Editorjal | Delia u l-futur tal-PN...
'Min se jqum u jsalva lill-Partit Nazzjonalista minn dan il-perjodu mudlam li jinsab fih? Min se jqum u jibda l-proċess ta’ diskussjoni u djalogu?'
Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit fl-oppożizzjoni u l-partit fl-oppożizzjoni, f’pajjiż normali, rari jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni politika u f’nofs urugani politiċi kważi l-ħin kollu. Imma kif iħobb jgħid Adrian Delia, dan mhux pajjiż normali.
B’allegazzjonijiet gravi, anke jekk s’issa mhux issostanzjati b’ċertezza, ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus u kommissjonijiet fuq in-naħa tal-Gvern u b’biżibilju ta’ kwistjonijiet ambjentali, dan il-pajjiż minflok, xorta qed jiddiskuti lill-oppożizzjoni u allegazzjonijiet daqstant gravi ta’ vjolenza domestika.
Adrian Delia jeħtieġ jieħu kont tas-sitwazzjoni fil-partit li jmexxi. La jmexxieh hu huwa hu li l-ewwel u qabel kollox irid jara illi l-partit jirrikonċilja. Is-sitwazzjoni kif inhi bħalissa hija sempliċiment mhux sostenibbli għall-partit.
Ma jistax ikollok akkużi ta’ dik il-gravità u ma jkollokx diskussjoni interna. Kif jista’ jkun li jkollok il-Kap ta’ partit iffaċċjat b’allegazzjonijiet serji maħlufin quddiem il-Qorti u ma jkollokx imqar diskussjoni matura illi fiha l-elementi kollha tal-partit ikunu infurmati u aġġornati, dwar il-fatti, dwar il-pożizzjoni li se jieħu l-Kap tal-partit u dwar il-pożizzjoni li għandhom jieħdu huma, pubblikament.
Sabiħ li Delia jaħfer lil min qed jagħmillu l-ħsara kif qal li għamel il-Partit Laburista qabel l-2013, imma l-Partit Laburista telaq jiġri biex jirbaħ. Ma qgħadx f’kantuniera jibki xortih u jitlob lil Alla jagħtih d-don tal-maħfra
Il-problema fil-PN, u issa qed toħroġ ċar, hija nuqqas ta’ fiduċja. Iż-żewġ fazzjonijiet issa bdew irabbu l-għeruq u donnu kiber sew is-suspett bejn persuni differenti fil-partit. Dawk ma jafdawx lill-oħrajn u l-oħrajn ma jafdawx lil dawk. Dan mhuwiex ambjent san u wieħed illi fih se tinħoloq diskussjoni serja li twassal biex il-PN jopponi u jipproponi.
Dan huwa ambjent illi fih, kif qaltilna persuna li hija Deputata u sors tal-gazzetta ILLUM, qed isiru laqgħat ‘sigrieti’ u telefonati biex Delia jitneħħa minn postu. Dan huwa ambjent illi fih, ftit biss Deputati tkellmu favur il-Kap tal-partit, b’bosta jibqgħu fis-silenzju, ma jridux ifuħu u lanqas jintnu, la kontra l-Kap però lanqas favur tiegħu.
U dan allura, lil hinn mill-allegazzjonijiet li jridu jkunu miċħudin jew ikkonfermati mill-Qorti, dan huwa każ ieħor mal-ħafna oħrajn fl-aħħar sena illi fih il-PN deher diżorganizzat, mhux ippreparat u mhux magħqud wara l-Kap tiegħu stess.
Aħna nifhmu li hemm nies; deputati, persuni fil-midja, strateġisti u anke attivisti li b’Delia ma jridux jafu. Imma xogħol il-Kap u tat-tim madwaru mhuwiex li jaqta’ qalbu u jarmi mijiet jew eluf ta’ nies fil-ġenb. Xogħol il-Kap u l-istrateġisti tiegħu (jekk għandu) huwa li jaraw kif se jsibu nofs triq ma’ din is-sezzjoni u kif se jinvolvu lil kulħadd fil-partit u kif se jikkomunikaw id-deċiżjonijiet, l-istrateġija u t-triq ’il quddiem fuq diversi temi u kwistjonijiet.
Din id-diskussjoni mhux qed issir fil-PN u jidher li iktar kemm jgħaddu ġranet, iktar Delia u n-nies ta’ madwaru qed jibnu ħitan u aktar kemm se jibnu ħitan aktar se jagħmlu żbalji u inqas se jikkonsultaw.
Bir-rispett kollu, messaġġi fuq il-Facebook mhux se jġibu l-bidla meħtieġa u lanqas l-ivvittimizzar. Sabiħ li Delia jaħfer lil min qed jagħmillu l-ħsara kif qal li għamel il-Partit Laburista qabel l-2013, imma l-Partit Laburista telaq jiġri biex jirbaħ. Ma qgħadx f’kantuniera jibki xortih u jitlob lil Alla jagħtih d-don tal-maħfra.
Xi ħadd irid jieqaf u jċedi biċċa. Jew hekk jew il-PN se jkompli jegħreq. Xi ħadd irid iqum fil-Partit Nazzjonalista u jgħid ‘daqshekk ġlied’ ‘daqshekk għeriqna’.
Bħalissa d-Dar Ċentrali missha mimlija attività; laqgħat, diskussjonijiet u deċiżjonijiet dwar il-futur tal-partit. Missu bħalissa d-Dar Ċentrali mimlija strateġisti qed jippajanaw x’għandu jgħid Delia llum, min se jirrepeti dak li qed jgħid, kif il-grupp parlamentari se jsostni dak li qed jgħid u kif dan se jiekol mill-voti tal-Partit Laburista.
Minflok għandna sitwazzjoni ta’ partit mgħerreq bil-kontroversja, Dar Ċentrali vojta, litteralment min-nies u metaforikament mill-ideat u Kap li qed jiġġieled biex isalva sa Mejju b’sondaġġi juru lill-PN bi ftit inqas minn 20% taħt il-Partit Laburista, jew distakk ta’ madwar 64,000 vot favur il-Partit Laburista (kull punt perċentwal jirrappreżenta madwar 3,200 vot).
Bl-Ingliż ngħidu ‘something has got to give’, jiġifieri xi ħadd irid jieqaf u jċedi biċċa. Jew hekk jew il-PN se jkompli jegħreq. Xi ħadd irid iqum fil-Partit Nazzjonalista u jgħid ‘daqshekk ġlied’ ‘daqshekk għeriqna’.
Min se jqum u jsalva lill-Partit Nazzjonalista minn dan il-perjodu mudlam li jinsab fih? Min se jqum u jibda l-proċess ta’ diskussjoni u djalogu?
Is-silenzju tal-ogħla uffiċjali tal-PN f’dan il-mument kruċjali jitkellem u jgħajjat ħafna. Il-fatt li s-Segretarju Ġenerali tal-PN u Viċi Kap ma qalu xejn fil-pubbliku jfisser ħafna.
Ifisser li l-PN mhux qed jiffunzjona. Min se jara li dan iseħħ? Min?