Editorjal | Mini, reklamazzjoni u rovina!
Jekk mhux se nitkellmu llum, għada jkun tard wisq!
F’din il-ġirja biex nibnu kullimkien u biex nibnu kemm Alla ħalaq flats, biex minn kull biċċa art nagħmlu kemm nifilħu flus, dan il-pajjiż riesaq biex jitlef wieħed mill-isbaħ widien li apparti l-wirt ambjentali u storiku rikk tiegħu huwa wkoll wieħed mill-isbaħ żoni fil-pajjiż, li jgħaqqad ix-Xemxija mar-raħal ċkejken tal-Limbordin u l-Miżieb u jibqa’ sejjer sa Għajn Tuffieħa.
Dan biex ma nsemmux il-fatt li apparti s-sbuħija naturali taż-żona minn hawn jgħaddi fost l-aqwa ilma tal-pjan, hemm fost l-iktar art għammiela kif ukoll diversi għerien li għandhom storja partikolari.
Imma x’jimpurtana minn dan kollu? X’jimpurtana li wieħed mill-ftit u l-isbaħ pulmuni ta’ dan il-pajjiż se neqirduh? Għax ta’ min ifakkar u jipprevedi illi ladarba l-mina tkun qed tiftaħ minn hawn, ikollna nwessgħu t-toroq u allura nieħdu l-art, imbagħad nibnu xi pompa tal-petrol, imbagħad xi venda żgħira jew kbira għal tal-linja, imbagħad xi gabbana ma tmurx tmut bil-ġuħ fil-mina, imbagħad xi parkeġġ u nibqgħu sejrin. U l-Pwales, li xi darba kien wirt imprezzabbli għal uliedna nibdluh f’konkos u kummerċ. X’jimpurtana l-aqwa li komdi.
Dan ma jfissirx li ma nifhmux lill-Għawdxin li jeħtieġu jqumu tant kmieni biex imorru x-xogħol. Imma possibbli ma stajniex, fejn se nonfqu tant miljuni, nonfqu ftit ieħor u niftħuha fuq art li hija diġà mittiefsa jew f’xi industrial estate? Iva possibbli biex nagħmlu mina, bilfors irridu nkissru u neqirdu aktar mill-ftit ambjent naturali mill-isbaħ li għad fadlilna? Għaliex dejjem inħarsu sal-ponta ta’ mneħirna? Kollox ‘issa’ u ‘llum’? Hawn tant spazji vojta, mitluqin kollha ħmieġ f’dan il-pajjiż, possibbli wied mill-isbaħ irridu neqirdu?
U nlestu l-mina u vera minflok nofs siegħa, tistenna u bil-vapur, tagħmel għaxar minuti kollox, imma malli toħroġ mill-mina u tibda ssuq, traffiku se terġa’ ssib f’San Pawl il-Baħar, int u dieħel Burmarrad, il-Mosta, in-Naxxar (ħdejn il-Pama), imbagħad terġa’ l-Iklin u niqbgħu sejrin
Imma għax sal-Pwales hija l-aktar malajr, l-aktar li tista’ ġġib voti għax issir qabel xi elezzjoni.
U nlestu l-mina u vera minflok nofs siegħa, tistenna u bil-vapur, tagħmel għaxar minuti kollox, imma malli toħroġ mill-mina u tibda ssuq, traffiku se terġa’ ssib f’San Pawl il-Baħar, int u dieħel Burmarrad, il-Mosta, in-Naxxar (ħdejn il-Pama), imbagħad terġa’ l-Iklin u niqbgħu sejrin.
Ta’ min nistaqsu. Jagħmel sens li ġojjell naturali se nġibuh siment? Vallapena li wied mill-isbaħ, pulmun għal pajjiżna se ngħattnuh (dan ukoll!) bil-konkrit? Possibbli m’hemmx għażliet oħrajn, li vera forsi jdumu sena jew sentejn aktar u jqumu aktar flus, imma li b’xi mod isalvaw lil din waħda mill-isbaħ partijiet ta’ pajjiżna? Jew ħadd m’għadu jinteressah? Jew għax issa xi ħadd, b’arroganza kbira, qal li d-diskussjoni magħluqa ħadd ma jista’ jipproponi? U la qed insemmu l-arroganza; xi ħadd kellem lir-residenti tal-Miżieb, il-Limbordin u x-Xemxija, jew għax ma tantx hemm voti nistgħu narmuhom?
Nerġgħu nistaqsu; iva possibbli hawn tant żoni mitluqin, bilfors minn wieħed mill-isbaħ żoni tal-pajjiż irridu niftħuha din il-mina?
‘Inevitabbli r-reklamazzjoni tal-art...’
U l-istejjer traġiċi fl-ambjent ikomplu. Kif irrapportajna l-Ħadd li għadda hemm theddida serja, din id-darba mhux biss ambjentali imma oltrè u għaqda tax-Xgħajra qed titlob garanziji.
Qed jgħidulna li m’hemmx għażla oħra. Bilfors irridu naċċettaw ir-reklamazzjoni tal-art għax inkella ma nkunux qed inħaddnu l-progress, għax inkella m’għandniex iktar fejn nibnu hux! Għax la qridna l-art, fi ftit kliem, irridu neqirdu l-baħar ukoll. U sadanittant addio l-‘unobstructed seaviews’ ta’ min xtara post mal-baħar, lanqas dawk m’għandhom sagrosanti għax is-Sur Sandro Chetcuti qalilna li r-reklamazzjoni hija inevitabbli.
Din mhux kwistjoni partiġġjana! Wara kollox il-Labour ma tantx jinteressah mill-ambjent u Delia bilkemm semmieh fid-diskors tal-Kunsill Ġenerali. Din hija kwistjoni ta’ rispett lejn artna
U għal ġieħna għalfejn irridu nagħmlu r-reklamazzjoni? Mhux biex nagħmlu xi park jew xi post għall-gost tal-familji u fejn persuna ssib il-paċi! Ma tarax! Mis-siġar il-ħnieżer ma jitħanżrux aktar! Le, irridu nagħmlu reklamazzjoni biex nibnu aktar torrijiet u flats! X’inovazzjoni!
Għalhekk hekk kif bħalissa ta’ kuljum qed nisimgħu kif siġar qed jinqalgħu, blokok telgħin, ġonna taħt il-mannara, baħar li jista’ jinqered u issa saħansitra wieħed mill-isbaħ widien b’tiketta ta’ data ta’ skadenza, jeħtieġ tkun il-midja u dawk li għandhom farka sensittività għal pajjiżna li jitkellmu.
Din mhux kwistjoni partiġġjana! Wara kollox il-Labour ma tantx jinteressah mill-ambjent u Delia bilkemm semmieh fid-diskors tal-Kunsill Ġenerali. Din hija kwistjoni ta’ rispett lejn artna u rispett lejn uliedkom li se jieħdu dan il-pajjiż mingħandkom.
Jekk mhux se nitkellmu llum, għada jkun tard wisq!