Editorjal | Bejn sema u ilma u l-bżonn urġenti ta’ vot ta’ fiduċja
Dan l-editorjal jappella lil Adrian Delia biex imur għal vot ta’ fiduċja mingħand il-Kunsillieri u t-tesserati mingħajr aktar dewmien
Issa għaddiet il-kwistjoni tal-immigranti bejn sema u ilma u dawn ġew aċċettati f’pajjiżi differenti, inkluż Malta. Imma nkunu qed nidħqu bina nfusna jekk naħsbu Ii din se tkun l-aħħar darba li se jerġa’ jkollna każ ta’ immigranti bejn sema u ilma, jitkarrbu biex xi ħadd jilqagħhom.
L-immigrazzjoni la hija ‘abjad’ biss u lanqas ‘iswed’ biss u allura wieħed irid iħares lejha mill-angoli u sfidi differenti illi toffri.
Din il-gazzetta titlaq mill-premessa u l-prinċipju innegozzjabbli tad-dritt għall-ħajja. Fil-fatt dan l-editorjal mhux l-ewwel darba li tkellem fuq il-ħajja, mhux biss f’dak li jirrigwarda l-immigranti imma dak li jirrigwarda kull ħaġa li titratta d-dritt li persuna tgħix.
Ladarba allura se nitilqu b’dan il-prinċipju ma nistgħu naqblu qatt u qatt mal-argument illi dawn id-49 immigrant missna ħallejniehom fil-baħar, anke akkost ta’ ħajjithom. Il-ħajja ta’ bniedem ma tista’ qatt tkun pedina f’negozjati politiċi.
Imma ma nistgħux nieqfu hemm. Dan l-editorjal jaqbel mad-diskors tal-Prim Ministru ta’ nhar il-Ħadd li għadda. Kieku pajjiżna, mingħajr ma nnegozja ma’ pajjiżi Ewropej, qabad u daħħal id-dgħajsa mill-ewwel fil-pajjiż kien ikun inħoloq preċedent. Ma jistax pajjiżna, bir-rispett kollu, jimxi ma’ dak li huwa morali u korrett filwaqt li pajjiż ġar tagħna, ħafna u ħafna ikbar minnha jagħlaq il-portijiet u joqgħod jisfida. Għamel sew il-Gvern Malti li fittex li jinnegozja u filwaqt li aċċerta illi jkunu salvati l-immigranti u allura assigura l-prinċipju tal-ħajja, ra li l-immigranti jkunu mqassmin f’pajjiżi differenti, Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.
F’Malta din il-mewġa għadha mhix qed tirriżulta f’voti s’issa, għalkemm ikun aħjar nistennew sa Mejju li ġej biex naraw ċerti partiti u individwi kif se jmorru elettoralment, qabel ma nkunu ottimisti wisq
Minkejja dan iżda l-problema tal-immigrazzjoni se tibqa’ waħda li tmur lil hinn minn sempliċiment waħda ta’ numri. Madwar l-Unjoni Ewropea qed tikber dejjem aktar ir-reżistenza kontra d-dħul ta’ iktar immigranti, reżitsenza illi qed tittrasforma ruħha f’voti li jtuna Gvernijiet bħal tal-Awstrija, l-Italja u l-Ungerija, li jibnu ħitan u li jpoġġu partiti tal-lemin l-aktar qrib li qatt kienu tal-poter, bħal fi Franza.
F’Malta din il-mewġa għadha mhix qed tirriżulta f’voti s’issa, għalkemm ikun aħjar nistennew sa Mejju li ġej biex naraw ċerti partiti u individwi kif se jmorru elettoralment, qabel ma nkunu ottimisti wisq.
Li hu żgur iżda huwa l-fatt li l-ferħ tal-immigranti li waslu qawwijin u sħaħ f’pajjiżna kien milqugħ biċ-ċiniżmu jekk mhux ukoll rabja ta’ ħafna Maltin fuq il-midja soċjali.
Tajjeb li nieħdu kont ta’ din ir-reazzjoni u tajjeb ukoll li dawk il-forzi kollha favur il-protezzjoni tal-ħajja taħt kull ċirkostanza, fosthom din il-gazzetta, jaħdmu biex ir-rabja u d-diviżjoni tonqos mhux tiżdied. Biex ikollna tassew pajjiż kożmopolitan li jiċċelebra dak il-kożmopolitaniżmu, mhux jisħtu.
Fuq livell tal-Unjoni Ewropea huwa ċar illi apparti l-għajnuna skont l-okkażjoni m’hemmx rieda li tinstab soluzzjoni dejjiema. Titubanza u riluttanza biss qed naraw bil-konsegwenza li ħafna nies qed jirrikorru għall-populiżmu u l-partiti tal-lemin estrem.
Anke jekk kif qal l-opinjonista ta’ din il-gazzetta Joe Ellis ġimagħtejn ilu, il-lemin estrem u l-populiżmu ma jagħtix soluzzjonijiet dejjiema, jidher li sezzjoni sostanzjali (u forsi qed tikber) ta’ Ewropej qed ifittxu lil dawn il-movimenti biex jagħtu risposta lill-UE u lill-gvernijiet tagħhom.
....u l-Partit Nazzjonalista
Din il-ġimgħa kompliet s-saga fil-Partit Nazzjonlista. Stejjer dwar firem, ribelljoni, taħwid, qtigħ ta’ qalb u appoġġ lejn Delia ddominaw l-aħbarijiet matul l-aħħar sebat ijiem.
Is-sitwazzjoni hija eżatt kif kienet il-ġimgħa li għaddiet. L-oppożizzjoni għadha maħnuqa f’għanqbuta ta’ ġlied, kukkanji u tradimenti.
L-oppożizzjoni għadha maħnuqa f’għanqbuta ta’ ġlied, kukkanji u tradimenti. Is-sitwazzjoni hija verament tal-biki u jeħtieġ jiġri xi ħaġa biex ikun hemm żblokk
Is-sitwazzjoni hija verament tal-biki u jeħtieġ jiġri xi ħaġa biex ikun hemm żblokk.
Dan l-editorjal jappella lil Adrian Delia biex imur għal vot ta’ fiduċja mingħand il-Kunsillieri u t-tesserati mingħajr aktar dewmien. Huwa dan li jista’ jibda jagħlaq dan il-kapitlu mudlam ta’ ribelljoni u diviżjoni li ħakem lill-PN. Delia għandu bżonn vot qawwi ta’ fiduċja biex ineħħi kull dubju fit-tmexxija tiegħu.
Jekk Delia jirnexxilu jġib iż-żewġ terzi (67%) u terġa’ u tgħid jekk jirnexxielu jaqbeż il-75%-80% jkun qatel l-Oppożizzjoni lejh li frankament mhux lilu biss qed tkisser issa, imma lill-partit li huwa l-Oppożizzjoni.
Jekk Delia qed jibża’ jieħu vot ta’ fiduċja għax qed jibża’ li ż-żewġ terzi, mela allura l-uniku elezzjoni li għandu jaħseb fuqha hija dik tal-persuna li se teħodlu postu.
Illum jew għada d-deċiżjoni trid tittieħed. Wara kollox jekk il-PN isofri t-telfa li ilhom ibassru s-sondaġġi fl-aħħar sena u nofs f’Mejju li ġej, Delia jista’ jkun ċert illi dak li għaddej minnu issa se jerġa’ jgħaddi minnu, tliet darbiet agħar!