Opinjoni | Appell lin-Nazzjonalisti ta’ rieda tajba
Il-Kandidat Peter Agius iħeġġeġ lin-Nazzjonalisti biex jingħaqdu wara Adrian Delia
Din il-ġimgħa kont fejn Ġiannmari, bidwi full-time. Fi kliemu smajt ħafna domandi. ‘Kif ser tgħinni biex naqla prezz deċenti għall-għaraq ta’ ġbini?’ ‘Kif ser tgħinni biex it-tifel ikun jista’ jieħu r-raba u jgħajjex familja, flok jintefa ħaddiem man-nies?’
Ir-risposta lill-Ġiannmari, kif ukoll lil Johnny u Maria, wieħed sajjied u l-oħra bil-ħanut, tiddependi minn kif ser nużaw l-Ewropa f’pajjiżna. Is-soluzzjonijiet li jien nista’ nipproponilhom jeħtieġu diskussjoni, skrutinju u deċiżjoni fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew li ġejja fil-25 ta’ Mejju.
L-istess jista’ jingħad għad-domandi li rajt f’ għajnejn iż-żgħażagħ dwar il-ġejjieni tagħhom, ‘Ser insib xogħol sew la noħroġ mill-MCAST?’, jew fil-ħaddiema li ltqajt magħhom kemm fil-privat kif ukoll fiċ-ċivil, għajnejhom jirrakkontaw stejjer ta’ ambizzjonijiet li mhux dejjem sabu l-wens tal-awtorita’.
Fl-aħħar erba’ xhur kemm ilni kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew iltqajt ma’ eluf ta’ nies ġo darhom, fil-fabbriki, fl-uffiċċji, fl-għelieqi, max-xatt jew fl-irziezet. F’għajnejhom rajt dawn u bosta domandi oħra importanti ħlief waħda: ‘Min ser imexxi l-Partit Nazzjonalista?’
Ejjew ningħaqdu wara l-kap tagħna Adrian Delia u nħallu l-istrutturi tal-partit kollha jagħmlu xogħolhom b’demokrazija u rispett lejn kull vuċi u kull pożizzjoni
In-nies ta’ vera hemm barra, dawk li nistgħu ngħinu bl-Ewropa li rridu nħaddmu aħjar f’ pajjiżna, jinteresshom biss li jkun hemm Partit Nazzjonlista b’saħħtu, magħqud u determinat li jirrapreżenthom. Id-dover tagħna lkoll li rridu nipproteġu l-legat straordinarju tal-Partit Nazzjonalista, u l-wegħda li jerġa jkun huwa li jidritta d-direzzjoni ta’ dan il-pajjiż, huwa li naħdmu fid-direzzjoni ta’ dawn in-nies.
Li taħdem fid-direzzjoni tan-nies tirrikjedi dixxiplina kbira. Tirrikjedi qabel kollox, li tigdem ilsienek milli tgħid kelma żejda, għax donnu nsejna li aħjar waħda nieqsa. Tirrikjedi kelma ta’ moderazzjoni fost it-tixrid taz-zekzik. Tirrikjedi ta’ spiss li tismot subajt minn fuq il-keyboard tal-facebook.
Għaddejjin fi żmien fejn il-mezzi tal-akbar għajnuna li jista’ jkollna biex inwasslu alternattiva għat-traskuraġni tal-gvern preżenti qed jintużaw bil-kuntrarju ta’ kif għandhom jintużaw biex iwassluna għall-għanijiet tagħna: li ngħinu lin-nies.
Il-facebook, il-whatsapp u t-twitter saru l-mezz fejn ninfexxu f’mattanza ta’ fratriċidju intern. Dan kollu għax naħsbu li rridu nkunu l-ewwel li ngħafsu ‘enter’. Naħsbu li dak li jkollna jbaqbaq fl-istonku irridu bilfors nirremetuh fuq kullħadd. Hemm miżura waħda li jekk nobduha lkoll nimxu mmedjatament żewġ passi ‘lquddiem ‘Stenna u igdem ilsienek’. Stenna għax il-Partit Nazzjonalista għandu r-rwolijiet u l-organi tiegħu. Iridu jkunu huma li jesprimu t-triq il-quddiem. Stenna qabel tesprimi ġudizzju għax kważi dejjem fil-ħajja tirriskja li tiżbalja kull darba li ma tkunx taf l-istampa kollha.
Hemm miżura waħda li jekk nobduha lkoll nimxu mmedjatament żewġ passi ‘l quddiem ‘Stenna u igdem ilsienek’. Stenna għax il-Partit Nazzjonalista għandu r-rwolijiet u l-organi tiegħu
Ġejja elezzjoni li ser tiddeċiedi d-destin tagħna fl-Ewropa. Ta’ spiss’ in-nies jgħidulek li l-Ewropa saret qisa kukkudrill bla snien. Jispjegawlek frustrazzjoni fil-fond ta’ qalbhom meta jaraw Kummissjoni Ewropea li qas titħarrek quddiem skandli kbar ta’ governanza u korruzzjoni f’ pajjiżna. Il-Kummissjoni Ewropea trid tagħti rendikont ta’ għemila lill-Parlament Ewropew. Huwa ironija kbira għaldaqstant, li dawk li jidhru li l-aktar jinteresshom li jkollna Ewropa b’saħħita f’ dawn l-oqsma huma wkoll dawk li donnhom qed jaħsbuha jivvutawx għall-elezzjoni li ġejja. Din tkun traġedja xejksperjana, għax l-aħjar mod kif tavalla l-eċċessi tal-gvern preżenti huwa li jtella rappreżentanza b’saħħitha fuq livell Ewropew.
Għalhekk nagħlaq b’appell lil dawk kollha ta’ rieda tajba. Dawk kollha li jaraw il-ħtieġa ċara u pressanti li nagħtu alternattiva politika lil dan il-pajjiż, u li jridu li l-Ewropa terġa tfisser opportunita’ għas-setturi kollha tas-soċjeta Maltija. Ejjew ningħaqdu wara l-kap tagħna Adrian Delia u nħallu l-istrutturi tal-partit kollha jagħmlu xogħolhom b’demokrazija u rispett lejn kull vuċi u kull pożizzjoni. Kull riserva jew dubju jimmeritaw risposta jew kjarifika, iżda ejjew nagħmlu dan fid-dekor li jixraqlu l-partit ta’ Eddie Fenech Adami, li firex flimkien ma’ sħabu t-tapit l-aħmar għal Malta fl-Ewropa. Aħna lkoll obbligati li nipproteġu dak il-legat billi naħdmu għal rappreżentanza b’saħħitha fil-Parlament Ewropew li jmiss.
Peter Agius, Kandidat għall-Elezzjoni Ewropea. Kien imexxi l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew u parti mill-Kabinett tal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani