Opinjoni | Tikkritika l-Gvern iva, tattakka u timmina lil pajjizek le
Hemm baħar jaqsam bejn li tikkritika lill-Gvern u li tattakka bla rażan lil pajjiżek...jikteb il-Ministru Owen Bonnici
F’pajjiż demokratiku l-kritika kostruttiva hija milqugħa b’idejn miftuħa. Hija bżonjuża u wkoll parti minn diskussjoni għanja biex l-affarijiet jimxu ’l quddiem. Hemm ukoll il-libertà tal-espressjoni, li dan il-Gvern jemmen fiha bis-sħiħ u ta prova ċara ta’ dan meta fl-14 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet daħal fis-seħħ l-Att dwar il-Media u l-Malafama.
Fl-isfond ta’ dan, tajjeb li ngħid li hemm baħar jaqsam bejn li tikkritika lill-Gvern u tattakka bla rażan lil pajjiżek.
Għaliex qed ngħid dan? Għaliex ta’ spiss jien u l-kollegi tiegħi qed ikollna nippreżentaw il-fatti vera quddiem udjenza internazzjonali li qed tintema b’informazzjoni mgħawwġa jew iktar gravi, sitwazzjonijiet li mhumiex vera, dwar pajjiżna. Tal-mistħija.
Nhar it-Tnejn li għadda, kelli seduta li matulha ddefendejt mill-qalb lil pajjiżi. Seduta tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew li quddiemu kellu għad-diskussjoni “Kriminalità Finanzjarja, Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa f’Malta”.
Iddefendejt kollox punt punt. Jiddispjaċini ħafna li l-informazzjoni li kellu quddiemu l-kumitat kienet għalkollox kontra dak li fil-fatt hija s-sitwazzjoni f’pajjiżna. Qabel inkompli, rrid ngħid li ovvjament li mhux kollox ward u żahar. Hemm oqsma li qed tkompli l-ħidma fihom, hemm oqsma li għaddejjin diskussjonijiet ma’ entitajiet internazzjonali biex inkomplu ntejbuhom.
U dan kollu juri l-maturità politika ta’ dan il-Gvern.
Sa minn meta l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern fl-2013, mill-ewwel bdiet ħidma sfieqa biex lill-pajjiż noħorġuh minn 25 sena ta’ nuqqas ta’ azzjoni fejn jidħlu setturi importanti, fosthom fil-ġustizzja, is-servizzi finanzjarji, is-sistema legali u oħrajn li huma importanti biex pajjiżna jimxi ’l quddiem u jkun riġenerat f’dawk l-oqsma li tħallew jimxu mar-riħ.
Daħħalna liġijiet, riformi u dak kollu possibbli biex insaħħu d-demokrazija, is-saltna tad-dritt, il-libertajiet ċivili u oħrajn – riformi u liġijiet li fil-leġiżlaturi ta’ qabilna lanqas biss ħolma ma kienu.
Għalhekk huwa ta’ dispjaċir li quddiem il-barrani, ikunu ppreżentati affarijiet li assolutament ma jkunux minnhom. U dan qed isir, ma niddejjaqx ngħid, għal skopijiet purament ta’ politika partiġġjana lokali.
Iddefendejt kollox punt punt. Jiddispjaċini ħafna li l-informazzjoni li kellu quddiemu l-kumitat kienet għalkollox kontra dak li fil-fatt hija s-sitwazzjoni f’pajjiżna
Ħa ngħaddi ftit punti minn dak li ppreżentajt quddiem il-kumitat msejjaħ “TAX 3 Committee” tal-Parlament Ewropew.
Nibda bis-sistema legali. Is-sistema legali Maltija żviluppat tul l-istorja b’elementi kemm mil-liġi Kontinentali u kif ukoll mil-liġi Ingliża, dik magħrufa bħala Common Law. Meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, is-sistema legali Maltija kienet evalwata bħala konformi mar-regoli Ewropej.
Mill-2013 lil hawn dan il-Gvern għamel diversi riformi, fosthom it-tneħħija tal-preskrizzjoni għall-politiċi, il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-liġi tal-whistleblower u riformi oħrajn b’mod kontinwu.
Saħansitra fl-2016 għaddew emendi kostituzzjonali mill-Parlament li jillimitaw is-saħħa tal-Eżekuttiv fejn jidħlu l-membri tal-Ġudikatura.
Rajna li s-sistema li biha jinħatru l-ġudikanti tkun aktar trasparenti u toffri sistema ta’ kontabbilità lill-ġudikatura. Għalhekk waqqafna kumitat responsabbli li jevalwa l-espressjonijiet ta’ interess għal min ikun eliġibbli u meritevoli, skont kriterji stabbiliti, biex isir Imħallef jew Maġistrat.
Żidna l-ammont ta' Ġudikanti, bl-aħħar żieda għall-ewwel darba fl-istorja legali ta’ pajjiżna, hemm maġġoranza assoluta ta’ nisa fil-Ġudikatura; 23 ġudikant mara mqabbel ma’ 22 ġudikant raġel. B’dawn il-ħatriet il-ġodda, l-ammont ta’ ġudikanti komplessivament żdied b’erbgħa, meta mqabbel ma’ ħames snin ilu, jiġifieri żewġ imħallfin iktar u żewġ maġistrati iktar.
Dawn apparti sistemi u miżuri oħra li daħħalna biex qed intejbu mhux biss l-operat tal-qrati tagħna, imma wkoll l-esperjenza tal-klijent li jkollu bżonn is-servizzi tal-qrati.
Dan mhux se jieqaf hawn għaliex għaddejjin u fis-snin li ġejjin se nkomplu nwettqu aktar riformi biex bil-fatti dan is-settur tant kruċjali għad-demokrazija ta’ pajjizna jkompli jissaħħaħ.
Meta tkellimt quddiem il-kumitat dwar il-ħasil tal-flus, anki hawn kelli nikkoreġi s-sitwazzjoni li ġiet ippreżentata lilhom.
Tajt dawn il-fatti: Bħalissa Malta qed ittejjeb is-sistema tagħha fejn tidħol is-superviżjoni tal-anti money laundering. Tajjeb li nfakkar li l-Anti Money Laundering Directive ġiet addottata wkoll mill-Parlament Malti. Fejn jidħlu riżorsi, irridu niftakru li fl-aħħar snin il-baġit allokat għal investigazzjonijiet ta’ financial crime żdied b’erba’ darbiet.
Inżid li Malta ngħaqdet ukoll mal-European Public Prosecutor’s Office, EPPO u daħħalna fis-seħħ dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi bl-għan ewlieni li l-Bureau għall-Irkupru tal-Assi jingħata iktar poteri biex jibda jaqdi iktar funzjonijiet fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.
Naħseb li wieħed mis-setturi li jitpoġġa dawl ikrah fuqu huwa s-sistema ta’ pajjiżna għal Ċittadinanza b’investiment. Jingħad ħafna, imma dak li jingħad minn dawk li messhom jafu aħjar qed jingħad biex jitfgħu dell ikrah fuq il-Gvern fuq skala internazzjonali. Qisu li pajjiżna biss għandha din l-iskema.
Għaliex qed ngħid hekk? Għaliex fejn jidħol il-Programm taċ-Ċittadinanza b’investiment, mhijiex Malta biss li toffri dan il-programm. 20 membru stat joffru ċittadinanza b’investiment jew skemi ta’ residenza fl-Unjoni Ewropea.
Meta nitkellmu dwar riskji ta’ sigurtà, fil-każ tagħna fejn jidħol il-programm ta’ ċittadinanza b’investment il-proċess huwa wieħed li huwa ħafna aktar strinġenti mill-proċess tan-naturalizzazzjoni (meta persuna tapplika biex tingħata ċittadinanza wara numru ta’ snin tgħix jew taħdem Malta). Persuni li jiġu naturalizzati fl-Unjoni Ewropea (madwar 4 miljuni fis-sena) ma jiġux suġġetti għad-diliġenza dovuta u l-investigazzjonijiet li huma suġġetti għalihom nies li japplikaw għaċ-ċittadinanza b’investiment.
Apparti minn hekk, Malta hija waħda mill-ftit ġurisdizzjonijiet fejn il-preżenza fiżika fil-pajjiż hija meħtieġa taħt dan il-programm, u għalhekk huwa meħtieġ status residenzjali qabel tingħata l-applikazzjoni.
Bħala stat trasparenti, tajjeb li nfakkru wkoll li Malta hija waħda mill-ftit pajjiżi Ewropej li tippubblika l-isem ta’ dawk kollha li jieħdu ċittadinanza. In-natura tal-kontrolli tad-diliġenza dovuta wkoll hija pubblika.
Għalhekk huwa ta’ dispjaċir li quddiem il-barrani, ikunu ppreżentati affarijiet li assolutament ma jkunux minnhom. U dan qed isir, ma niddejjaqx ngħid, għal skopijiet purament ta’ politika partiġġjana lokali
Ikkoreġejt ukoll l-impressjoni li ġew ippreżentati biha l-membri tal-kumitat dwar is-sistema tat-taxxa f’pajjiżna.
Malta hija kommessa għal aktar trasparenza fejn tidħol it-taxxa. Is-sistema Maltija kienet suġġetta għall-iskrutinju u sarula wkoll tibdiliet meħtieġa skont il-Code of Conduct Group on Business Taxation and DG Competition wara l-aċċessjoni fl-Unjoni Ewropea.
Inżid ukoll li tkellimt dwar ix-xogħol li qed isir ukoll dwar ir-Riforma Kostituzzjonali. Hawnhekk qed jiltaqgħu l-Gvern u l-Oppożizzjoni taħt il-gwida tal-President tar-Repubblika, eżerċizzju li miexi b’mod pożittiv. Il-Gvern waħdu ma jistax jimplimenta dawn il-proposti għaliex ħafna minnhom għandhom bżonn iż-żewġ terzi fil-Parlament.
Quddiem il-kumitat tkellimt dwar dak kollu li qed jagħmel dan il-Gvern fl-oqsma li semmejt. Dan huwa biss sintesi tax-xogħol kbir li qed isir minn gvern li ma jiddejjaqx idaħħal riformi, miżuri u liġijiet biex isaħħaħ lil pajjiżna. Ma jiddejjaqx idaħħal dawn, għaliex m’għandu xejn x’jaħbi. M’għandu l-ebda problema li jkompli jtejjeb l-oqsma kollha li fuqhom hija bbażata d-demokrazija, is-saltna tad-dritt, is-sistema ġudizzjarja u dik legali u wkoll l-oqsma kollha finanzjarji. Isaħħaħ ukoll is-sistemi kollha li permezz tagħhom ikun hemm prevenzjoni li pajjina jista’ b’xi mod jintuża għal skopijiet malinni.
Il-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu. Huwa ta’ diżappunt u dispjaċir li l-Oppożizzjoni qed ikollha amnesija politika u ma tirrikonoxxix dan ix-xogħol, imma bil-maqlub qed tmur fil-fora internazzjonali biex ittellef il-ħidma għaqlija ta’ dan il-Gvern.
Nagħlaq kif bdejt. Hemm baħar jaqsam bejn li tikkritika lill-Gvern u li tattakka bla rażan lil pajjiżek.