Editorjal | L-art tal-poplu, mhux tal-Gvern!
Ladarba l-Gvern irid illi jbigħ din l-art biex isiru appartamenti u biex din ma tibqax art esklussivament għat-turiżmu ma jistax imbagħad jagħtiha kważi b’xejn
Xi kultant ikollna nfakkru, kif fakkarna f’ċirkustanzi oħrajn, illi l-assi tal-poplu huma mislufin lill-Gvern biex dan jagħmel bihom dak li huwa ta’ ġid għal pajjiżna, għall-ġid komuni. L-assi tal-pajjiż żgur mhux qegħdin hemm biex nagħtuhom lil min ma nafux f’xi ftehim li għadna sal-lum ma nafux x’inhu eżatt. L-assi tal-pajjiż lanqas qegħdin hemm biex Gvern jaqbad u jagħtihom bir-ribass lil xi entità privata, bir-rispett kollu.
Ejja nħarsu lejn iċ-ċifri. Il-valur tal-art fejn il-Grupp Corinthia se jagħmel il-proġett huwa stmat li jlaħħaq il-€120 miljun. Minflok l-investitur intalab iħallas €17-il miljun filwaqt li mill-proġett se jidħlu madwar €35 miljun oħra minn ċnus. Prattikament u b’kollox ċifra viċin it-€52 miljun jew inkella €70 miljun inqas mill-valur jekk tgħodd iċ-ċnus u iktar minn €100 miljun inqas mill-valur tal-art jekk tgħodd biss kemm fil-fatt se jħallsu l-investituri.
Kif qal Deputat tal-Gvern stess ma’ din il-gazzetta: ‘Jekk din l-art tiswa l-miljuni kif jista’ jkun li aħna nagħtuha b’xejn?’
Hija ħasra kbira li l-atmosfera u l-mentalità bażwija politika ta’ pajjiżna ma ppermettietx lil dan id-Deputat juri wiċċu, minkejja li għandu raġun hu u mhux min qed jilgħab bl-art tal-poplu qisha kienet parti minn logħba ċess.
Xi kultant donnu f’dan il-pajjiż teżisti amneżija politika qawwija u minflok nitgħallmu mill-iżbalji nerġgħu nirrepetuhom. M’għaddejniex mill-istess kwistjoni meta Gvern Nazzjonalista biegħ il-Mid Med Bank bi prezz li ħafna sostnew li ma kienx biżżejjed
Issa aħna nifhmu li r-raġunament wara l-prezz mhux neċessarjament kien dijaboliku. Probabilment l-argument kien illi dawn l-investituri lokali, ta’ suċċess, se joħolqu ħafna impjiegi u se jtejbu l-infrastruttura tal-madwar. Dan fil-fatt ħadd mhu qed jiċħdu. Ħadd mhu qed jiddubita l-kapaċitajiet u s-suċċessi kbar tal-Grupp Corinthia. Imma skużi, għax intraprenditur għamel suċċess, dak is-suċċess ma jagħtihx id-dritt li jingħata art pubblika bir-ribass.
Din id-darba tkellmet ukoll il-Malta Developers Association. Għallinqas nittamaw li jekk ma jismax mill-għaqdiet ambjentali, il-Prim Ministru jisma’ mill-MDA, li għandha raġun ukoll. Ladarba l-Gvern irid illi jbigħ din l-art biex isiru appartamenti u biex din ma tibqax art esklussivament għat-turiżmu ma jistax imbagħad jagħtiha kważi b’xejn. Tkun qed tivvantaġġja lil dan l-investitur fuq l-ieħor.
Din l-art, oriġinarjament meta ngħatat lill-Grupp minn Gvernijiet Nazzjonalisti, ingħatat bil-premessa li din tibqa’ art għal żvilupp esklussivament turistiku. Il-ftehim li qed jagħmel il-Gvern preżenti qed jitlob li dan jinbidel, biex isiru appartamenti u uffiċini. Jiġifieri fi kliem sempliċi; il-Gvern talabhom ċuċata biex jibnu l-appartamenti. Mhux ta’ b’xejn Sandro Chetuti qed jisbel!
Ħaġ’oħra. Fir-rendikont tiegħu dwar il-prezz, il-Ministru Konrad Mizzi qal illi l-Gvern aċċetta li jaqta’ €33 miljun mill-valur totali minħabba li l-International Hotel Investments xtraw il-lukanda Radisson. Din hija stqarrija ftit vaga żżejjed. Xi ħadd irid jispjega x’inhu r-raġunament eżatt wara dan l-iskont miljunarju.
Dan il-proġett mistenni jġib miegħu l-wasla tal-ewwel lukanda ta’ sitt stilel. Tajjeb nistaqsu. Qed noffru servizz ta’ sitt stilel? Se naraw illi l-infrastruttura pubblika titjieb? Jew se nagħmlu bħal dak li qed jiġri Buġibba; inraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar?
Xi kultant donnu f’dan il-pajjiż teżisti amneżija politika qawwija u minflok nitgħallmu mill-iżbalji nerġgħu nirrepetuhom. M’għaddejniex mill-istess kwistjoni meta Gvern Nazzjonalista biegħ il-Mid Med Bank bi prezz li ħafna sostnew li ma kienx biżżejjed u li wara rriżulta li fil-fatt kien kważi xejn ikkumparat mal-valur tal-istess bank f’pajjiżna?
Dakinhar il-Partit Laburista, ġustament, għamel kjass politiku fuq dan il-bejgħ. Għax l-assi tal-poplu, mhumiex tal-Gvern. Il-Gvern qiegħed hemm biex imexxihom bl-akbar għaqal, kawtela u serjetà.
Issa apparti l-kwistjoni tal-art tajjeb ukoll li nitkellmu fuq l-infrastruttura.
Dan il-proġett mistenni jġib miegħu l-wasla tal-ewwel lukanda ta’ sitt stilel. Tajjeb nistaqsu. Qed noffru servizz ta’ sitt stilel? Se naraw illi l-infrastruttura pubblika titjieb? Jew se nagħmlu bħal dak li qed jiġri Buġibba; inraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar?
Jekk se jkollna lukandi ta’ sitt stilel, irridu ntejbu b’sitt darbiet ix-xogħol ta’ manutenzjoni u fejn hemm bżonn tibdil tal-infrastruttura f’żoni turistiċi. Ma nistgħux nippretendu li l-privat se jirranġa l-bozza u l-bankina, dak xogħol il-Gvern.