Opinjoni | Insaħħu dak li jagħmilna Maltin
Irridu nħarsu l-passat kulturali tagħna, għaliex dan huwa dak li jagħmilna Maltin
Xjagħmilna Maltin?
Dak kollu li sa mill-qedem u matul is-sekli, sawwar lis-soċjetà Maltija u Għawdxija dik li hija llum. L-identità tagħna hija msejsa fuq il-ħidma tal-antenati tagħna f’kull qasam. Bnew il-pedament li maż-żmien evolva biex illum għandna poplu li jiftaħar li għandu l-gżejjer rikki li jgħix fihom.
Ovvjament meta qed ngħid dan, qed nitkellem dwar il-kultura bħala bażi li minnha mexa kollox ’il quddiem.
U għalhekk irridu nħarsu l-passat kulturali tagħna, għaliex dan huwa dak li jagħmilna Maltin. Jekk tifli sew il-qasam kulturali tara r-rabta li dan joħloq bejnietna. Fehmiet politiċi hemm bosta u hekk għandu jkun f’pajjiż demokratiku. Imma anki dawk li jaqblu bejniethom ma jaqblux, forsi, fid-dettalji.
Imma mbagħad idħol fid-dinja tal-kultura u tara għaqda. Għaqda wara t-tradizzjonijiet, il-festi, u dak kollu li bħala poplu ngħożżu f’kull belt u raħal tagħna.
Dan huwa dak li bħala ministeru qed nagħmlu. Qed nagħmlu xogħol kbir biex inkomplu nagħtu valur lill-prodott ta’ pajjiżna u nsaħħu dak li jagħmilna Maltin.
U hawn fejn jidħol il-programm vast ta’ restawr li qed isir mal-pajjiż kollu. U biex inħarsu dan il-wirt storiku tagħna, qed naħdmu b’reqqa, bi pjan u mingħajr ma nħallu xejn li jxekkilna biex nindukraw il-prodott kulturali Malti.
Jekk nagħmel lista ta’ x’għaddej bħalissa f’pajjiżna fejn jidħol restawr, nagħti lista sabiħa ta’ 71 proġett. Dawn huma biss dawk il-proġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbilità u qed jagħmel ħidma eċċellenti fuqhom id-Direttorat tar-Restawr. Jekk mal-lista nżid proġetti oħra li qed isiru minn entitajiet oħra fosthom il-Heritage Malta, tkompli titwal sew.
Qegħdin insaħħu wkoll il-prodott lokali bħala destinazzjoni kulturali. Għaliex il-kultura li ddawwarna qed tkun ukoll niċċa turistika li qed tagħti l-frott u tgħin l-ekonomija tal-pajjiż
Proġetti li huma varji u jkopru minn palazz sa binja storika, minn sit ta’ importanza storika sa niċċa f’kantuniera f’salib it-toroq. Minn knejjes sa kappelli.
Żewġ kappelli li żort f’dawn il-jiem u li fuqhom dalwaqt jitlesta r-restawr huma dawk ta’ San Ġwann il-Battista – waħda fis-Siggiewi u l-oħra dedikata għall-istess qaddis f’Ħal Għargħur.
Żewġ kappelli l-ġmiel tagħhom. Ilhom weqfin għal snin kbar. Filfatt dik tas-Siġġiewi tmur lura għas-sena 1730 u dik ta’ Ħal Għargħur jingħad li tmur lura saħansitra għas-sena 1223, imma żgur mibnija mill-ġdid fis-sena 1675. Kemm għandna biex niftaħru bl-istorja rikka tagħna!
U dan huwa dak li qed naħdmu għalih bħala ministeru. Ngħollu l-valur tal-prodott billi nagħtuh il-ħajja mistħoqqa mill-ġdid billi nippriservawh u nagħtuh ħajja ta’ għexieren ta’ snin oħra biex igawduh dawk ta’ warajna, għalhekk inkunu qed insaħħu dak li jagħmilna Maltin anke f’dan il-qasam tal-kultura.
Grazzi għal dawn il-proġetti, qegħdin inkomplu nipproteġu u nsaħħu l-wirt lokali tagħna biex dan ikun verament disponibbli għal kulħadd.
Bis-saħħa ta’ dawn il-proġetti ta’ restawr u konservazzjoni, s’issa diġà ħdimna f’70% tal-lokalitajiet. Imma fejn jidħol dan ix-xogħol mhux qed nistrieħu għaliex grazzi għal aktar proġetti li huma għaddejjin, u oħrajn li qed jiġu ppjanati, qegħdin verament insaħħu s-settur kulturali, nipprovdu aktar sostennibbiltà u professjonalizzazzjoni fi ħdanu.
Apparti minn dan, imma, qegħdin insaħħu wkoll il-prodott lokali bħala destinazzjoni kulturali. Għaliex il-kultura li ddawwarna qed tkun ukoll niċċa turistika li qed tagħti l-frott u tgħin l-ekonomija tal-pajjiż.
U huwa propju għalhekk ukoll li x-xogħol ta’ priservazzjoni u restawr mhux qed ikun limitat biss f’dak li huwa bini u ġebel. Jagħmluna wkoll Maltin anki l-volumi ta’ karti u manuskritti li permezz tagħhom hija ddokumentata l-istorja li għaddejna minnha.
Ħu l-volum li fih kopja tal-għotja tal-George Cross lil Malta u li huwa miżmum fl-Arkivji Notarili fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern. Mhuwiex kappella jew niċċa, imma huwa dokument li jfakkarna wkoll f’dak li għadda minnu l-poplu Malti, grajja ta’ gwerra li minkejja l-kruha tagħha, imma għaqqditna bħala poplu.
Anki hawn qed insaħħu dak li huwa Malti. U filfatt fil-ġimgħat li għaddew ħabbart kif dan il-volum ingħata trattament ta’ konservazzjoni bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni b’suċċess bejn l-Uffiċċju fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Din l-Art Ħelwa u l-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili.
Din hija tip ta’ kollaborazzjoni li ssaħħaħ il-ħidma favur il-kultura tagħna.
Volum importanti li jġorr miegħu sinifikat storiku intrinsiku bħala rappreżentazzjoni tal-istorja u l-legat ta’ pajjiżna. Għaliex kif ktibt fil-bidu, l-istorja tagħna hija parti integrali tal-identità tagħna u kellha rwol importanti fit-tfassil ta’ pajjiżna.
Għalhekk permezz tal-konservazzjoni ta’ dan id-dokument qed inkomplu ngħinu biex nippreservaw dan il-volum storiku għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Tajjeb li nfakkar li din l-inizjattiva ttieħdet wara żjara bi gwida fl-2018 għall-membri ta’ Din l-Art Ħelwa. It-trattament ta’ konservazzjoni twettaq mill-konservatriċi ta’ dokumenti Alejandra Molano Contreras taħt is-superviżjoni tal-Kap tal-Konservazzjoni Dr Theresa Zammit Lupi.
Il-volum fih ukoll atti notarili oħrajn bħal atti li jittrattaw bejgħ ta’ artijiet, rikostruzzjoni ta’ djar li ġarrbu ħsarat u l-forniment ta’ proviżjonijiet u fuel li jkomplu jikkontribwixxu għall-ħarsien ta’ aspetti mill-passat ta’ Malta u tal-kultura tal-populazzjoni Maltija.
Iva, qed nagħmlu xogħol kbir biex inkomplu nsaħħu l-prodott ta’ pajjiżna u investiment biex insaħħu dak li jagħmilna Maltin.
***
U aktar investiment ukoll biex inkomplu nsaħħu l-qrati tagħna.
Dil-ġimgħa flimkien mal-Prim Imħallef ħabbart investiment ta’ kważi nofs miljun fuq proġett infrastrutturali ta’ network ġdid.
Ħa mmur pass lura.
Mis-sena 2013, meta tlajna fil-Gvern bdejna nwettqu dak li wegħedna għal dan il-qasam jiġifieri mhux bil-paroli biss, imma wkoll fir-realtà, daħħalna liġijiet, implimentajna miżuri, daħħalna sistemi ġodda, qed inqarrbu s-sistemi viċin il-klijent u l-ħaddiem biex dawk li jagħmlu użu mill-Qorti jkollhom esperjenza aħjar għal dak li jkollhom bżonn.
Sar investiment ta’ kważi nofs miljun ewro fuq proġett infrastrutturali ta’ network ġdid fil-qorti
Komplejna nsaħħu l-ġudikatura u wkoll l-infrastruttura tal-Qorti. U se nkomplu nagħmlu dan.
Investiment ta’ kważi nofs miljun fuq proġett infrastrutturali ta’ network ġdid. Kien ilu jinħass il-bżonn li ndaħħlu l-Qorti fid-dinja moderna teknoloġika li ninsabu fiha. Matul l-aħħar snin kienet qed tinħass li s-sistema mhux qiegħda tlaħħaq mal-avvanzi kbar li qegħdin iseħħu fit-teknologija tal-informatika. U għalhekk wara li saru l-istudji u konsultazzjonijiet neċessarji ġie deċiż li tiġi installata infrastruttura ta’ network ġdid.
U wasalna wkoll. ll-Qorti tal-Ġustizzja ta’ Malta għaddejja minn proġett biex ittejjeb l-infrastruttura tal-informatika tagħha, permezz ta’ network ġdid li jkun kapaċi jlaħħaq mal-bżonnijiet preżenti kif wkoll dawk futuri, u hekk il-Qorti jkollha sistema li biha l-pubbliku jkun moqdi b’mod aktar spedit u effiċjenti.
Ħidma li se twassal biex fl-aħħar tal-proġett ikunu tqiegħdu madwar 122 kilometru ta’ cables tal-aħħar ġenerazzjoni u jkunu twaħħlu mal-2,500 network point ġdid. Dan kollu qiegħed isir biex kemm jista’ jkun inkomplu nsaħħu u nżidu fl-effiċjenza ta’ waħda mill-ogħla istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Ta’ min jinnota li kemm ilu li nbeda l-proġett min-nofs is-sena li għaddiet, diġà saru mat-12,000 siegħa ta’ xogħol. Primarjament dan il-proġett ser iservi sabiex titjieb is-sistema tal-informatika, imma ma’ dan kien maħsub ukoll li jiġu provduti numru ta’ network points addizzjonali li ser iservu ta’ bażi għal servizzi oħrajn, fosthom, sistema għall-camera tas-sigurtà ġdida, Wi-Fi, u sistema ta’ telefonija digitali.
Dan ix-xogħol qiegħed isir f’numru kbir ta’ uffiċini, minn fejn l-impjegati kontinwament jaħdmu biex jagħtu servizz lill-pubbliku mis-27 Awla tal-Qrati, mhux biss imma dan ix-xogħol kien ukoll meħtieġ li jsir fl-Awli stess. Wieħed japprezza li dan ix-xogħol ried jitwettaq mingħajr ma jkun hemm telf ta’ ħin jew interuzzjonijiet fix-xogħol odjern tal-Qrati.
***
Nagħlaq billi nawgura lil dawk kollha li bħal-lum u fil-jumejn ta’ wara se jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Karnival. Tradizzjoni li wkoll qed insaħħu bit-tkomplija ta’ aktar investiment fil-bini tal-Carnival Experience tal-Marsa.
Grazzi wkoll lill-parteċipanti u voluntiera kollha li jagħtu l-ħin tagħhom biex aħna nkunu nistgħu ngawdu l-Karnival.