Editorjal | Il-quddiesa: ċerimonja jew spiritwalità?
Il-poplu jerġa’ jdur għall-quddies meta din verament tkun tfisser xi ħaġa għalih, mhux meta tkun sempliċiment “obbligu”
L-aħħar ċifri juru illi n-numru ta’ nies li qed jattendu l-quddies ta’ kuljum u/jew ta’ kull nhar ta’ Ħadd, qegħdin dejjem jonqsu. Iċ-ċifri juru tnaqqis li huwa konsiderevoli madwar Malta kollha; 21% inqas fil-parroċċi tat-Tramuntana ta’ pajjiżna (San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa...), 29% inqas fil-parroċċi tal-Punent tal-pajjiż (is-Siġġiewi, ir-Rabat...), tnaqqis ta’ 34% fiż-żona tax-Xlokk (Marsaxlokk, iż-Żejtun...) u 37% u 38% fuq iż-żewġ naħat tal-Port rispettivament.
Dawn iċ-ċifri juru illi t-tnaqqis huwa wieħed konsiderevoli. Issa qabbel dawn iċ-ċifri mal-eluf kbar li jattendu l-festi, kemm il-marċi u biex jaraw il-festi esterni imma wkoll dawk li jmorru għall-funzjonijiet reliġjużi. Huwa ċar illi filwaqt li ħafna nies m’għadhomx iħossu l-bżonn li jmorru l-quddies, xorta jħossu li għandhom jieħdu sehem f’festi li jfakkru l-patrun tagħhom jew inkella l-qawmien ta’ Kristu (l-Irxoxt) jew inkella t-twelid tiegħu.
Dan juri illi hemm distakk ċar bejn dak li huwa spiritwali u dak li huwa kulturali. Filwaqt li n-nies huma mħeġġin biex jaħdmu u jgawdu ċ-ċelebrazzjonijiet kulturali li jsawru parti importanti minn dak li aħna, ma jħossux illi għandhom jattendu għall-quddies. Imma dan ifisser li aħna pagani? Dan ifisser li lil Alla u r-reliġjon tajniehom il-ġenb?
Altru milli. U jeħtieġ nieqfu nkejlu l-ispiritwalità u l-moralità tal-poplu skont iċ-ċifri tal-quddies.
Meta wieħed jippunta subgħajh għat-tnaqqis fil-quddiesa lejn l-Arċisqof Scicluna u jieqaf hemm, ikun qed jagħmel analiżi mill-aktar superfiċjali tas-sitwazzjoni
Ngħiduha kif inhi, il-quddies tista’ tkun funzjoni monotona, li ftit li xejn iddaħħlek fl-ispirtu. Tista’ tkun maqtugħa mir-realtajiet tal-lum, antikwata u prevedibbli.
Aktar milli poplu pagan, iktar nemmnu li l-quddiesa tilfet is-sens spiritwali tagħha u iktar milli tqarreb lin-nies lejn Alla, hija formola repetittiva, xi kultant bla tifsira u fil-każ tal-festi, teatrali. U m’hemm xejn ħażin! M’hemm xejn ħażin li fil-festi jitkantaw innijiet bil-Latin u ma fiha xejn ħażin li nlibbsu lill-knejjes bl-aqwa rikkezzi u linef u damask, wara kollox dak huwa wirt tar-raħal jew belt fejn tinsab il-Knisja. Imma dan ma jfissirx li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet huma spiritwali u wisq anqas se jressqu lil dawk li jieħdu sehem aktar lejn is-sewwa. Huma ‘teatru’ sabiħ u pompuż li bħala poplu niddelettaw ħafna bih.
U huwa forsi dan, iktar minn kollox, li qed iwassal għal tnaqqis f’dawk li jmorru l-quddies.
Ħafna nies, jew għallinqas dawk li jemmnu, qed jibdew jippreferu jsibu lil Alla jew isibu d-dawl li jeħtieġu f’ħajjithom fil-kwiet ta’ darhom, waħedhom u fis-silenzju. Bosta nies jippreferu illi jfittxu dak li jixtiequ, lil hinn mit-tempju mimli linef, damask u pitturi u jiċċelebraw l-ispiritwalità tagħhom qalb il-familja, mat-tfal u mal-qraba fil-paċi.
Jekk il-Knisja tkun aktar radikali u tbiddel il-monotonija u l-previdibilità, fil-bidla u l-ispontanjetà hemm ċans li aktar nies jersqu lejn il-Knisja mhux biex jammiraw il-ġebla
Biex in-nies jersqu lejn il-quddies, din teħtieġ li terġa’ ssir verament l-eżerċizzju illi permezz tiegħu n-nies jifhmu aħjar min huma, iħarsu fihom infushom u li permezz tagħha jkunu jistgħu jiffaċċjaw l-inkwiet tagħhom, jinqatgħu mis-solitudni tagħhom jew jiċċelebraw is-suċċessi tagħhom.
Meta wieħed jippunta subgħajh għat-tnaqqis fil-quddiesa lejn l-Arċisqof Scicluna u jieqaf hemm, ikun qed jagħmel analiżi mill-aktar superfiċjali tas-sitwazzjoni. Vera li ċerti stqarrijiet u parzjalità tal-Arċisqof ma jgħinux, però veru wkoll illi hawn biżibilju ta’ qassisin li huma nies twajba, ġentlomi u li qed jagħmlu ħafna ġid.
Biżżejjed naraw illi fejn kien hemm ftit tal-oriġinalità u l-ħsieb il-quddiesa kienet suċċess, fis-sens li n-nies marru u minflok qagħdu jittewbu u jħarsu lejn l-arloġġ jew jaraw x’inhi liebsa dik u l-oħra, ħassew il-vera esperjenza spritiwali. Ħarġu mill-Knisja iktar fil-paċi magħhom infushom u dawk ta’ madwarhom.
Jekk il-Knisja tkun aktar radikali u tbiddel il-monotonija u l-previdibilità, fil-bidla u l-ispontanjetà hemm ċans li aktar nies jersqu lejn il-Knisja, mhux biex jammiraw il-ġebla imma biex verament inaddfu r-ruħ, għax wara kollox x’inhi u x’għandha tkun il-quddiesa jekk mhux tfittixija ġenwina fina nfusna biex inkunu aħjar?
Il-poplu jerġa’ jdur għall-quddies meta din verament tkun tfisser xi ħaġa għalih, mhux meta tkun sempliċiment “obbligu”.