor. Imma dan hu pajjiż qajla normali meta ministru jitħalla fil-kariga fiċ-ċirkostanzi li jinsab fihom tort ta’ ħadd ħlief tiegħu nnifsu.
U l-fatt illi l-Prim Ministru Muscat ma jieħu l-ebda azzjoni ċertament ma jistax ħlief jagħti lok għall-spekulazzjoni dwar l-koinvolġiment tal-istess Muscat f’din l-istorja li issa qed jirriżulta illi ser tiswa lill-poplu Malti l-belli liri għal ħafna snin li ġejjin u dan anke jekk kollox ser sew fid-dawl tax-xemx.