Opinjoni | Malta u Għawdex: problema komuni tat-trasport
Il-ħtieġa li nnaqqsu l-ħin li nivvjaġġaw hi problema tagħna lkoll, mhux tal-Għawdxin biss
Id-dibattitu dwar il-mina bejn Malta u Għawdex għaddej.
Jekk tifli l-argumenti ta’ dawk li qed jesprimu ruħhom favur din il-mina taħt qiegħ il-baħar bejn Malta u Għawdex hemm raġuni waħda li tispikka: iridu jnaqqsu l-ħin li “jaħlu” jivvjaġġaw. Imma din il-problema, jiġifieri l-ħtieġa li nnaqqsu l-ħin li nivvjaġġaw hi problema tagħna lkoll, mhux tal-Għawdxin biss. Hi problema mifruxa prattikament ma’ Malta kollha.
Imma ħadd mhu qiegħed jipproponi li nħaffru mina taħt il-Bajja ta’ Marsamxett biex innaqqsu l-ħin meta mmorru minn Tas-Sliema għal Marsamxett. L-anqas mhi qed issir proposta ta’ mina taħt il-Port il-Kbir bejn il-Belt u Bormla avolja din kieku tnaqqas il-ħin biex nivvjaġġaw.
Is-soluzzjoni biex innaqqsu il-ħin tal-ivvjaġġar bejn Tas-Sliema u Marsamxett inkella biex naqsmu min-naħa għall-oħra tal-Port il-Kbir hi li nagħmlu użu aħjar tat-trasport bil-baħar u mhux mini taħt qiegħ il-baħar. Ir-riżultat hu aċċess f’iqsar ħin biex taqsam bejn naħa u oħra taż-żewġ portijiet. Bħala riżultat ta’ dan, kuljum ikun hemm inqas karozzi fit-toroq tagħna. Dan esperiment li diġà qed jaħdem b’ċerta suċċess: min-naħa għall-oħra ma jiċċaqalqux karozzi imma biss in-nies.
Is-soluzzjoni biex innaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar bejn Tas-Sliema u Marsamxett inkella biex naqsmu min-naħa għall-oħra tal-Port il-Kbir hi li nagħmlu użu aħjar tat-trasport bil-baħar u mhux mini taħt qiegħ il-baħar
Il-mobilità bejn Malta u Għawdex tista’ tkun faċilitatà bl-użu ta’ fast ferry service bejn Għawdex, Tas-Sliema u l-Belt Valletta. Ikun mezz li jindirizza l-problema reali: il-mobilità tan-nies.
Sfortunatament dawk li qed jikkampanjaw favur il-mina, immexxija kif inhuma mill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, iddeċidew li l-unika soluzzjoni biex tkun indirizzata n-nuqqas ta’ mobilità sostenibbli bejn Malta u Għawdex hi mina. Din hi fil-fatt l-agħar soluzzjoni għax tagħmel ħsara kbira u irriversibbli lil Għawdex.
Il-problema f’dan kollu huma l-karozzi: jekk jirnexxielna nneħħuhom mill-konsiderazzjoni tagħna, naslu. Dan hu fil-fatt l-ikbar ostaklu biex naslu għal soluzzjoni sostenibbli għall-problemi ta’ mobilità li qed nuffaċċjaw: mhux biss dawk ta’ Għawdex imma f’kull rokna tal-gżejjer Maltin.
Jiena enfasizzajt repetutament li s-soluzzjoni għall-probemi tagħna ta’ mobilità qegħdin filli nirrispettaw u nimxu mal-Pjan Nazzjonali għat-Trasport 2025 li kien approvat għal Malta fl-2016. Is-silta segwenti li ħadt minn dan il-pjan tispjega b’mod ċar dak kollu li hemm ħażin fl-ippjanar tat-trasport f’Malta:
“Improve integrated and long-term strategic planning and design: This objective has been defined since historically, it can be seen from experience that the approach to transport planning and policy in Malta has generally been more short-term (4-5 years) in nature. The lack of importance given to long-term planning means that a long-term integrated plan based on solid analysis with clear objectives and targets is lacking. This has resulted in the lack of strategic direction and the inherent inability to address difficult issues such as private vehicle restraint.
Malta u Għawdex għandhom problema tat-trasport komuni. Problema deskritta minn kelma waħda: karozza. Is-soluzzjoni għal din il-problema tirrikjedi alternattivi għall-karozza: il-mina mhix waħda
There is a strong reluctance for Maltese society to change but this is in contrast with the need for communal actions to address the traffic problems existing now and in the future. This results in the Maltese traveller expecting that everyone else will change their travel habits so that they can continue to drive their car.” (paġna 88 tal-Pjan Nazzjonali tat-Transport 2025)
Ħallejtha apposta fl-oriġinal għax naħseb li tinftiehem mingħajr ħtieġa ta’ traduzzjoni. Fi ftit kliem din is-silta tgħidilna li ma nistgħux nibqgħu nippjanaw mil-lum għal għada. Hemm ħtieġa li nħarsu fit-tul. In-nuqqas li nagħmlu dan fisser li bqajna ma indirizzajniex id-dipendenza tagħna fuq il-karozzi. Għax is-soċjetà Maltija tibża’ mill-bidla: tippretendi li kulħadd jibdel id-drawwiet tiegħu biex hu (jew hi) jkun jista’ jibqa’ jsuq il-karozza!
Malta u Għawdex għandhom problema tat-trasport komuni. Problema deskritta minn kelma waħda: karozza. Is-soluzzjoni għal din il-problema tirrikjedi alternattivi għall-karozza: il-mina mhix waħda minn dawn is-soluzzjonijiet. Fil-mument li nkunu lesti li naqtgħu d-dipendenza tagħna fuq il-karozza, il-problema tissolva b’faċilità.