Opinjoni | Il-kontabilità…taħt l-effett tal-loppju
Il-partiti politiċi fil-Parlament huma b’kuxjenza mraqqda, qisha taħt l-effett tal-loppju
Il-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar fl-uffiċċju tal-Ombudsman, iktar kmieni din il-ġimgħa kkonkluda li mhu affari ta’ ħadd jekk membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar jattendux jew le l-laqgħat tal-istess bord. Dik biċċa tagħhom: hi responsabbilità tagħhom dwar kif jaġixxu biex iwettqu r-responsabbilitajiet tagħhom. Meta għaldaqstant, Jacqueline Gili kienet ipprovduta bis-servizz ta’ ajruplan privat biex ikun iffaċilitat li hi tattendi għal-laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li fiha kienet diskussa u approvata l-monstrożità tad-db Group f’Pembroke kien hemm indħil mhux permissibli fil-proċeduri tal-istess awtorità.
Is-Sur Johann Buttigieg, Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, ikkonferma pubblikament li d-deċiżjoni li jġib lil Jacqueline Gili b’ajruplan privat minn Catania, u jeħodha lura Catania biex tkompli tgawdi l-btala mal-familja tagħha, kienet deċiżjoni tiegħu. F’pajjiż fejn il-governanza tajba hi pprattikata, mhux ipprietkata biss, is-Sur Buttigieg kien jirreżenja immedjatament, inkella kien jitkeċċa bla dewmien hekk kif l-aħbar kienet magħrufa pubblikament. Dan apparti mid-dell kbir li nxteħet fuq il-validità tad-deċiżjoni li ttieħdet bħala riżultat ta’ dan l-indħil fil-ħidma tal-Bord.
Imma, huwa fatt magħruf li l-Awtorità tal-Ippjanar mhix kapaċi tiddeċiedi fuq każ daqshekk ċar ta’ tmexxija ħażina. M’għandhiex il-kuraġġ li taġixxi.
Ma nistgħux nistennew imġiba mod ieħor. Dawk maħtura fl-awtoritajiet pubbliċi huma kkundizzjonati dwar kif iġibu ruħhom mill-mod kif jaraw lill-politiċi li jkunu ħatruhom iġibu ruħhom. U ngħiduha kif inhi: ma tantx għandhom eżempji tajba fuq xiex jimxu.
L-istorja tal-Panama Papers hi waħda relattivament riċenti. Il-Prim Ministru Joseph Muscat, malli sar jaf li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, waqqfu kumpaniji fl-Amerika Ċentrali, fil-Panama, li hi rinomata bħala post fejn taħbi l-flus u tevita t-taxxi, flok ma keċċihom minnufih, qisu qagħad jiggustahom daqslikieku ma ġara xejn. Dwar x’seta’ ġara iktar mill-kumpaniji ta’ Mizzi u Schembri u t-tielet kumpanija misterjuża (Egrant), s’issa għad ma nġiebu l-ebda provi. Dan intqal mill-Qrati repetutament, avolja d-deċiżjonijiet tal-Qrati ġew interpretati b’mod li qishom naddfu lil uħud assoċjati mal-politika minn kull ħtija possibli. Il-fatti huma mod ieħor, kompletament differenti.
L-ewwel u qabel kollox, l-Oppożizzjoni għandha tkun kapaċi tapplika għaliha dak li ġustament tippretendi b’insistenza mingħand ħaddieħor
S’issa, bla dubju, hemm assenza ta’ provi kredibbli li jindikaw xi ħtija kriminali. Imma ma nistgħux ngħidu l-istess dwar l-imġiba ta’ dawk involuti. Il-provi magħrufa juru bl-iktar mod ċar li tal-inqas hemm imġiba żbaljata u mhix etika u dan minnu nnifsu jiġġustifika sanzjonijiet politiċi.
Dan ma japplikax biss għal dawk il-persuni li huma esposti għall-politika u li issemmew fil-Panama Papers. Japplika wkoll għal xenarji differenti f’kull kamp politiku.
Fuq livell kompletament differenti, jiena, għamilt referenza għal tliet rapporti tal-Awditur Ġenerali dwar ir-responsabbiltajiet politiċi ta’ Jason Azzopardi, ilkoll konnessi mal-amministrazzjoni ta’ art pubblika, diversi drabi. F’kull wieħed minn dawn it-tliet rapporti l-eks Ministru Jason Azzopardi kien iċċensurat b’qawwa kbira. Ilkoll niftakru meta f’Ottubru 2017 waqt laqgħa pubblika tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi uffiċjal pubbliku kien xehed li l-eks Ministru Azzopardi kien jaf b’dak kollu li kien għaddej. Imma Jason Azzopardi jibqa’ jilgħabha tal-iblah u jagħmel tabiruħu li ma kellux idea dwar dak li kien għaddej madwaru.
L-Oppożizzjoni s’issa għadha ma ġegħlitux jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu. La ġiegħlet lilu u lanqas lil oħrajn. Bilfors, f’dan il-kuntest, allura wieħed jistaqsi dwar kif l-Oppożizzjoni tippretendi li neħduha bis-serjetà meta tkun kritika ta’ ħaddieħor. Għax l-ewwel u qabel kollox, l-Oppożizzjoni għandha tkun kapaċi tapplika għaliha dak li ġustament tippretendi b’insistenza mingħand ħaddieħor.
Sfortunatament il-klassi politika presentament fil-ħatra mhiex kapaċi tipprattika dak li tipprietka. Meta l-partiti politiċi fil-Parlament huma b’kuxjenza mraqqda, qisha taħt l-effett tal-loppju, m’għandniex għalfejn niskantaw b’dak li naraw madwarna.